Proċedura : 2016/3044(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0660/2017

Testi mressqa :

B8-0660/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0491

ABBOZZ TA' RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW LILL-KUNSILL U LILL-KUMMISSJONI
PDF 621kWORD 86k
30.11.2017
PE614.273v01-00
 
B8-0660/2017

skont l-Artikolu 198(12) tar-Regoli ta' Proċedura


wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa (2016/3044(RSP))


Werner Langen, Jeppe Kofod, Petr Ježek f'isem il-Kumitat ta' Inkjesta inkarigat biex jinvestiga allegazzjonijiet ta' kontravvenzjoni u ta' amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni b'rabta mal-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa

B8‑0660/2017  

Abbozz ta' rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa

(2016/3044(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 116 u 226 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tad-19 ta' April 1995 dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew(1),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar it-twaqqif ta' Kumitat ta' Inkjesta biex jinvestiga allegati kontravvenzjonijiet u amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni b'rabta mal-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa(2),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015(3) u tas-6 ta' Lulju 2016(4) dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili,

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar li ndaħħlu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki dwar it-taxxa fuq il-kumpaniji fi ħdan l-Unjoni(5),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-26 ta' Ġunju 2017 dwar il-valutazzjoni tar-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-suq intern u li huma relatati ma' attivitajiet transfruntiera (COM(2017)0340),

  wara li kkunsidra l-Pjattaforma tal-Unità tal-Intelligence Finanzjarja tal-Unjoni Ewropea (Pjattaforma UIF tal-UE) li timmappja l-eżerċizzju u l-analiżi tad-distakk tas-setgħat tal-UIF tal-UE kif ukoll l-ostakli biex tinkiseb u tiġi skambjata l-informazzjoni, tal-15 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' rakkomandazzjoni tal-Kumitat ta' Inkjesta b'rabta mal-Ħasil tal-Flus, l-Evitar tat-Taxxa u l-Evażjoni tat-Taxxa,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kumitat ta' Inkjesta b'rabta mal-Ħasil tal-Flus, l-Evitar tat-Taxxa u l-Evażjoni tat-Taxxa (A8-0357/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 198(12) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1. Ġenerali

1.  Jinnota bi tħassib li l-każ tal-Panama Papers heżżeż il-fiduċja taċ-ċittadini fis-sistemi finanzjarji u ta' tassazzjoni tagħna; jisħaq kemm huwa kruċjali li titreġġa' lura l-fiduċja tal-pubbliku u jiġu żgurati sistemi tat-taxxa ġusti u trasparenti u ġustizzja fiskali u soċjali; jistieden, għal dan il-għan, lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jimplimentaw u jsaħħu adegwatament l-għodod ġuridiċi tagħhom b'mod li jissostitwixxu s-segretezza bit-trasparenza u l-kooperazzjoni reċiproka u l-iskambju ta' informazzjoni, jiġġieldu l-ħasil tal-flus b'mod aktar effikaċi u jappella lill-Istati Membri biex jissimplifikaw is-sistemi ta' taxxa tagħhom sabiex jiżguraw aktar ġustizzja fit-tassazzjoni u jinvestu fl-ekonomija reali;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jkun ridefinit il-mudell ta' tassazzjoni Ewropew sabiex jillimita l-kompetizzjoni inġusta bejn l-Istati Membri;

3.  Jiddeplora l-għadd ta' każijiet ta' amministrazzjoni ħażina li l-Kumitat ta' Inkjesta tal-Parlament li għandu jinvestiga allegazzjonijiet ta' kontravvenzjoni u ta' amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni b'rabta mal-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa kien kixef fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, u jissottolinja t-tħassib serju tiegħu dwar il-ksur tad-Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLD III)(6) relatati mal-kooperazzjoni mill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF); iħeġġeġ kemm lill-Kummissjoni u kemm lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi, l-impenji, il-kooperazzjoni u l-investimenti tagħhom fir-riżorsi finanzjarji u umani sabiex itejbu s-superviżjoni u l-infurzar mhux biss bil-għan li jimpedixxu u jiġġieldu b'mod aktar effikaċi l-prattiki illegali bħall-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi fiskali iżda anke sabiex jimpedixxu u jiġġieldu l-evitar tat-taxxa u l-ippjanar fiskali aggressiv li jistgħu jkunu legali iżda jmorru kontra l-ispirtu tal-liġi; ifakkar fil-prinċipju ta' prevedibbiltà tal-akkużi; jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe ksur tal-liġi jiġi kkastigat kif xieraq; jinsisti fuq il-kosteffikaċja ta' dan l-investiment;

4.  Jitlob lill-Istati Membri jżommu lura minn ippjanar fiskali aggressiv min-naħa tal-provvista billi jirriklamaw u joffru deċiżjonijiet u vantaġġi tat-taxxa jew permezz ta' regoli ad hoc;

5.  Jiddispjaċih li għadhom jeżistu ħafna lakuni fil-leġiżlazzjoni attwali dwar l-evażjoni tat-taxxa u dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali, u jikkunsidra li hemm bżonn urġenti ta' implimentazzjoni bir-reqqa u ta' tisħiħ ulterjuri tal-leġiżlazzjoni; jilqa' ż-żieda fl-isforzi u l-progress li sar biex jitressqu proposti leġiżlattivi ġodda sabiex jintroduċu strateġiji inklużivi minn mindu ġew ippubblikati l-Panama Papers, iżda jiddispjaċih għan-nuqqas ta' rieda politika fost ċerti Stati Membri biex jagħmlu progress fir-riformi u l-infurzar li jistgħu jġibu magħhom bidla effikaċi;

6.  Jiddispjaċih li kwistjonijiet marbuta mal-politika dwar it-taxxa fil-livell tal-Kunsill spiss jiġu mblukkati minn Stati Membri individwali; itenni t-twissijiet magħmula mill-Kumitat TAXE1 li skontu l-għoti tad-dritt tal-veto lil kull Stat Membru fil-kwistjonijiet tat-taxxa jfisser li r-regola dwar l-unanimità fi ħdan il-Kunsill tnaqqas l-inċentiv favur bidla mill-istatus quo lejn soluzzjoni aktar kooperattiva; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tuża l-proċedura stipulata fl-Artikolu 116 TFUE, li tagħmilha possibbli li r-rekwiżit ta' unanimità jinbidel f'każijiet fejn il-Kummissjoni ssib li differenza bejn id-dispożizzjonijiet stabbiliti permezz ta' liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri tkun qed tikkawża distorsjoni fil-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni fis-suq intern;

7.  Jinnota bi tħassib li t-Trattati u l-leġiżlazzjoni tal-UE, bħad-Direttiva dwar Kumpaniji Prinċipali u Sussidjarji(7) u d-Direttiva dwar l-Imgħax u d-Drittijiet Dovuti(8), joħolqu asimetrija problematika billi jipprijoritizzaw il-moviment liberu tal-kapital u tal-istabbiliment tan-negozju fuq it-tassazzjoni ġusta u effikaċi; jinnota li eżempju ċar ta' dan huma s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li żammew lill-Istati Membri milli japplikaw miżuri ta' difiża robusti (pereżempju r-regoli dwar il-Korporazzjoni Kkontrollata minn Barra l-Pajjiż jew it-tassazzjoni tal-ħruġ) kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa abbażi tal-libertajiet fundamentali tas-suq intern(9); jinnota li din it-tip ta' integrazzjoni tistabbilixxi preġudizzju strutturali għall-benefiċċju ta' investituri u korporazzjonijiet li joperaw lil hinn mill-fruntieri; jitlob f'dan il-kuntest li jsir rieżami usa' tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tal-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-libertajiet fundamentali tas-suq intern bil-ħsieb li b'mod sistematiku jiġu evitati każijiet ta' nontassazzjoni doppja u ta' kompetizzjoni tat-taxxa li tagħmel il-ħsara li jinħolqu bħala konsegwenzi mhux intenzjonati tal-faċilitazzjoni ta' ċaqliq tal-kapital fl-Unjoni;

8.  Jinnota li l-evitar tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus għadhom fenomeni fil-livell globali u għalhekk jirrikjedu reazzjoni komprensiva, ċara u koerenti bbażata fuq appoġġ reċiproku u żieda fil-kooperazzjoni fil-livell tal-UE u f'dak globali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu rwol ewlieni fil-ġlieda globali kontra l-evitar tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus;

9.  Jisħaq li biex titqies b'mod sħiħ id-diġitizzazzjoni tal-ambjent tan-negozju hu meħtieġ li jkun definit kunċett ta' stabbilimenti tan-negozju diġitali li jiżgura li kumpaniji li jagħmlu qligħ fi Stat Membru wieħed mingħajr ma jkollhom stabbiliment fiżiku f'dak l-Istat Membru jkunu trattati bl-istess mod li bih ikunu trattati kumpaniji bi stabbiliment fiżiku tan-negozju; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tinkludi lin-negozji diġitali fil-miżuri kollha Ewropej ta' kontra l-evitar tat-taxxa u f'miżuri relatati oħra tat-taxxa;

10.  Jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jkunu proattivi u ma jistennewx ir-rivelazzjonijiet tal-media qabel ma jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet bħala kwistjoni ta' prijorità; ifakkar li t-trasparenza ma tistax tkun biss settorjali;

