Proċedura : 2017/2931(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0595/2017

Testi mressqa :

B8-0595/2017

Dibattiti :

PV 15/11/2017 - 7
CRE 15/11/2017 - 7

Votazzjonijiet :

PV 15/11/2017 - 13.16
CRE 15/11/2017 - 13.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0442

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 452kWORD 58k
10.11.2017
PE614.231v01-00
 
B8-0595/2017

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-qagħda tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija fil-Polonja (2017/2931(RSP))


Roberta Metsola f'isem il-Grupp PPE
Sophia in ‘t Veld, Guy Verhofstadt, Louis Michel, Angelika Mlinar, Morten Helveg Petersen, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Cecilia Wikström, Frédérique Ries, Gérard Deprez, Nathalie Griesbeck f'isem il-Grupp ALDE
Josef Weidenholzer f'isem il-Grupp S&D
Barbara Spinelli, Malin Björk, Gabriele Zimmer, Cornelia Ernst, Marie-Christine Vergiat, Marisa Matias, Merja Kyllönen, Xabier Benito Ziluaga, Tania González Peñas, Lola Sánchez Caldentey, Estefanía Torres Martínez, Miguel Urbán Crespo, Patrick Le Hyaric, Josu Juaristi Abaunz, Curzio Maltese, Kostas Chrysogonos, Eleonora Forenza, Dimitrios Papadimoulis, Kostadinka Kuneva, Stelios Kouloglou f'isem il-Grupp GUE/NGL
Judith Sargentini, Eva Joly, Jan Philipp Albrecht, Ska Keller f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qagħda tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija fil-Polonja (2017/2931(RSP))  
B8-0595/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattati tal-UE u b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 4, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-ġurisprudenza relatata tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Marzu 2014 dwar qafas ġdid biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt (COM(2014)0158),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Polonja(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2016 dwar l-iżviluppi reċenti fil-Polonja u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni dwar l-Istat tad-Dritt tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2016 li tikkomplementa r-rakkomandazzjoni tagħha tas-27 ta' Lulju 2016, li tqis l-aħħar żviluppi fil-Polonja fid-dawl tal-ħatra ta' President ġdid tat-Tribunal Kostituzzjonali,

–  wara li kkunsidra t-tielet Rakkomandazzjoni dwar l-Istat tad-Dritt tal-Kummissjoni tas-26 ta' Lulju 2017, fejn tesprimi t-tħassib serju tagħha dwar ir-riforma ppjanata tal-ġudikatura fil-Polonja, li, skont il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, tkabbar it-theddida sistemika għall-istat tad-dritt fil-Polonja li diġà ġiet identifikata fil-proċedura tal-istat tad-dritt li nbdiet mill-Kummissjoni f'Jannar 2016,

–  wara li kkunsidra t-tweġiba tal-Gvern Pollakk tal-20 ta' Frar 2017 fejn irrifjuta l-idea li fil-Polonja kien hemm theddida sistemika għall-istat tad-dritt u dik tad-29 ta' Awwissu 2017 fejn irrifjuta l-oġġezzjonijiet tal-Kummissjoni għar-riformi tal-ġudikatura u kkontesta l-kompetenza tagħha li tivvaluta s-sistema ġudizzjarja,

–  wara li kkunsidra l-proċeduri ta' ksur imnedija mill-Kummissjoni kontra l-Polonja, fosthom il-proċedura tad-29 ta' Lulju 2017 u l-opinjoni motivata tat-12 ta' Settembru 2017 rigward il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, li ddikjarat li l-Liġi Pollakka mhijiex kompatibbli mad-dritt tal-UE, speċjalment l-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), id-Direttiva 2006/54 dwar it-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol u l-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li jinqara f'konnessjoni mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-iskambji ta' fehmiet li saru fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu mal-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni, Frans Timmermans, fit-22 ta' Marzu, il-31 ta' Awwissu u s-6 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-iskambji ta' fehmiet li saru fil-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tas-16 ta' Mejju 2017 u l-25 ta' Settembru 2017 dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-14 ta' Ottubru 2016 tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar l-Att dwar it-Tribunal Kostituzzjonali u d-dikjarazzjoni tal-24 ta' Jannar 2017 mill-President tal-Kummissjoni ta' Venezja fejn esprima t-tħassib kbir tiegħu dwar id-deterjorament tal-qagħda fil-Polonja,

