Proċedura : 2017/2935(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0596/2017

Testi mressqa :

B8-0596/2017

Dibattiti :

PV 14/11/2017 - 11
CRE 14/11/2017 - 11

Votazzjonijiet :

PV 15/11/2017 - 13.12
CRE 15/11/2017 - 13.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 410kWORD 49k
10.11.2017
PE614.232v01-00
 
B8-0596/2017

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-istat tad-dritt f'Malta (2017/2935(RSP))


Miriam Dalli, Alfred Sant, Marlene Mizzi, Biljana Borzan, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Tonino Picula, Nicola Danti, Enrico Gasbarra, Miltiadis Kyrkos, Elena Valenciano, Simona Bonafè, Cécile Kashetu Kyenge, Eva Kaili, Paul Brannen, Boris Zala, Kathleen Van Brempt, Monika Beňová, Paul Tang, Kati Piri, Carlos Zorrinho, Claude Moraes, Sergei Stanishev, Miapetra Kumpula-Natri, Tibor Szanyi, Brando Benifei, Wajid Khan, Hugues Bayet, Maria Grapini, Andrejs Mamikins, John Howarth, Soraya Post, Isabella De Monte, Julie Ward, Neena Gill, Jeppe Kofod, Victor Boştinaru, Jude Kirton-Darling, Rory Palmer, Cătălin Sorin Ivan, Seb Dance f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istat tad-dritt f'Malta (2017/2935(RSP))  
B8‑0596/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett tad-dinjità tal-bniedem u tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll fuq il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza u l-istat tad-dritt; billi dawn il-valuri huma universali u komuni għall-Istati Membri kollha;

B.  billi l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia wassal għal dimostrazzjonijiet paċifiċi fit-toroq f'Malta li talbu l-ġustizzja, l-obbligu ta' rendikont u r-rispett tal-istat tad-dritt;

C.  billi l-UE tiffunzjona fuq il-preżunzjoni tal-fiduċja reċiproka, jiġifieri li l-Istati Membri jirrispettaw id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, kif minquxa fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

D.  billi, skont l-Att dwar il-Pulizija ta' Malta (Kapitolu 164 tal-Liġijiet ta' Malta), il-Kummissarju tal-Pulizija f'Malta jinħatar direttament mill-gvern;

E.  billi Malta ilha Stat Membru tal-Unjoni Ewropea mill-2004; billi, skont stħarriġ tal-opinjoni pubblika, maġġoranza kbira taċ-ċittadini Maltin huma favur is-sħubija ta' Malta fl-UE;

F.  billi l-istħarriġ l-aktar riċenti fost iċ-ċittadini Maltin juri li l-istituzzjonijiet ewlenin huma fdati mill-maġġoranza, b'perċentwali ta' fiduċja ta' 72 % għall-gvern, 69 % għall-korp tal-pulizija, 51 % għall-qrati u 51 % għall-midja;

1.  Jikkundanna l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u jistieden lill-Gvern Malti jimmobilizza r-riżorsi kollha biex iressaq lil min qatilha quddiem il-ġustizzja;

2.  Jirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-Gvern Malti biex jitwettqu investigazzjonijiet indipendenti dwar il-qtil, li jinkludu l-kollaborazzjoni tal-Europol u ta' forzi oħra ta' pajjiżi terzi, fosthom l-FBI u esperti tal-forensika Olandiżi;

3.  Jagħraf it-tħassib ġenwin li dan il-każ qajjem fost il-Membri tiegħu, b'mod partikolari peress li jikkostitwixxi theddida diretta għal-libertà tal-espressjoni;

4.  Jinnota t-tħassib li Membri ta' din il-Kamra sikwit esprimew dwar l-iskemi ta' ċittadinanza permezz ta' investiment inġenerali f'xi Stati Membri tal-UE;

5.  Huwa mħasseb dwar l-involviment ta' politiċi fl-iskandlu tal-Panama Papers;

6.  Jistieden lill-Gvern Malti jkun trasparenti mal-istituzzjonijiet rilevanti kollha tal-UE rigward il-kwistjonijiet kollha li jqumu mill-preokkupazzjonijiet imsemmija hawn fuq, b'mod imparzjali, kooperattiv u bbażat fuq l-evidenza;

7.  Itenni l-ħtieġa li jkun hemm proċess regolari ta' djalogu li jinvolvi lill-Istati Membri kollha, sabiex jissalvagwardja l-valuri fundamentali tal-UE tad-demokrazija, id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-President tar-Repubblika ta' Malta.

Avviż legali