11.  Jisħaq li hemm ħtieġa ta' viġilanza biex ikun żgurat li l-Brexit la tiffavorixxi kompetizzjoni tat-taxxa bejn is-27 Stat Membru li jifdal biex tattira ċerti industriji u servizzi attwalment sitwati fir-Renju Unit u lanqas ma twassal għal tnaqqis fl-isforzi għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa min-naħa tar-Renju Unit, inklużi t-territorji extra-Ewropej u territorji relatati tiegħu; jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li din id-dimensjoni għandha tiġi kkunsidrata sew matul it-tieni fażi tal-Brexit filwaqt li jkun qed isir negozjar dwar kwalunkwe sħubija jew ftehim kummerċjali mar-Renju Unit;

12.  Jiddeplora d-deċiżjoni mill-Kummissjoni biex ittemm l-impenn tagħha favur rapport biennali kontra l-korruzzjoni fl-Istati Membri kollha; jinnota li l-monitoraġġ kontra l-korruzzjoni mill-Kummissjoni se jitkompla matul il-proċess tas-Semestru Ewropew; hu tal-fehma li f'dan il-proċess il-miżuri kontra l-korruzzjoni jistgħu jkunu ddominati minn kwistjonijiet ekonomiċi u finanzjarji oħra; jitlob li l-Kummissjoni tmexxi bl-eżempju, billi tkompli bil-pubblikazzjoni tar-rapport u timpenja lilha nnifisha favur strateġija aktar kredibbli u aktar komprensiva kontra l-korruzzjoni;

13.  Jistieden lill-Istati Membri jipprojbixxu l-ftuħ ta' kontijiet finanzjarji u s-sjieda ta' kumpanija tal-isem f'rifuġji fiskali minn ċittadini mhux residenti, u jimponu penali finanzjarji f'każijiet ta' nuqqas ta' konformità, inkluż, fil-każ ta' kumpaniji, l-esklużjoni minn sejħiet tal-akkwist pubbliku mill-UE u l-Istati Membri;

2. L-evażjoni u l-evitar tat-taxxa

2.1 L-istrutturi offshore

14.  Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li jkun hemm definizzjoni internazzjonali komuni ta' x'jikkostitwixxi ċentru finanzjarju offshore, rifuġju fiskali, ġurisdizzjoni ta' segretezza, ġurisdizzjoni tat-taxxa mhux kooperattiva u pajjiż b'riskju għoli f'termini ta' ħasil tal-flus; jappella biex jintlaħaq qbil dwar dawn id-definizzjonijiet b'mod internazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-pubblikazzjoni immedjata tal-lista s-sewda komuni tal-UE; jisħaq li dawn id-definizzjonijiet jippresupponu l-istabbiliment ta' kriterji ċari u oġġettivi;

15.  Jirrakkomanda li kwalunkwe entità li toħloq struttura offshore għandha tipprovdi r-raġunijiet leġittimi wara tali deċiżjoni lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jiġi żgurat li kontijiet offshore ma jintużawx għal skopijiet ta' ħasil tal-flus jew tal-evażjoni tat-taxxa;

16.  Jemmen li, bħala parti mill-isforz biex tiġi promossa tqawwija tal-kooperazzjoni internazzjonali, huwa wkoll kruċjali li tinżamm l-oġġettività ġuridika ta' dawn id-definizzjonijiet u l-infurzar tagħhom, peress li xi ġurisdizzjonijiet jistgħu jissottoskrivu lilhom infushom għal standards miftiehma internazzjonalment mingħajr ma japplikawhom fil-prattika; jisħaq li dawn id-definizzjonijiet m'għandhomx ikunu suġġett tal-preġudizzji politiċi u għandhom jimmotivaw lill-ġurisdizzjonijiet elenkati biex jadottaw miżuri li jwasslu għat-tneħħija tagħhom mil-lista;

17.  Ifakkar li l-impenn formali lejn standards maqbula internazzjonalment hu l-ewwel pass, iżda hi biss implimentazzjoni xierqa ta' dawn l-istandards u sforz veru u ġenwin li se jimmitigaw il-fatturi ta' riskju u jwasslu għal ġlieda b'eżitu pożittiv kontra l-ħasil tal-flus, il-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa;

18.  Ifakkar li ma jridx isir abbuż minn żonijiet u portijiet ħielsa bil-għan li jinkisbu l-istess effetti bħar-rifuġji fiskali jew bħall-evitar tar-regoli internazzjonali dwar it-trasparenza sabiex isir il-ħasil tal-flus; jitlob li l-Kummissjoni tindirizza l-kwistjoni tal-portijiet ħielsa fl-Unjoni Ewropea;

19.  Jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva biex tiżgura li strutturi offshore b'sidien benefiċjarji fl-Istati Membri jkunu suġġetti għal awditjar u rekwiżiti ta' żvelar tal-kontabilità simili għal dawk applikati fil-ġurisdizzjoni Ewropea fejn ikunu jinsabu s-sidien benefiċjarji;

20.  Iqis li l-UE għandha tagħmilha illegali li jkun hemm relazzjonijiet kummerċjali ma' strutturi ġuridiċi stabbiliti f'rifuġji fiskali jekk il-benefiċjarju aħħari ma jkunx jista' jiġi identifikat;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika rapport annwali dwar l-użu ta' fondi tal-UE kif ukoll ta' trasferimenti monetarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) lejn strutturi offshore, inkluż l-għadd u n-natura ta' proġetti mblukkati, kummenti ta' spjegazzjoni dwar ir-raġunament għal proġetti mblukkati u azzjonijiet ta' segwitu meħuda biex jiżguraw li l-fondi tal-UE ma jkunux qed jikkontribwixxu direttament jew indirettament għall-evażjoni tat-taxxa u l-frodi fiskali;

2.1.1. Lista komuni tal-UE tal-ġurisdizzjonijiet tat-taxxa mhux kooperattivi

22.  Jilqa' r-rwol ta' tmexxija li żvolġiet il-Kummissjoni fit-tfassil tal-kriterji għal lista komuni tal-UE tal-ġurisdizzjonijiet tat-taxxa mhux kooperattivi; jiddispjaċih għall-ammont ta' żmien eċċessiv meħud minn dan il-proċess; jistieden lill-Kunsill biex ma jimmoderax il-livell ta' ambizzjoni fir-rigward tal-kriterji tal-lista msemmija hawn fuq iżda biex pjuttost iżidha; jinsisti li jitqiesu l-kriterji kollha proposti mill-Kummissjoni inkluż, iżda mhux biss, in-nuqqas ta' taxxa korporattiva jew rata tat-taxxa korporattiva qrib iż-żero, u jenfasizza l-importanza tagħhom biex il-lista tkun effikaċi u mhux arbitrarja; iqis li l-kriterji ta' trasparenza għandhom ikunu applikati b'mod sħiħ u li l-kriterji għandhom iqisu b'mod adegwat ukoll l-implimentazzjoni u l-infurzar; jistieden lill-Kunsill biex, bil-għan li din il-lista tkun waħda effikaċi u kredibbli, jistabbilixxi sanzjonijiet komuni qawwija, proporzjonali u deterrenti kontra l-pajjiżi elenkati u jissottolinja li l-valutazzjonijiet ta' pajjiżi individwali għandhom jitwettqu b'mod trasparenti; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jistabbilixxu mekkaniżmu ta' rieżami trasparenti u oġġettiv, li jinkludi l-involviment tal-Parlament, sabiex jaġġornaw il-lista fil-futur; ifakkar li l-għan ta' lista bħal din hu li jbiddel l-imġiba ta' tali ġurisdizzjoni fir-rigward tal-ħasil tal-flus u l-faċilitazzjoni tal-frodi fiskali;

23.  Hu tal-fehma li ladarba l-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet fiskali mhux kooperattivi titpoġġa fis-seħħ, il-Kummissjoni għandha tipproponi leġiżlazzjoni ta' akkompanjament li tiddetermina l-obbligi armonizzati għall-awtoritajiet tat-taxxa f'kull Stat Membru biex kull sena tiżvela data li jkun fiha l-valur sħiħ u d-destinazzjoni tat-trasferimenti tal-flus minn kull Stat Membru għal kull ġurisdizzjoni fuq il-lista;

24.  Jappella għal azzjonijiet konċertati min-naħa tal-Istati Membri kontra tassazzjoni baxxa jew nontassazzjoni ta' ħlasijiet ittrasferiti 'l barra sabiex jiġġieldu l-erożjoni tal-bażi u trasferiment tal-profitt (BEPS) b'mod effikaċi u sistematiku; itenni l-pożizzjoni tiegħu li hemm bżonn ta' aktar azzjoni milli huwa previst għall-Pakkett Kontra l-Evitar tat-Taxxa (ATAP) u li din l-azzjoni għandha tkun vinkolanti; jappella, għalhekk, għall-introduzzjoni ta' taxxa minn ras il-għajn armonizzata mill-Istati Membri fuq il-pagamenti tal-imgħax u fuq id-dividendi kollha, it-tariffi tad-drittijiet dovuti u liċenzji lil pajjiżi terzi b'taxxa baxxa, irrispettivament jekk dawn il-pajjiżi humiex fuq il-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet fiskali mhux kooperattivi; jissottolinja li tali sistema ġenerali ta' taxxa minn ras il-għajn ibbażata fuq il-metodu tal-kreditu għandha l-vantaġġ li tipprevjeni n-nontassazzjoni doppja u l-erożjoni tal-bażi u trasferiment tal-profitt mingħajr ma toħloq sitwazzjonijiet ta' tassazzjoni doppja u mingħajr ma tistrieħ fuq approċċ selettiv ta' tniżżil fil-lista s-sewda li kieku jimplika sfidi diplomatiċi sinifikanti; jistieden lill-Istati Membri jaqblu fuq regoli b'saħħithom, komprensivi u infurzabbli dwar Korporazzjonijiet Kkontrollati minn Barra l-Pajjiż u jneħħu regoli li huma limitati għal arranġamenti mhux ġenwini u definiti b'mod vag li l-oneru tal-provi tagħhom huwa mitfugħ fuq l-awtoritajiet tat-taxxa;