–  wara li kkunsidra t-tneħħija fit-18 ta' Mejju 2017 mis-sit web tat-Tribunal Kostituzzjonali u mill-bażi tad-data legali online tiegħu tat-tliet verdetti li jikkonċernaw dawn is-sentenzi li ġejjin: 9.03.2016 (K 47/15 li tiddikjara li l-bidliet adottati mill-gvern għall-Att dwar it-Tribunal Kostituzzjonali mhumiex kostituzzjonali), 11.08.2016 (K 39/16 li tikkontesta l-legalità tad-dispożizzjonijiet ewlenin tat-tieni att li jemenda l-funzjonament tat-Tribunal Kostituzzjonali) u 7.11.2016 (K 44/16 dwar il-legalità tal-ħatra tal-President u l-Viċi President tat-Tribunal Kostituzzjonali),

–  wara li kkunsidra l-adozzjoni mill-Parlament Pollakk f'Ġunju u f'Lulju 2017 ta' erba' liġijiet li jirriformaw il-ġudikatura, jiġifieri: il-liġi li temenda l-liġi dwar l-Iskola Nazzjonali tal-Ġudikatura u l-Prosekuzzjoni Pubblika, il-liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u ċerti liġijiet oħra ("il-liġi dwar l-Iskola Nazzjonali tal-Ġudikatura"); il-liġi li temenda l-liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura u ċerti liġijiet oħra ("il-liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura"); il-liġi li temenda l-liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji ("il-liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji"); u l-liġi dwar il-Qorti Suprema, li qajmet tħassib serju dwar il-ksur tas-separazzjoni tas-setgħat u t-tmiem tal-indipendenza tal-ġudikatura,

–  wara li kkunsidra l-ittra mill-President tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Lulju 2017 li tesprimi t-tħassib tal-maġġoranza kbira tal-mexxejja tal-gruppi politiċi fil-Parlament dwar il-liġijiet adottati li jirriformaw il-ġudikatura,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-President Pollakk tas-27 ta' Lulju 2017 li jeżerċita veto kontra żewġ liġijiet kontroversjali li ġew approvati mill-Parlament Pollakk aktar kmieni dak ix-xahar u li kienu jheddu serjament l-indipendenza ġudizzjarja fil-Polonja,

–  wara li kkunsidra ż-żewġ proposti mill-President Pollakk dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura u l-Qorti Suprema, li jqajmu tħassib dwar jekk humiex konformi mal-Kostituzzjoni Pollakka u li ma jindirizzawx il-problemi relatati mas-separazzjoni tas-setgħat jew l-indipendenza tal-ġudikatura,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tat-Tribunal Kostituzzjonali Pollakk tal-24 ta' Ottubru 2017 li ddikjarat li r-regoli għall-elezzjoni tal-Presidenti tal-Qorti Suprema u tal-Assemblea Ġenerali tal-Imħallfin tat-Tribunal Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema mhumiex kostituzzjonali,

–  wara li kkunsidra d-digriet ratione temporis maħruġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE fis-27 ta' Lulju 2017 fil-Kawża C-441/17 li jitwaqqaf il-qtugħ tas-siġar fuq skala kbira fil-Foresta ta' Białowieża, li ma kienx implimentat mill-Gvern Pollakk, u l-biżgħat li l-qtugħ tas-siġar kontinwu jikkawża dannu gravi u irreparabbli lill-foresta filwaqt li l-qorti qed taħdem fuq dan il-każ,