25.  Jiddispjaċih li diversi ċittadini, entitajiet u persuni esposti politikament tal-UE ssemmew fil-Panama Papers; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkjarifikaw jekk il-fatt li dehru ġiex investigat b'mod xieraq u, jekk iva, ikkostitwiex ksur tad-dritt nazzjonali; jissottolinja li, sfortunatament, fuq linji simili, ħafna ċittadini, entitajiet, u persuni esposti politikament, meta ntalbu jikkooperaw ma' dan il-Kumitat ta' Inkjesta tal-Parlament biex jinvestiga allegazzjonijiet ta' kontravvenzjoni u ta' amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni b'rabta mal-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, irrifjutaw li jagħtu informazzjoni li setgħet tkun utli f'termini ta' l-objettivi tal-Kumitat;

26.  Jistieden lill-Kunsill jistabbilixxi, sal-aħħar tal-2017, lista simili bl-Istati Membri tal-UE fejn jeżistu Ġurisdizzjonijiet tat-Taxxa Mhux Kooperattivi anke jekk f'reġjuni jew fi strutturi amministrattivi oħra ta' dawk l-Istati Membri;

2.1.2. Lista tal-UE tal-pajjiżi terzi b'riskju għoli fl-ambitu tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus

27.  Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni s'issa għadha ma wettqitx il-valutazzjoni indipendenti tagħha stess biex tidentifika l-pajjiżi terzi b'riskju għoli b'nuqqasijiet strateġiċi kif previst mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus iżda qagħdet biss fuq il-lista magħmula mit-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja li l-Kummissjoni hija membru tagħha; jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni ma tatx risposta sodisfaċenti għat-talbiet tal-Parlament f'dan ir-rigward;

28.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef ix-xogħol dwar il-lista tagħha stess u tirrapporta lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali tagħha u, b'mod partikolari, l-impenn tagħha biex iżżid ir-riżorsi kollha meħtieġa mit-taskforce dwar il-prevenzjoni ta' reati finanzjarji;

29.  Jemmen li huwa ta' importanza primarja li l-miri tal-UE jkunu aktar ambizzjużi minn dawk tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja rigward din il-kwistjoni; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa għal aktar investiment fir-riżorsi umani u finanzjarji jew għat-titjib tal-allokazzjoni tagħhom fi ħdan il-Kummissjoni sabiex tissaħħaħ il-proċedura ta' skrinjar;

30.  Jemmen li l-għan ta' din il-lista huwa li tinkoraġġixxi bidla fl-imġiba min-naħa tal-ġurisdizzjonijiet f'każijiet ta' ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u sabiex tiskoraġġixxi stati oħra milli jimplimentaw politiki simili u potenzjalment ta' dannu;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tkun l-istituzzjoni ċentrali kemm għal-lista tal-pajjiżi terzi b'riskju għoli fl-ambitu tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus kif ukoll għar-rieżami tal-lista Ewropea tar-rifuġji fiskali, biex tiżgura konsistenza u komplementarjetà;

2.2 Il-leġiżlazzjoni fiskali l-oħra

32.  Jilqa' l-leġiżlazzjoni l-ġdida adottata fl-aħħar sentejn bħala reazzjoni għal LuxLeaks; jilqa' b'sodisfazzjon id-dedikazzjoni tal-UE biex għall-proġett tal-OECD dwar l-erożjoni tal-bażi u trasferiment tal-profitt; jistieden lill-Istati Membri jittrasponu malajr kemm jista' jkun il-leġiżlazzjoni tal-UE fis-sistemi ġuridiċi rispettivi tagħhom u jiżguraw l-infurzar tagħha;

33.  Jappella għal rapport pubbliku ambizzjuż għal kull pajjiż, b'mod li jitqawwew it-trasparenza fit-tassazzjoni u l-iskrutinju pubbliku tal-intrapriżi multinazzjonali, peress li dan kieku jippermetti li l-pubbliku fuq livell aktar estensiv ikollu aċċess għall-informazzjoni dwar il-profitti li jkunu għamlu, is-sussidji li jkunu ngħataw u t-taxxi li jkunu ħallsu l-intrapriżi multinazzjonali fil-ġurisdizzjonijiet fejn joperaw; iħeġġeġ lill-Kunsill jilħaq ftehim komuni dwar il-proposta biex jidħol f'negozjati mal-istituzzjonijiet tal-UE l-oħrajn sabiex jadotta rapport pubbliku għal kull pajjiż, wieħed mill-miżuri ewlenin biex tinkiseb aktar trasparenza fir-rigward tal-informazzjoni tat-taxxa tal-kumpaniji għaċ-ċittadini kollha;

34.  Jissottolinja li r-rapport pubbliku għal kull pajjiż se jippermetti lill-investituti u lill-azzjonisti jqisu l-politiki tat-taxxi tal-kumpaniji meta jintervjenu fil-laqgħat tal-azzjonisti u jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment;

35.  Jistieden lill-Istati Membri jilħqu ftehim politiku dwar l-applikazzjoni ta' rata tat-taxxa minima effikaċi fl-Ewropa, tal-inqas f'Direttiva dwar l-Imgħax u d-Drittijiet Dovuti riveduta;

36.  Ifakkar li l-informazzjoni tat-taxxa għandha ssir komponent essenzjali tar-rapportar finanzjarju mill-korporazzjonijiet;

37.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jilħaq ftehim rapidu u ambizzjuż dwar iż-żewġ stadji tal-bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva (BKKTK); ifakkar li apparti t-tnaqqis fil-kostijiet kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-amministrazzjoni tat-taxxa għall-Istati Membri, dan kieku jsolvi l-kwistjoni tal-prezzijiet tat-trasferimenti u jiżgura kompetizzjoni aktar ġusta fi ħdan is-suq uniku; jisħaq li l-armonizzazzjoni tal-bażi tat-taxxa hija l-aħjar soluzzjoni bil-għan li jiġu fi tmiemhom l-ottimizzazzjoni fiskali u l-ippjanar fiskali aggressiv permezz ta' mezzi legali; ifakkar li definizzjoni vinkolanti ġdida ta' "stabbiliment permanenti" hija meħtieġa biex jiġi żgurat li t-tassazzjoni sseħħ fejn issir l-attività ekonomika u fejn jinħoloq il-valur ekonomiku; jisħaq li dan għandu jkun akkumpanjat minn kriterji minimi vinkolanti biex jiġi determinat jekk attività ekonomika għandhiex sustanza suffiċjenti biex tiġi intaxxata fi Stat Membru sabiex tiġi evitata l-problema ta' "kumpanija tal-isem", b'mod partikolari fir-rigward tal-isfidi mnedija mill-ekonomija diġitali;

38.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmiraw lejn riformi aktar ambizzjużi fil-qasam tat-tassazzjoni, sabiex ineħħu l-kompetizzjoni tat-taxxa fost l-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Indipendenti għar-Riforma tat-Tassazzjoni Korporattiva Internazzjonali u jaqblu fuq rata tat-taxxa korporattiva effikaċi minima, kif ukoll fuq politika li tagħti ħelsien mit-taxxa b'mod ristrett u biss fuq kostijiet lokali biex tappoġġa l-investiment produttiv; jirrakkomanda wkoll li l-Istati Membri kollha jtemmu t-trattament speċjali tat-taxxa għal kumpaniji u individwi barranin u/jew kbar, u jippubblikaw ftehimiet diġà fis-seħħ;

39.  Jenfasizza li, sabiex it-tassazzjoni unitarja taħdem bħala mezz biex jintemm it-trasferiment tal-profitt, jeħtieġ li tkun globali, u li l-implimentazzjoni tal-bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva fil-livell tal-UE għandha r-riskju li toħloq sitwazzjoni fejn it-telf attwali mill-Istati Membri għall-bqija tad-dinja jista' jiġi msakkar ġewwa, bħalma jista' jsir fil-każ tal-isfruttament tal-bqija tad-dinja minn xi Stati Membri; jinnota li approċċ tal-UE biss jista' jelimina l-inċentivi biex jittrasferixxu l-profitt fi ħdan l-UE, iżda jwitti t-triq għal aktar inċentivi u opportunitajiet għal trasferiment tal-profitt barra l-UE;

40.  Ifakkar fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu li jiġi żgurat li l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa jiġi estiż għad-deċiżjonijiet kollha u li l-Kummissjoni tikseb aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha sabiex jiġi żgurat li r-regoli Ewropej tal-kompetizzjoni jiġu rispettati(10);

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva li tirrevedi d-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva (DAC)(11) malajr kemm jista' jkun sabiex issaħħaħ aktar kooperazzjoni fiskali bejn l-Istati Membri permezz ta' obbligu li jwieġbu talbiet ta' grupp dwar kwistjonijiet tat-taxxa b'tali mod li pajjiż Ewropew wieħed ikun jista' jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-oħrajn biex jiġu mħarrka evażuri tat-taxxa transkonfinali; ifakkar fil-proposta tiegħu biex tiġi emendata d-DAC sabiex tittejjeb il-koordinazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-awditi tat-taxxa(12);

42.  Hu tal-fehma li r-riformi tat-taxxa jridu dejjem jippermettu l-iskrutinju min-naħa taċ-ċittadini u jipprovdu aċċess, informazzjoni u taħriġ lis-soċjetà ċivili biex jippermettulha involviment produttiv fil-qafas ta' dawn il-politiki, li attwalment mhijiex il-prattika;

43.  Jenfasizza, barra minn hekk, li l-leġiżlazzjoni tat-taxxa, fil-livell nazzjonali jew tal-UE, trid tkun simplifikata u abbozzata b'tali mod li tagħmilha aċċessibbli għal kwalunkwe ċittadin bil-għan li tevita l-kumplessità li sservi lill-industriji li jevitaw it-taxxa;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq reviżjoni tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku(13), li tinkludi miżuri biex l-amministrazzjonijiet pubbliċi ma jitħallewx jaħdmu ma' kumpaniji li jużaw rifuġji fiskali

45.  Jemmen li, fit-twettiq tal-proposti għal Bażi Komuni għat-Taxxa Korporattiva u Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva, huwa ta' importanza fundamentali li l-bażi ta' kontabbiltà tkun konsistenti fil-kalkolu tal-bażi tat-taxxa fi ħdan grupp – inkella l-arbitraġġ kontabilistiku sempliċement se jissostitwixxi l-manuvri tat-taxxa eżistenti;

46.  Jappella lill-Kummissjoni biex tniedi evalwazzjoni komprensiva tad-19-il sena ta' ħidma tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta fuq it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi li tkun tiffoka fuq ir-riżultati miksuba fil-prevenzjoni tal-iskemi tat-taxxa korporattiva li jagħmlu ħsara fuq livell transkonfinali fil-forma ta' rapport pubbliku; jitlob li ssir riforma tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta, abbażi tas-sejbiet u li twassal għal iktar trasparenza u effiċjenza fil-ħidma tagħhom, minħabba li l-grupp għandu jkollu rwol ċentrali fl-isforzi tal-UE biex ittejjeb dan il-qasam; jappella biex il-Parlament jakkwista setgħat ta' skrutinju u ta' akkontabilità fuq il-grupp;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor lista ta' reġimi dannużi li fuqhom il-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta ma rnexxilux sa issa jaqbel dwar azzjoni li se jieħu u tippubblika din il-lista; jitlob li l-Kummissjoni sal-2020 tivvaluta l-impatt tal-approċċ "nexus" fuq sistemi ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi konformi u tikkwantifika, jekk possibbli, l-impatt tagħhom fuq l-innovazzjoni u t-telf tal-ġbir tat-taxxa;

48.  Jiddispjaċih li diversi Stati Membri tal-UE ssemmew fil-Panama Papers; jitlob li l-Kummissjoni, flimkien mal-awtoritajiet tax-taxxa, tniedi evalwazzjoni estensiva tal-miżuri potenzjalment dannużi ta' tassazzjoni fl-Istati Membri li jfixklu l-kompetizzjoni u tal-kontromiżuri li hemm fis-seħħ, kif ukoll tal-effetti kollaterali ta' dawn il-miżuri fuq ġurisdizzjonijiet oħrajn; jappella biex jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' skrutinju effikaċi li jissorvelja l-Istati Membri fir-rigward tal-miżuri ġodda dannużi ta' tassazzjoni possibbli li jistgħu jintroduċu;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva sabiex tindirizza l-kwistjoni ta' konverżjonijiet transkonfinali u tat-trasferiment tas-sede u tipprovdi regoli ċari dwar it-trasferiment tal-kwartieri ġenerali ta' kumpanija fl-UE, inklużi regoli li jiġġieldu l-kumpaniji tal-isem;

50.  Jissottolinja l-ħtieġa li tingħata attenzjoni speċjali fir-rigward tal-prattiki dannużi ta' tassazzjoni li qed jintużaw dejjem aktar, bħall-abbuż minn sistemi ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi, derivattivi, swaps, eċċ. li jintużaw bl-objettiv li tiġi evitata t-taxxa;

51.  Jappella lill-Kummissjoni teskludi l-possibbiltà li jinħolqu kumpaniji tal-isem, imsejħa "letterbox companies" li għandhom rwol kruċjali fil-ħolqien ta' strutturi korporattivi li jintużaw għall-evażjoni tat-taxxa u għall-għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni; jitlob li l-Kummissjoni, għalhekk, tirtira l-proposta tad-direttiva dwar il-kumpanija privata b'responsabbiltà limitata b'membru uniku (Societas Unius Personae jew SUP), li tippermetti kumpanija tal-isem sabiex tirreġistra online mingħajr ma tiġi vverifikata l-identità tal-fundatur tal-kumpanija; jitlob li l-Kummissjoni, barra minn hekk, tiżgura li kwalunkwe proposta kumparabbli dwar ir-reġistrazzjoni onlajn għall-kumpaniji teskludi kull possibbiltà ta' ħolqien ta' kumpaniji tal-isem; ifakkar lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għall-14-il Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpanniji, li tistabbilixxi regoli ċari dwar it-trasferiment transkonfinali tal-kwartieri ġenerali ta' kumpanija sabiex timpedixxi kwalunkwe użu ħażin jew ħolqien ta' kumpaniji tal-isem permezz ta' konverżjonijiet, fużjonijiet jew qsim transkonfinali; f'dan ir-rigward jappella, inter alia, li kull entità ġuridika tkun obbligata tħallas tariffa adegwata kull sena u tippreżenta rapport b'informazzjoni dwar l-attivitajiet u l-benefiċjarji tagħha;

52.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat ta' Awwissu 2016 fejn instab li l-Irlanda tat illegalment EUR 13-il biljun f'ħelsien mit-taxxa indebitu lill-kumpanija Apple; għandu dubji dwar id-deċiżjoni tal-gvern Irlandiż li jappella kontra din id-deċiżjoni f'tentattiv biex ma jiġborx is-somma dovuta;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-proposta tagħha għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' April 2014 dwar kumpaniji privati b'responsabilità limitata b'membru uniku (COM(2014)0212);

54.  Jistieden lill-Istati Membri jidentifikaw u jwaqqfu kwalunkwe forma ta' amnestija fiskali li tista' tirriżulta f'ħasil tal-flus u f'evażjoni tat-taxxa jew li tista' timpedixxi lill-awtoritajiet nazzjonali milli jużaw id-data pprovduta sabiex iwettqu investigazzjonijiet ta' reati finanzjarji;

55.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu leġiżlazzjoni li tirrikjedi li l-kontribwent jagħti prova li t-taxxi tħallsu, u li mingħajra l-fondi jiġu ddikjarati bħala flus sewda u jiġu kkonfiskati;

56.  Jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-intenzjonijiet tal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti li tippromwovi l-ħelsien mit-taxxa għall-korporazzjonijiet il-kbar u d-deregolamentazzjoni finanzjarja; jitlob li l-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib ir-riforma tat-taxxa proposta fl-Istati Uniti, magħrufa bħala Blueprint, u l-possibbiltà li f'dan il-pajjiż tiġi implimentata amnestija tat-taxxa sabiex tkun tista' ssir ripatrijazzjoni tal-profitti mill-kumpaniji teknoloġiċi l-kbar b'rata tat-taxxa baxxa ħafna;

57.  Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tagħhom b'kapaċità adegwata tal-persunal sabiex jiżguraw il-ġbir effettiv tad-dħul mit-taxxi u jindirizzaw il-prattiki tat-taxxa dannużi, peress li n-nuqqas ta' riżorsi u t-tnaqqis fil-persunal, flimkien ma' nuqqas ta' taħriġ, għodod tekniċi u setgħat investigattivi adegwati, fixklu serjament l-amministrazzjonijiet tat-taxxa f'xi Stati Membri;

58.  Jinnota bi tħassib li waħda mill-aktar skemi ta' evitar tat-taxxa dannużi u magħrufa fl-UE, l-istruttura hekk imsejħa "Double Irish", xorta tista' tibqa' fis-seħħ wara d-data tal-eliminazzjoni gradwali tagħha fl-2020 grazzi għal dispożizzjonijiet fi ħdan bosta trattati ta' tassazzjoni doppja bejn l-Irlanda u pajjiżi oħrajn, fosthom anki rifuġji fiskali; jistieden lill-gvern Irlandiż jeżamina mill-ġdid in-netwerk ta' trattati ta' tassazzjoni doppja tiegħu sabiex ineħħi dawn id-dispożizzjoni;

59.  Jiddeplora n-nuqqas ta' statistika affidabbli u imparzjali fuq l-enormità tal-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa; jisħaq fuq l-importanza tal-iżvilupp ta' metodoloġiji xierqa u trasparenti li jikkwantifikaw l-iskala ta' dawn il-fenomeni, kif ukoll l-impatt ta' dawn l-attivitajiet fuq il-finanzi pubbliċi, l-attivitajiet ekonomiċi u l-investimenti pubbliċi tal-pajjiżi;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi gwida sabiex tagħmel distinzjoni ċara bejn x'inhuwa illegali u x'inhuwa legali, anke jekk tmur kontra l-ispirtu tal-liġi, fil-qafas tal-prattiki ta' evażjoni tat-taxxa u evitar tat-taxxa bil-għan li tiżgura ċ-ċertezza legali għall-partijiet ikkonċernati kollha; jistieden lill-Istati Membri u lill-pajjiżi terzi jiżguraw li l-multi u s-sanzjonijiet pekunjarji imposti fuq l-evażuri tat-taxxa u l-intermedjarji ma jkunux deduċibbli mit-taxxa;

61.  Jenfasizza li t-twettiq ta' strateġija tat-taxxa responsabbli għandu jiġi kkunsidrat bħala wieħed mill-pilastri tar-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) u li l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva huma inkompatibbli mas-CSR; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tinkludi dan l-element fl-aġġornament tal-istrateġija tal-UE dwar is-CSR;