–  wara li kkunsidra d-digrieti għal miżuri provviżorji tat-8 ta' Ġunju 2017 maħruġa mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem biex jintemmu r-ripatrijazzjonijiet sommarji lejn il-Belarussja; wara li kkunsidra l-proposti mressqa f'Jannar 2017 mill-Ministru għall-Intern tal-Polonja biex tiġi emendata l-Liġi dwar il-Barranin , li jqajmu tħassib dwar il-kompatibbiltà tagħhom mad-dritt Ewropew u internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Liġi dwar l-Assemblej Pubbliċi, kif emendata f'Diċembru 2016, li tippermetti limitazzjonijiet eċċessivi fuq id-dritt ta' għaqda, inkluż l-għoti ta' preċedenza tal-hekk imsejħa assemblej regolari/ċikliċi ddedikati għal avvenimenti patrijottiċi, reliġjużi u storiċi u l-possibbiltà li l-awtoritajiet jipprojbixxu kontrodimostrazzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-Liġi dwar iċ-Ċentru Nazzjonali għall-Iżvilupp tas-Soċjetà Ċivili ta' Ottubru 2017, li tpoġġi taħt il-kontroll tal-gvern l-aċċess għall-finanzjament pubbliku min-naħa tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, anke f'dak li jirrigwarda l-fondi tal-UE, u b'hekk tqajjem tħassib dwar il-finanzjament adegwat tal-NGOs, inklużi, fost oħrajn, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa,

–  wara li kkunsidra r-rapporti minn NGOs internazzjonali dwar l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fil-Polonja, fosthom ir-rapport tal-Amnesty International tad-19 ta' Ottubru 2017 intitolat "Poland: On the streets to defend human rights"(Il-Polonja: Fit-triq biex niddefendu d-drittijiet tal-bniedem) u r-rapport tal-Human Rights Watch tal-24 ta' Ottubru 2017 intitolat "Eroding Checks and Balances - Rule of Law and Human Rights Under Attack in Poland" (L-erożjoni tal-Kontroll Demokratiku - L-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet tal-Bniedem Qed Jiġu Attakkati fil-Polonja),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-OSKE/ODIHR tal-5 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' emendi għall-att dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura u ċerti atti oħra tal-Polonja; dik tat-22 ta' Awwissu 2017 dwar l-Abbozz ta' Att tal-Polonja dwar l-Istitut tal-Libertà Nazzjonali – iċ-Ċentru għall-Iżvilupp tas-Soċjetà Ċivili; u dik tat-30 ta' Awwissu 2017 dwar ċerti dispożizzjonijiet tal-Abbozz ta' Att dwar il-Qorti Suprema tal-Polonja, li rrimarkaw li d-dispożizzjonijiet proposti kienu inkompatibbli b'mod inerenti mal-istandards internazzjonali u mal-impenji tal-OSKE,

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi dwar is-seba' rapport perjodiku tal-Polonja, adottat mill-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fil-31 ta' Ottubru 2016, fejn il-Polonja hija mħeġġa tieħu passi biex tipproteġi l-indipendenza tat-Tribunal Kostituzzjonali u l-ġudikatura, u tiddefinixxi b'mod aktar preċiż ir-reat tat-terroriżmu, sabiex tiġġieled kontra l-abbuż,

–  wara li kkunsidra l-intervent tal-Kanada tad-9 ta' Mejju 2017 fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fil-kuntest tal-Eżami Perjodiku Universali tal-Polonja, u l-ittra tat-23 ta' Ottubru 2017 indirizzata mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-Polonja,

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet preliminari dwar iż-żjara uffiċjali fil-Polonja tas-27 ta' Ottubru 2017 mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati, fejn esprima tħassib dwar l-istat tal-indipendenza tal-ġudikatura fil-Polonja,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2188(2017) tal-11 ta' Ottubru 2017 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, intitolata "New threats to the rule of law in Council of Europe member States: selected examples" (Theddid ġdid għall-istat tad-dritt fl-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropea: eżempji magħżula),

–  wara li kkunsidra l-protesti ripetuti tal-massa kontra l-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-gvern, fosthom "il-Protesta s-Sewda" ta' Ottubru 2016 li impediet bidla fil-liġi attwali dwar l-abbort, "il-Marċa favur il-Libertà" tas-6 ta' Mejju 2017 u l-protesti f'Lulju 2017 wara l-adozzjoni tal-liġijiet li jirriformaw il-ġudikatura,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi; billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; billi l-konformità ma' dawn il-valuri ġiet approvata mill-poplu Pollakk fir-referendum li sar fl-2003;

B.  billi l-Artikolu 9 tal-Kostituzzjoni Pollakka jiddikjara li r-Repubblika tal-Polonja tirrispetta d-dritt internazzjonali li huwa vinkolanti għaliha;

C.  billi l-UE topera abbażi tal-preżunzjoni ta' fiduċja reċiproka, jiġifieri li l-Istati Membri jaġixxu f'konformità mad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, kif minquxa fil-KEDB u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

D.  billi l-istat tad-dritt huwa wieħed mill-valuri komuni li fuqhom hija msejsa l-UE, u billi l-Kummissjoni, flimkien mal-Parlament u l-Kunsill, hija responsabbli skont it-Trattati biex tiggarantixxi r-rispett għall-istat tad-dritt bħala valur fundamentali tal-Unjoni u biex tiżgura li d-dritt, il-valuri u l-prinċipji tal-UE jiġu rispettati;

E.  billi dawn il-prinċipji jinkludu: il-legalità, li timplika proċess trasparenti, responsabbli, demokratiku u pluralistiku għall-promulgazzjoni tal-liġijiet; iċ-ċertezza tad-dritt; il-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat eżekuttivi; qrati indipendenti u imparzjali; kontroll ġudizzjarju effettiv, inkluż ir-rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali; u l-ugwaljanza quddiem il-liġi;

F.  billi l-indipendenza tal-ġudikatura hija minquxa fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 6 tal-KEDB u hija rekwiżit essenzjali tal-prinċipju demokratiku tas-separazzjoni tas-setgħat, li huwa wkoll rifless fl-Artikolu 10 tal-Kostituzzjoni Pollakka;

G.  billi l-libertà ta' assoċjazzjoni għandha tkun protetta; billi soċjetà ċivili attiva u midja pluralistika jiżvolġu rwol essenzjali fil-promozzjoni ta' soċjetà miftuħa u pluralistika, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess demokratiku u t-tisħiħ tar-responsabbiltà tal-gvernijiet; billi l-NGOs għandhom jiġu ffinanzjati b'mod adegwat;

H.  billi r-rifjut tal-Gvern Pollakk li jimplimenta d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE dwar il-qtugħ tas-siġar fil-Foresta ta' Białowieża u li jirrispetta d-digriet għal miżuri provviżorji maħruġa mill-QEDB dwar ir-ripatrijazzjonijiet lejn il-Belarussja huwa turija ċara tal-fatt li l-Polonja mhijiex issegwi t-Trattati tal-UE;

I.  billi għexieren ta' dimostranti ffaċċjaw proċedimenti skont il-Kodiċi ta' Reati Żgħar u f'xi każijiet skont il-Kodiċi Kriminali; billi huwa rrapportat li aktar minn 300 ruħ sfaw imħarrka mill-pulizija b'rabta mal-parteċipazzjoni tagħhom fi protesti f'Ottubru 2017;

J.  billi, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-KEDB u l-ġurisprudenza tal-QEDB, is-saħħa sesswali u riproduttiva tan-nisa hija relatata ma' diversi drittijiet tal-bniedem, inklużi d-dritt għall-ħajja u għad-dinjità, il-libertà minn trattament inuman u degradanti, id-dritt ta' aċċess għall-kura tas-saħħa, id-dritt għall-privatezza, id-dritt għall-edukazzjoni u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni, kif huwa rifless ukoll fil-Kostituzzjoni Pollakka;

1.  Jisħaq li huwa ta' importanza fundamentali li l-valuri komuni Ewropej elenkati fl-Artikolu 2 tat-TUE u fil-Kostituzzjoni Pollakka jiġu rispettati bis-sħiħ u li d-drittijiet fundamentali kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiġu garantiti;