62.  Jistieden lill-kumpaniji jintegraw b'mod sħiħ l-obbligi tat-taxxa mingħajr ebda tip ta' evitar tat-taxxa parti integrali fis-CSR tagħhom;

63.  Itenni l-appell li għamel il-Kumitat TAXE2 għall-ħolqien ta' Ċentru tal-Unjoni ġdid għall-Koerenza u l-Koordinament tal-Politika dwar it-Taxxa fi ħdan l-istruttura tal-Kummissjoni li jkun jista' jivvaluta u jimmonitorja l-politiki dwar it-taxxa tal-Istati Membri fil-livell tal-Unjoni u jiżgura li l-Istati Membri ma jimplimentaw l-ebda miżura dannuża ta' tassazzjoni ġdida; jissuġġerixxi li tali Ċentru għall-Koerenza u l-Koordinament tal-Politika dwar it-Taxxa għandu jkun jista' jimmonitorja l-konformità tal-Istati Membri mal-lista komuni tal-Unjoni ta' ġurisdizzjonijiet mhux kooperattivi, minbarra li jiżgura u jħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali (pereżempju, fir-rigward tat-taħriġ u l-iskambju tal-aħjar prattiki);

64.  Itenni r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament(14) għall-ħolqien ta' katalogu ta' kontromiżuri li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom japplikaw bħala azzjonisti u finanzjaturi ta' korpi pubbliċi, banek u programmi ta' finanzjament, li jridu jiġu applikati għall-kumpaniji li jużaw ir-rifuġji fiskali sabiex jimplimentaw skemi ta' pjanifikazzjoni fiskali aggressiva u għalhekk ma jkunux konformi mal-istandards ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa tal-Unjoni;

65.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex temenda l-leġiżlazzjoni Ewropea, inklużi d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), ir-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), l-erba' Regolamenti dwar il-Politika Agrikola Komuni (PAK), u l-ħames Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd) ħalli tipprojbixxi li l-użu ta' fondi tal-UE jmur għal benefiċjarji finali jew intermedjarji finanzjarji li jkun ġie ppruvat li kienu involuti f'evażjoni tat-taxxa jew fi pjanifikazzjoni fiskali aggressiva;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill joħolqu Reġistru Pubbliku tal-Intrapriżi Ewropej standardizzat u obbligatorju sabiex jiksbu informazzjoni aġġornata u affidabbli dwar il-kumpaniji u jiksbu t-trasparenza permezz ta' aċċess transkonfinali għal informazzjoni kumparabbli u affidabbli tal-kumpaniji fl-UE;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm lura milli tikkonkludi ftehimiet kummerċjali ma' ġurisdizzjonijiet li l-UE tiddefinixxi bħala rifuġji fiskali;

2.3. L-iskambju tal-informazzjoni

68.  Iqis ta' dispjaċir li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva (DAC), li kienu fis-seħħ matul il-perjodu kopert mill-Panama Papers ma ġewx implimentati b'mod effikaċi u li l-ammont ta' informazzjoni u deċiżjonijiet skambjati kien żgħir ħafna; ifakkar li l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa huwa kruċjali biex l-Istati Membri jiżguraw assistenza reċiproka fil-ġbir tad-dħul mit-taxxi u joħolqu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni; jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta proposti biex issaħħaħ aktar kooperazzjoni fiskali bejn l-Istati Membri permezz ta' obbligu li jwieġbu talbiet ta' grupp fi kwistjonijiet tat-taxxa b'tali mod li pajjiż Ewropew wieħed ikun jista' jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-oħrajn biex iħarrku lill-evażuri tat-taxxa transkonfinali;

69.  Jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li l-għadd ta' deċiżjonijiet tat-taxxa mogħtija mill-Istati Membri lil kumpaniji multinazzjonali żdied f'dawn l-aħħar snin, minkejja twissija soċjali maħluqa b'riżultat tal-iskandlu LuxLeaks;

70.  Jinsisti li l-Kummissjoni għandu jkollha aċċess, bi qbil mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, għall-informazzjoni kollha li tiġi skambjata skont id-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva b'mod li timmonitorja u tinforza b'mod xieraq l-implimentazzjoni tagħha; jenfasizza li din l-informazzjoni għandha tinżamm f'reġistru ċentrali ġestit mill-Kummissjoni, fid-dawl tal-kompetenza esklużiva tagħha fil-qasam tal-kompetizzjoni;

71.  Jappella biex l-informazzjoni tkun skambjata, ittratata u użata b'mod aktar effikaċi fil-livell globali u jħeġġeġ biex l-istandards komuni ta' rapportar jiġu implimentati b'mod effikaċi u konsistenti, filwaqt li nissostitwixxu l-politika ta' "name and shame" fis-sistema ta' evalwazzjonijiet bejn il-pari b'reġim ta' sanzjonijiet; jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa ta' reċiproċità fl-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) u l-Istati firmatarji parteċipanti; jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw lill-pajjiżi parteċipanti li qed jiżviluppaw fl-implimentazzjoni ta' dawn l-istandards; jissottolinja l-ħtieġa mhux biss ta' impenn tal-pajjiżi favur is-CRS, iżda wkoll il-ħtieġa tal-implimentazzjoni tas-sistema u l-iżgurar ta' kwalità għolja tad-data pprovduta; jirrimarka wkoll li s-CRS attwali għandha dgħufijiet u jilqa' l-fatt li l-OECD qed taħdem biex tirfina l-istandard u tagħmlu aktar effikaċi; jitlob li l-Kummissjoni tikkontribwixxi sabiex jingħalqu l-lakuni identifikati;

72.  Jappella għal titjib fir-reġistri kummerċjali pubbliċi u fir-reġistri pubbliċi ta' sjieda benefiċjarja, fir-rapportar pajjiż b'pajjiż, sabiex jingħelbu l-limitazzjonijiet imposti bl-iskambju ta' informazzjoni skont il-"Multilateral Convention to Implement Tax Treaty Related Measures to Prevent BEPS" ("Il-Konvenzjoni Multilaterali għall-Implimentazzjoni ta' Miżuri Relatati ma' Trattati dwar it-Taxxa għall-Prevenzjoni tal-Erożjoni tal-Bażi u Trasferiment tal-Profitt") tal-OECD ta' Ġunju 2017 li tagħti lill-pajjiżi l-possibbiltà li jagħżlu s-sħab u b'hekk fil-prattika jingħata lok għall-bilateraliżmu;

73.  Jisħaq fuq il-fatt li l-iskambju awtomatiku u obbligatorju tal-informazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam ma' arranġamenti ta' pjanifikazzjoni tat-taxxa aggressiva potenzjali b'dimensjoni transkonfinali (DAC6) għandu jkun aċċessibbli mhux biss għall-awtoritajiet tat-taxxa iżda anke għall-pubbliku ġenerali;

74.  Jistieden lill-UE tuża l-mezzi xierqa sabiex tistabbilixxi kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni ta' kwalità għal skopijiet ta' taxxa fost ir-reġistri kummerċjali, ir-reġistri tal-artijiet u r-reġistri tas-sjieda benefiċjarja tal-Istati Membri – li għandhom jiċċentralizzaw l-informazzjoni pubblika – u toħloq reġistru tal-UE li jippermetti koordinazzjoni aħjar fil-livell tal-UE u internazzjonali;

75.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura r-reċiproċità fl-iskambju ta' informazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi terzi li ma ffirmawx standards miftiehma internazzjonalment; jissottolinja l-ħtieġa ta' sanzjonijiet effikaċi kontra istituzzjonijiet finanzjarji li jkollhom klijenti Ewropej u li jkunu naqsu milli jikkonformaw mal-istandards għall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni; iqis li għandu jiddaħħal mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni tat-tilwim f'tali proposta sabiex jiġu solvuti kunflitti potenzjali bejn l-UE u pajjiżi terzi; ifakkar fir-rakkomandazzjoni tiegħu sabiex tiġi introdotta taxxa minn ras il-għajn jew miżuri b'effett simili biex jiġi evitat li l-profitti jħallu l-Ewropa mingħajr ma jiġu intaxxati;

76.  Iqis li l-entitajiet obbligati li jipprovdu informazzjoni lill-awtoritajiet tat-taxxa jeħtieġilhom ikunu l-istess bħal dawk elenkati fid-Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus, u b'mod partikolari: 1) l-istituzzjonijiet ta' kreditu; 2) l-istituzzjonijiet finanzjarji; 3) il-persuni ġuridiċi jew fiżiċi li ġejjin, fit-twettiq tal-attivitajiet professjonali tagħhom: a) l-awdituri, il-kontabilisti esterni u l-assessuri tat-taxxa; b) in-nutara u professjonisti legali indipendenti oħrajn, meta dawn jieħdu sehem, kemm f'isem klijent tagħhom kif ukoll għan-nom tagħhom, fi kwalunkwe tranżazzjoni finanzjarja jew ta' propjetà, jew billi jgħinu fl-ippjannar jew fl-eżekuzzjoni ta' tranżazzjonijiet għan-nom ta' klijent tagħhom dwar: (i) ix-xiri u l-bejgħ ta' proprjetà immobbli jew ta' entitajiet kummerċjali; (ii) il-ġestjoni ta' fondi, titoli jew assi oħra li jappartjenu lill-klijent; (iii) il-ftuħ jew il-ġestjoni ta' kontijiet bankarji ta' tfaddil jew ta' titoli; (iv) l-organizzazzjoni tal-kontributi meħtieġa biex joħolqu, joperaw jew jiġġestixxu impriżi; (iv) il-kostituzzjoni, l-operat jew il-ġestjoni ta' trusts, ta' kumpaniji, ta' fondazzjonijiet jew ta' strutturi simili; c) il-fornituri ta' servizzi ta' trust jew servizzi korporattivi li mhumiex koperti diġà skont il-punti (a) jew (b); d) l-aġenti tal-propjetà; e) persuni oħrajn li jinnegozjaw f'beni unikament b'mod li l-pagamenti jsiru jew jiġu rċevuti fi flus kontanti u f'ammonti ta' EUR 10 000 jew aktar, kemm jekk fi tranżazzjoni waħda kif ukoll f'sensiela ta' tranżazzjonijiet li jkun jidher li hemm rabta bejniethom; f) il-fornituri tas-servizzi tal-logħob tal-azzard;

3. Il-ħasil tal-flus

3.1. Il-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus

77.  Jenfasizza li d-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus għandhom ikunu implimentati b'mod effikaċi u konsistenti mill-Istati Membri; jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw l-infurzar xieraq tal-liġi; jitlob li l-Kummissjoni ssaħħaħ u tipprovdi riżorsi adegwati għas-sistemi ta' monitoraġġ eżistenti; jitlob li l-Kummissjoni talloka aktar riżorsi lit-taskforce tagħha sabiex jiġu evitati r-reati finanzjarji;

78.  Jenfasizza li l-qafas legali tad-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus tal-UE għandu wkoll jipprojbixxi bis-sħiħ l-ishma tal-portatur minħabba l-fatt li dawn l-ishma tal-portatur huma strumentali biex wieħed jirċievi, ikollu jew jittrasferixxi flus illeċiti b'mod anonimu u huma għodda utli ħafna għall-ħolqien ta' skemi internazzjonali għall-ħasil tal-flus; jinnota li dawn jippermettu sistema li hija inqas ċara minn dawk f'rifuġji fiskali b'fama ħażina bħal, inter alia, il-Panama, il-Gżejjer Cayman, ir-Repubblika Dominicana jew il-Lichtenstein;

79.  Jistieden lill-Kummissjoni tibda proċeduri ta' ksur kontra Stati Membri għal nuqqas ta' konformità mal-liġi tal-Unjoni muri mill-Panama Papers u skandli oħrajn li nkixfu; jitlob li l-Kummissjoni tirrapporta dwar il-ħtieġa li d-Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus tiġi sostitwita b'regolament sabiex jinħoloq spazju ġuridiku uniku u jiġi eliminat kwalunkwe nuqqas ta' infurzar fl-Istati Membri;

80.  Jistieden lill-Kummissjoni ddaħħal fis-seħħ mekkaniżmu ta' penali kontra dawk l-Istati Membri li jippermettu ishma tal-portatur b'restrizzjonijiet jew mingħajrhom qabel tidħol fis-seħħ il-projbizzjoni tal-ishma tal-portatur tal-UE;

81.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li r-reġistri aċċessibbli pubblikament tas-sidien benefiċjarji ta' kumpaniji, fundazzjonijiet, trusts u arranġamenti legali simili jiġu aġġornati, standarizzati u interkonnessi b'mod regolari sabiex jimpedixxu l-anonimità tas-sidien benefiċjarji aħħarin (UBOs); jappella li jitbaxxa l-limitu minimu attwali għall-parteċipazzjoni azzjonarja fid-definizzjoni ta' sid benefiċjarju; huwa tal-fehma li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom ikunu minn ta' quddiem fil-promozzjoni tal-istandards ta' trasparenza dwar is-sjieda benefiċjarja aħħarija fil-fora internazzjonali;

82.  Jissottolinja t-talba magħmula mir-rappreżentanti tal Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF) Franċiżi fil-Kumitat ta' Inkjesta tal-Parlament inkarigat biex jinvestiga allegazzjonijiet ta' kontravvenzjoni u ta' amministrazzjoni ħażina fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni b'rabta mal-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa li permezz tagħha, f'konformità mar-rakkomandazzjoni GAFI 26 dwar is-superviżjoni finanzjarja, għandu jkun espressament provdut fil-livell tal-UE li l-applikazzjoni ta' superviżjoni mill-awtorità superviżorja kompetenti tista' tasal sal-entità prinċipali tal-grupp;

83.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tissorvelja l-ħolqien ta' reġistri tal-artijiet pubblikament aċċessibbli;

84.  Jappella l-identifikazzjoni ta' sjieda benefiċjarja li tinkludi l-persuni fiżiċi kollha li huma s-sid jew li għandhom il-kontroll finali ta' entità ġuridika, minbarra kumpanija elenkata f'suq regolat li hija soġġetta għal rekwiżiti ta' żvelar konsistenti mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea jew soġġetta għal standards internazzjonali ekwivalenti li jiżguraw it-trasparenza adegwata tal-informazzjoni tas-sjieda, permezz ta' sjieda diretta jew indiretta ta' mill-anqas sehem wieħed jew unità minima ekwivalenti ta' interess f'dik l-entità, inklużi permezz tal-parteċipazzjonijiet azzjonarji ta' portatur, jew permezz ta' kontroll b'mezzi oħra;

85.  Jappella, barra minn hekk biex jinħoloq reġistru globali ta' entitajiet ġuridiċi, inklużi kumpaniji, trusts u fondazzjonijiet u reġistru ċentrali globali tal-kontijiet bankarji, strumenti finanzjarji, proprjetà immobbli, kuntratti tal-assigurazzjoni tal-ħajja u assi oħra rilevanti li jiġu abbużati għall-ħasil tal-flus u għall-finijiet ta' evitar tat-taxxa li jkunu aċċessibbli għall-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (UIF) u l-korpi nazzjonali għall-infurzar tal-liġi; jistieden, fin-nuqqas ta' ftehimiet globali, lill-Istati Membri jipproċedu billi jarmonizzaw l-informazzjoni meħtieġa mir-reġistri tal-kumpaniji nazzjonali u billi jiżvelaw pubblikament tal-anqas il-karta tal-bilanċ, id-dikjarazzjoni tal-profitt u t-telf, l-ismijiet tal-azzjonisti kkwalifikati, il-membri tal-bord superviżorju, il-membri tal-bord tal-ġestjoni u l-maniġers ġenerali, bħala minimu;

86.  Josserva li l-flus illeċiti depożitati permezz tat-tifdija ta' dawn it-tranżazzjonijiet jinbidlu f'fondi leġittimi li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet leġittimi; iħeġġeġ għaldaqstant il-ħtieġa li r-regoli kontra l-ħasil tal-flus jiġu estiżi għas-suq immobiljari bl-għan li jipprevjenu fenomeni illegali ġodda;

87.  Jissottolinja l-ħtieġa li jittejjeb l-infurzar tal-verifiki tad-diliġenza dovuta tal-klijent biex jiġi żgurat li tkun twettqet valutazzjoni xierqa tar-riskji marbuta mal-profil tal-klijent; jenfasizza li anke meta l-obbligu tad-diliġenza dovuta tal-klijent ikun esternalizzat, huwa għandu dejjem jaqa' taħt ir-responsabbiltà tal-entitajiet obbligati; jitlob li din ir-responsabbiltà tkun ċara u li jiġu previsti sanzjonijiet f'każ ta' negliġenza jew ta' kunflitti ta' interess f'każijiet ta' esternalizzazzjoni; jemmen barra minn hekk li, fl-ambitu tal-entitajiet obbligati, għandhom jiġu inklużi, fost l-oħrajn, l-aġenti immobiljari biex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet tad-diliġenza dovuta tal-klijent japplikaw indaqs għall-atturi regolati u dawk li attwalment mhumiex regolati; jappella li jkun hemm armonizzazzjoni tad-diliġenza dovuta tal-klijenti fil-livell tal-UE, u b'hekk tingħata forma xierqa lil dawn il-proċeduri sabiex tkun iggarantita l-konformità tagħha;

88.  Jemmen li s-sanzjonijiet kontra l-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi fiskali għandhom ikunu aktar ħorox u ta' deterrent u li l-Istati Membri għandhom jużaw l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju meta jallokaw riżorsi biex jiġġieldu dawn il-prattiki illegali; jilqa' f'dan ir-rigward il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-liġi kriminali(15); jistieden lill-Istati Membri jqisu l-possibilità li jipprojbixxu t-tranżazzjoni kriminali mingħajr sanzjonijiet f'każijiet ta' frodi fiskali serji ħafna; jinnota madankollu li, b'mod parallel, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jiżviluppaw inċentivi għal kull kategorija ta' entitajiet obbligati b'mod li jiskoraġġuhom milli jinvolvu rwieħhom f'tali attivitajiet u jneħħulhom il-possibilità li jieħdu vantaġġ minnhom; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu rieżami tal-perjodi ta' preskrizzjoni għall-ħasil tal-flus sabiex jiġi evitat li n-nuqqas ta' azzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ma jwassalx għall-preskrizzjoni tar-reat;

89.  Jistieden lill-Kummissjoni tniedi inizjattiva internazzjonali sabiex tipprojbixxi lill-kumpaniji tal-isem li ma jagħtux garanzija tat-trasparenza fir-rigward tas-sid veru tagħhom u tiżgura li ma jiġux assenjati aktar minn għaxar kumpaniji tal-isem lil kwalunkwe direttur wieħed;

90.  Jitlob li jiġi implimentat f'livell Ewropew mekkaniżmu ta' kontroll effikaċi, u li jitħaddem anki f'ġurisdizzjonijiet konnessi, minħabba li l-evalwazzjonijiet bejn il-pari tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja u l-evalwazzjonijiet reċiproċi regolari jistgħu faċilment jiġu sfrattati bil-kompliċità politika jew kompliċità ta' natura oħra;