2.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li esprima fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' April 2016 u f'dik tal-14 ta' Settembru 2016; itenni, b'mod partikolari, it-tħassib tiegħu dwar l-iżviluppi leġiżlattivi li qed isiru b'pass mgħaġġel f'ħafna oqsma mingħajr konsultazzjonijiet xierqa jew il-possibbiltà ta' rieżami kostituzzjonali indipendenti u leġittimu, bir-riskju li dan jimmina sistematikament id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, il-kontrolli u l-ekwilibriji demokratiċi u l-istat tad-dritt; itenni, b'mod partikolari, it-tħassib tiegħu dwar tali bidliet fl-oqsma tal-midja pubblika, il-liġi kriminali, il-liġi dwar il-pulizija, il-liġi dwar is-servizz ċivili, il-liġi dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-liġi dwar l-NGOs, il-liġi dwar l-asil, il-libertà ta' għaqda u d-drittijiet tan-nisa;

3.  Jiddispjaċih ħafna u bi tħassib dejjem jikber dwar il-fatt li ma nstabet l-ebda soluzzjoni ta' kompromess għall-problema fundamentali tal-funzjonament xieraq tat-Tribunal Kostituzzjonali (l-indipendenza u l-leġittimità tiegħu, kif ukoll il-pubblikazzjoni u l-implimentazzjoni tas-sentenzi kollha tiegħu), fatt li jimmina serjament il-Kostituzzjoni Pollakka u d-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Polonja; jirrimarka b'dispjaċir kbir li l-Gvern Pollakk jirrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni l-kritika kostruttiva li ġejja miċ-ċittadini Pollakki u minn istituzzjonijiet nazzjonali, internazzjonali u tal-UE, u li ma tħabbret l-ebda azzjoni biex tindirizza dan it-tħassib;

4.  Jinsab imħasseb ħafna dwar il-leġiżlazzjoni abbozzata mill-ġdid dwar il-ġudikatura Pollakka, f'dak li jirrigwarda b'mod speċifiku l-potenzjal tagħha li timmina strutturalment l-indipendenza ġudizzjarja u ddgħajjef l-istat tad-dritt fil-Polonja;

5.  Jinnota li, fis-27 ta' Lulju 2017, il-President Duda uża l-veto tiegħu kontra żewġ liġijiet kontroversjali li kienu ġew approvati mill-Parlament Pollakk u li huwa qies bħala inkompatibbli mal-Kostituzzjoni Pollakka, filwaqt li ddikjara li kienu jheddu serjament l-indipendenza ġudizzjarja fil-Polonja; jappella għal dibattitu estensiv fil-livell nazzjonali mal-partijiet interessati rilevanti kollha rigward ir-riforma ġudizzjarja, li għandha tiddefendi l-istat tad-dritt u tikkonforma mad-dritt tal-UE u l-istandards Ewropej ta' indipendenza ġudizzjarja; jistieden lill-President Pollakk ma jiffirmax liġijiet ġodda sakemm dawn ma jiggarantux għalkollox l-indipendenza tal-ġudikatura;

6.  Jappoġġa r-Rakkomandazzjonijiet dwar l-Istat tad-Dritt maħruġa mill-Kummissjoni, kif ukoll il-proċedimenti ta' ksur li din nediet kontra l-Polonja għal ksur tad-dritt tal-UE; jirrikonoxxi d-determinazzjoni tal-Kummissjoni li, bħala gwardjana tat-Trattati, tissorvelja s-sitwazzjoni fil-Polonja u s-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tagħha min-naħa tal-awtoritajiet Pollakki, filwaqt li tkompli toffri appoġġ sħiħ lill-Polonja biex issib soluzzjonijiet adegwati għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt;

7.  Iħeġġeġ lill-Parlament u lill-Gvern tal-Polonja biex jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni u tal-Kummissjoni ta' Venezja, u biex joqogħdu lura milli jwettqu kwalunkwe riforma li taf tpoġġi f'riskju r-rispett għall-istat tad-dritt, u b'mod partikolari l-indipendenza tal-ġudikatura; jappella, f'dan ir-rigward, għall-posponiment tal-adozzjoni ta' kwalunkwe liġi sakemm il-Kummissjoni u l-Kummissjoni ta' Venezja jwettqu valutazzjoni xierqa;