91.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jintlaħaq qbil dwar fehim u definizzjoni komuni fil-livell tal-UE ta' Persuna Politikament Esposta;

92.  Jappella għal definizzjoni armonizzata ta' reati fiskali fil-livell tal-UE, u l-ħolqien ta' strument distint tal-liġi kriminali li għandu jiġi adottat skont l-Artikolu 83(2) TFUE jew, eventwalment, skont l-Artikolu 116 tat-TFUE jekk l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim biex jiġu eliminati d-distorsjonijiet fil-kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni fis-suq intern; jappella biex id-definizzjoni ta' reat sottostanti dwar il-ħasil tal-flus tiġi armonizzata fi ħdan l-UE u sabiex jitnaqqsu kemm jista' jkun l-eżenzjonijiet li l-Istati Membri jistgħu jużaw biex jirrifjutaw il-kollaborazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu dwar ir-reviżjoni tar-raba' u l-ħames Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus biex ir-reati fiskali jiġu separati mir-rekwiżit li jiġu kkastigati permezz ta' ċaħda tal-libertà jew ordni ta' detenzjoni;

93.  Jinsab imħasseb dwar l-adozzjoni ta' programmi taċ-ċittadinanza għal residenti mhux tal-UE, l-hekk imsejħa ''golden visa'' jew il-programmi tal-investituri għal ċittadini ta' pajjiżi terzi talli jinvestu finanzjarjament mingħajr ma titwettaq l-ebda diliġenza dovuta tal-klijenti jew mingħajr ma ssir adegwatament; jitlob li l-Kummissjoni tivvaluta l-konformità tal-Istati Membri mal-AMLD u leġiżlazzjoni relatata oħra tal-UE meta tingħata ċittadinanza skont programmi bħal dawn;

94.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iqisu b'mod serju r-reviżjoni ambizzjuża tiegħu tal-AMLD IV, li huwa vvota għaliha fit-28 ta' Frar 2017, u li biha jingħalqu ħafna mil-lakuni eżistenti u tissaħħaħ b'mod kunsiderevoli l-leġiżlazzjoni attwali kontra l-ħasil tal-flus billi, pereżempju, tiġi ppreċiżata d-definizzjoni ta' min huwa sid benefiċjarju, billi maniġers superjuri, diretturi nnominati u aġenti ta' prokura oħra ma jitħallewx jiġu identifikati bħala sidien benefiċjarji jekk ma jkunux jissodisfaw il-kriterji, billi jingħata aċċess pubbliku sħiħ għar-reġistri tas-sjieda benefiċjarja tal-kumpaniji u t-trusts u billi jiġi implimentat mekkaniżmu ta' sanzjonijiet aktar effettiv għall-ksur tal-AMLD; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, għalhekk, biex ma jmewtux il-proposta b'saħħitha tal-Parlament waqt in-negozjati tat-trilogu li għaddejjin;

95.  Jappella biex tingħata aktar attenzjoni politika u regolatorja għar-riskji emerġenti relatati ma' teknoloġiji u prodotti finanzjarji ġodda, bħal strumenti derivattivi, swaps u muniti virtwali(16);

96.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-possibbiltà li tuża l-potenzjal ta' teknoloġiji ġodda, bħall-identitajiet diġitali uniċi, biex tiffaċilita l-identifikazzjoni ta' każijiet gravi ta' kriminalità finanzjarja, filwaqt li tiżgura li dan jirrispetta d-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għall-privatezza;

97.  Jitlob valutazzjoni urġenti mill-Kummissjoni dwar l-implikazzjonijiet li l-attivitajiet tal-logħob tal-azzard, il-muniti virtwali, il-kriptomuniti u t-teknoloġiji blockchain u finanzjarji (FinTech) jista' jkollhom fuq il-ħasil tal-flus u l-kriminalità fiskali; jitlob li l-Kummissjoni tqis ukoll miżuri possibbli, inkluża l-leġiżlazzjoni, biex toħloq qafas regolatorju għal dawk l-attivitajiet sabiex tillimita l-għodod għall-ħasil tal-flus;

98.  Iħeġġeġ biex l-assi ġġenerati minn attivitajiet kriminali jiġu kkonfiskati; jappella għal dan il-għan biex ir-regolament dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-ordnijiet ta' ffriżar u ta' konfiska jiġi adottat malajr biex jiġi ffaċilitat l-irkupru transkonfinali tal-assi kriminali; jenfasizza li l-istrument legali propost mill-Kummissjoni se jippermetti kooperazzjoni aħjar u rikonoxximent aktar faċli ta' ordnijiet bħal dawn, filwaqt li jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà; jitlob li l-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva li tintroduċi restrizzjoni fuq ħlasijiet fi flus kontanti, sabiex tappoġġa l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-frodi tat-taxxa u l-kriminalità organizzata;

99.  Jenfasizza li hemm bżonn ukoll li jittieħdu passi sabiex l-istrateġiji nazzjonali jiġu allinjati ma' dawk ta' aġenziji u korpi Ewropej bħall-Europol, il-Eurojust u l-OLAF; iħeġġeġ, bil-għan li din il-kollaborazzjoni tiġi ffaċilitata, li jitneħħew l-ostakli legali li jipprevjenu l-iskambji ta' informazzjoni;

100.  Jilqa' d-deċiżjoni riċenti mill-gvern tal-Portugall li jipprojbixxi l-ħruġ ta' ishma f'isem ħaddieħor u jibdel dawk attwali f'titoli nominattivi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni għall-UE kollha li jkollha l-istess effett;

101.  Jitlob li jkun hemm skrutinju ferm aktar strett mill-awtoritajiet kompetenti fil-valutazzjoni tal-idoneità u l-adegwatezza tal-membri tal-bord tat-tmexxija u tal-azzjonisti tal-istituzzjonijiet ta' kreditu fl-UE; jemmen li jridu jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu sorveljanza kontinwa tal-kriterji ta' valutazzjoni kemm tal-azzjonisti kif ukoll tal-membri tal-bord tat-tmexxija, li, attwalment, jagħmluha diffiċli ħafna li l-approvazzjoni tiġi rrevokata ladarba tkun ingħatat; jemmen ukoll li l-iskedi ta' żmien u l-flessibbiltà biex issir oġġezzjoni għal akkwisti għandhom jitwessgħu, b'mod partikolari meta dan ikun meħtieġ biex l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-investigazzjonijiet tagħhom stess dwar informazzjoni pprovduta b'rabta ma' avvenimenti f'pajjiżi terzi u b'rabta ma' persuni esposti politikament;

3.2. L-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (FIUs)

102.  Jemmen li, jekk jiġu armonizzati l-istatus u l-funzjonament tal-FIUs Ewropej, l-iskambju ta' informazzjoni jissaħħaħ; jitlob li l-Kummissjoni tniedi proġett fil-pjattaforma tal-FIU biex tidentifika s-sorsi ta' informazzjoni li l-FIUs għandhom aċċess għalihom bħalissa; jitlob li l-Kummissjoni toħroġ gwida dwar kif tiġi żgurata konverġenza akbar ta' funzjonijiet u setgħat tal-FIUs Ewropej, filwaqt li tidentifika ambitu u kontenuti minimi komuni ta' informazzjoni finanzjarja, amministrattiva u tal-infurzar tal-liġi li l-FIUs għandhom jiksbu u jkunu jistgħu jiskambjaw bejniethom; jemmen li tali gwida għandha tinkludi wkoll spjegazzjonijiet għal fehim komuni tal-funzjonijiet ta' analiżi strateġika tal-FIUs;

103.  Jemmen li, biex isiru aktar effiċjenti, l-FIUs Ewropej kollha għandu jkollhom aċċess dirett u mingħajr limitu għall-informazzjoni kollha mingħand l-entitajiet marbuta b'obbligu u r-reġistri dwar il-funzjonijiet tagħhom; l-FIUs għandhom ikunu jistgħu jiksbu tali informazzjoni abbażi ta' talba mingħand FIU oħra tal-Unjoni u li jiskambjaw din l-informazzjoni mal-FIU li qed tagħmel it-talba;

104.  Jissuġġerixxi lill-Istati Membri biex, meta jimplimentaw l-AMLD, ineħħu r-rekwiżit li l-FIUs jiksbu awtorizzazzjoni minn parti terza biex jaqsmu l-informazzjoni ma' FIU oħra għal skopijiet ta' intelligence, sabiex jitrawwem l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-FIUs; jitlob li l-Kummissjoni toħroġ gwida dwar id-dispożizzjonijiet ġenerali fl-AMLD, speċjalment dwar il-ħtieġa li tiġi skambjata informazzjoni "spontanjament u mingħajr dewmien" ma' FIUs oħra;

105.  Jisħaq fuq il-ħtieġa għal komunikazzjoni aktar effikaċi bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti fil-livell nazzjonali, iżda anke bejn l-FIUs fi Stati Membri differenti; jitlob li l-Kummissjoni twaqqaf sistema tal-UE li tistabbilixxi l-parametri ta' riferiment, bħala għodda għall-istandardizzazzjoni tal-informazzjoni li tkun trid tinġabar u tiġi skambjata u għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-FIUs; jindika li dan għandu jinkludi t-tisħiħ tal-FIU.net taħt il-Europol, iżda anke tal-Europol innifsu, speċjalment biex tinsilet informazzjoni u statistika dwar il-flussi ta' informazzjoni, l-attivitajiet u l-eżitu tal-analiżi mwettqa mill-FIUs, u anke tal-kompetenzi u r-riżorsi tal-Eurojust biex tindirizza l-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa; jistieden barra minn hekk lill-Istati Membri jżidu r-riżorsi umani, finanzjarji u tekniċi fl-FIUs biex jitqawwew il-kapaċitajiet ta' investigazzjoni u ta' kooperazzjoni tagħhom, bl-għan li jiġu pproċessati n-numru akbar ta' rapporti dwar tranżazzjonijiet suspettużi (STRs) u jsir użu minnhom;