8.  Jistieden lill-Gvern Pollakk biex jikkonforma mad-digriet ratione temporis tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE tas-27 ta' Lulju 2017 fil-Kawża C-441/17 u biex jissospendi minnufih il-qtugħ ta' siġar fuq skala kbira fil-Foresta ta' Białowieża, li qed jissogra li jikkawża dannu serju u irriversibbli lil dan is-sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO; jistieden lill-Gvern Pollakk biex iwaqqaf ir-ripatrijazzjonijiet sommarji lejn il-Belarussja bil-għan li jikkonforma mad-digriet għal miżuri provviżorji tal-QEDB ta' Ġunju 2017, li huwa vinkolanti, u biex jiżgura li kwalunkwe persuna li tesprimi l-intenzjoni li tfittex asil jew protezzjoni internazzjonali fuq il-fruntieri tal-Polonja tgawdi aċċess sħiħ għall-proċedura Pollakka tal-asil f'konformità mal-obbligi internazzjonali u d-dritt tal-UE;

9.  Jistieden lill-Gvern Pollakk jirrispetta d-dritt għal-libertà ta' għaqda billi jneħħi mil-liġi attwali dwar l-għaqda dawk id-dispożizzjonijiet li jagħtu preċedenza lill-assemblej "ċikliċi" approvati mill-gvern; iħeġġeġ lill-awtoritajiet joqogħdu lura milli japplikaw sanzjonijiet kriminali kontra persuni li jipparteċipaw f'assemblej jew kontradimostrazzjonijiet paċifiċi u jwaqqgħu l-akkużi kriminali kontra dimostranti paċifiċi;

10.  Jistieden lill-Gvern Pollakk biex jirrevoka l-liġi dwar it-twaqqif ta' Ċentru Nazzjonali għall-Iżvilupp tas-Soċjetà Ċivili, li tostakola l-aċċess għal finanzjament mill-Istat min-naħa ta' gruppi kritiċi tas-soċjetà ċivili, u biex jiżgura li d-distribuzzjoni tal-fondi pubbliċi lis-soċjetà ċivili titwettaq b'mod ġust, imparzjali u trasparenti u b'hekk jiggarantixxi rappreżentanza pluralistika;

11.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar rapporti tal-midja dwar sorveljanza mill-pulizija fil-konfront ta' mexxejja tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Pollakki jinvestigaw dawn ir-rapporti u jirrispettaw bis-sħiħ il-privatezza taċ-ċittadini kollha;

12.  Jistieden lill-Gvern Pollakk biex jikkonforma mad-dispożizzjonijiet kollha relatati mal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali minquxa fit-Trattati, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, fil-KEDB u fl-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u biex jinvolvi ruħu direttament fi djalogu mal-Kummissjoni;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat regolarment u mill-qrib, b'mod trasparenti, dwar il-progress li jkun sar u l-azzjoni meħuda;

14.  Jemmen li s-sitwazzjoni attwali fil-Polonja tirrappreżenta riskju ċar ta' ksur serju tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE; jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu biex ifassal rapport speċifiku f'konformità mal-Artikolu 83(1)(a) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, bil-għan li ssir votazzoni plenarja dwar proposta motivata li tistieden lill-Kunsill jaġixxi skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE;

15.  Itenni l-ħtieġa li jkun hemm proċess regolari ta' monitoraġġ u ta' djalogu li jinvolvi lill-Istati Membri kollha, sabiex jissalvagwarda l-valuri fundamentali tal-UE ta' demokrazija, drittijiet fundamentali u stat tad-dritt, bl-involviment tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Parlament, kif dan tal-aħħar ippropona fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2016 dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (il-Patt DRF)(3);

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Polonja, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-OSKE.

 

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0123.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0344.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2016)0409.

Avviż legali