106.  Jinnota li l-limitazzjoni tal-iskop tal-użu tal-informazzjoni skambjata mill-FIUs għandha tiġi riveduta u unifikata fil-livell tal-UE u fil-livell globali, sabiex l-informazzjoni tkun tista' tintuża biex tittratta r-reati fiskali u għal skopijiet ta' evidenza;

107.  Jinsisti li hemm bżonn li l-ħatriet għall-karigi maniġerjali fl-FIUs ikunu indipendenti u ħielsa minn preġudizzji politiċi, ikunu bbażati fuq kwalifiki professjonali u li l-proċess tal-għażla jkun trasparenti u sorveljat; jisħaq fuq il-ħtieġa għal regoli komuni dwar l-indipendenza tal-istituzzjonijiet inkarigati biex jinfurzaw ir-regoli dwar il-frodi fiskali u l-ħasil tal-flus, kif ukoll il-ħtieġa għall-indipendenza sħiħa tal-korpi tal-infurzar tal-liġi fis-segwitu li jingħata għar-rapporti tal-FIUs;

108.  Jistieden lill-Kummissjoni tivverifika jekk dan l-obbligu huwiex qed jiġi rispettat kif xieraq fl-Istati Membri kollha;

109.  Ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament dwar l-AMLD V b'rabta mal-ħolqien ta' FIU Ewropea u l-ħtieġa li tiġi żgurata sistema effikaċi u koordinata għall-iskambju ta' informazzjoni, kif ukoll bażijiet ta' data ċentralizzati; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġati l-FIUs tal-Istati Membri, b'mod partikolari f'każijiet transkonfinali;

110.  Jinsisti dwar il-fatt li l-awtoritajiet kompetenti m'għandhomx jistennew sakemm ma jkunux jistgħu jlaħħqu mal-użu dejjem jiżdied tat-teknoloġiji diġitali mill-konsulenti tat-taxxa u mill-kontribwenti tat-taxxa; jemmen li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżviluppaw kif xieraq l-għodda u l-kapaċitajiet tal-investigazzjoni tagħhom stess; jemmen li dan jista' joffri opportunitajiet ġodda għall-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-kwistjoni rikorrenti tal-allokazzjoni tar-riżorsi jew biex titjieb il-kooperazzjoni bejniethom;

4. L-intermedjarji

111.  Jiddispjaċih li attwalment l-intermedjarji mhumiex regolati b'mod omoġenju madwar l-UE; jistieden lill-Kunsill jeżamina u jadotta malajr il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-iskambju obbligatorju awtomatiku ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni b'rabta ma' arranġamenti transkonfinali rapportabbli, bl-għan li jitqawwew l-obbligi tal-intermedjarji fir-rigward tar-rappurtar; iħeġġeġ lill-Istati Membri jqisu l-benefiċċji potenzjali li jirriżultaw mill-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva għal każijiet purament domestiċi;

112.  Jissottolinja l-ħtieġa li din il-proposta telimina l-lakuni li potenzjalment jippermettu pjanifikazzjoni fiskali aggressiva, billi tfassal regoli ġodda għal intermedjarji involuti fi prattiki bħal dawn;

113.  Jinnota li l-amministrazzjoni tal-ġid fil-biċċa l-kbira għadha mhijiex regolata, u li jkun tajjeb li jiġu stabbiliti regoli u standards vinkolanti fil-livell internazzjonali b'mod li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi u li din il-professjoni tiġi regolata u definita aħjar; jitlob li l-Kummissjoni f'dan il-kuntest tieħu l-inizjattiva fil-forums internazzjonali rilevanti kollha biex jinħolqu standards u regoli ta' dan it-tip;

114.  Jirrikonoxxi li s-superviżjoni għandha titwettaq fil-kuntest tal-organizzazzjoni u r-regolazzjoni proprji; jitlob li l-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa għal azzjoni mmirata tal-UE, inkluża l-possibilità li titfassal leġiżlazzjoni, tiżgura s-sorveljanza adegwata tar-regolazzjoni proprja tal-entitajiet marbuta b'obbligu, jiġifieri permezz ta' regolatur/superviżur nazzjonali separat u indipendenti;

115.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva fl-2018 biex tipprojbixxi r-regolazzjoni proprja tal-entitajiet obbligati skont l-AMLD;

116.  Jistieden lill-Kummissjoni, b'kollaborazzjoni mal-Istati Membri u s-superviżuri, toħroġ gwida biex tistandardizza l-formati ta' rappurtar għall-entitajiet marbuta b'obbligu sabiex jitħaffef l-ipproċessar u l-iskambju ta' informazzjoni mill-FIUs;

117.  Jappella biex l-intermedjarji fil-qasam tat-taxxa jiġu regolati permezz ta' inċentivi biex joqogħdu lura milli jinvolvu rwieħhom fl-evażjoni tat-taxxa u fl-evitar tat-taxxa u li s-sidien benefiċjarji jiġu protetti;

118.  Jenfasizza, jekk l-intermedjarju jkun ibbażat barra l-UE, li l-kontribwent ikkonċernat għandu jkun meħtieġ jibgħat il-pjanijiet tat-taxxa potenzjalment aggressivi tiegħu direttament, qabel dawk il-pjanijiet jiddaħħlu fis-seħħ, lill-awtoritajiet tat-taxxa fil-pajjiż ta' dak il-kontribwent, sabiex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jirreaġixxu għal riskji rigward it-taxxa billi jieħdu l-passi xierqa;

119.  Jemmen li regoli aktar rigorużi dwar ir-rwol tal-intermedjarji jibbenefikaw lill-industrija kollha peress li l-intermedjarji sinċieri ma jibqgħux fi żvantaġġ minħabba kompetizzjoni inġusta, u b'hekk dawk b'intenzjonijiet tajbin jintgħarfu minn dawk ħżiena;

120.  Jappella għal sanzjonijiet aktar effiċjenti, dissważivi u proporzjonati, kemm fil-livell tal-UE u kemm f'dak tal-Istati Membri, kontra dawk il-banek u l-intermedjarji li konxjament, intenzjonalment u sistematikament ikunu involuti f'arranġamenti ta' tassazzjoni illegali jew tal-ħasil tal-flus; jenfasizza li s-sanzjonijiet għandhom ikunu mmirati lejn il-kumpaniji nfushom kif ukoll lejn l-impjegati fil-livelli maniġerjali u l-membri tal-bordijiet responsabbli għall-iskemi; jenfasizza l-importanza ta' penali sostanzjali, u jemmen li l-użu ta' skreditar pubbliku għal każijiet konfermati jista' jiskoraġġixxi lill-intermedjarji milli jaħarbu mill-obbligi tagħhom u jinkoraġġixxi l-konformità;

121.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li s-setturi l-aktar esposti għal riskji minn skemi ta' sjieda benefiċjarja mhux ċari (kif identifikati fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-riskji tal-ħasil tal-flus) ikunu mmonitorjati u ssorveljati b'mod effikaċi; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu gwida dwar il-fatturi ta' riskju li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet li jinvolvu l-konsulenti tat-taxxa, l-awdituri, il-kontabilisti esterni, in-nutara u professjonisti legali indipendenti oħra;

122.  Jappella biex jinħoloq qafas tal-UE għall-istabbiliment ta' kodiċijiet ta' kondotta obbligatorji għall-intermedjarji, li jinkludi bħala minimu projbizzjoni ġenerali fuq l-użu ta' kuntratti li jimponu segretezza tal-iskema fiskali fuq il-klijent jew l-użu ta' tariffa ta' primjum; jitlob li dawn il-kodiċijiet ta' kondotta jinkludu obbligu għall-intermedjarji sabiex jaġixxu fl-interess pubbliku u biex ma jikkontradixxux l-ittra u l-ispirtu tal-leġiżlazzjoni fiskali;

123.  Jappella biex jiġu infurzati aħjar ir-regoli relatati mal-ħasil tal-flus u l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa, u biex dan ikollu effett dissważiv billi jingħata aktar viżibilità pubblika, b'mod partikolari permezz ta' titjib fl-istatistika pubblika dwar il-miżuri ta' infurzar li jinvolvu lil dawk il-professjonisti li jipprovdu servizzi ta' konsulenza fil-qasam tat-taxxa u l-ħasil tal-flus;

124.  Jissottolinja l-ħtieġa għal skrutinju, superviżjoni u koordinazzjoni akbar tal-iskemi ta' ċertfikazzjoni nazzjonali għall-intermedjarji li jipprattikaw ta' professjonisti tat-taxxa fl-UE; jistieden lill-Istati Membri jirtiraw il-liċenzji f'każ li jiġi ppruvat li l-intermedjarji jippromwovu jew jippermettu b'mod attiv l-evażjoni tat-taxxa, il-pjanifikazzjoni fiskali illegali u l-ħasil tal-flus fuq bażi transkonfinali;

125.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa jekk l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kkonformawx mal-proċeduri ta' liċenzjar tal-intermedjarji diġà previsti fid-dritt tal-Unjoni, eżempju fid-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali IV;

126.  Jappella lill-professjoni tadotta metodoloġija biex b'hekk il-kunfidenzjalità professjonali tal-avukati ma tostakolax STRs adegwati jew ir-rappurtar ta' attivitajiet potenzjalment illegali oħra, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet garantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipji ġenerali tal-liġi kriminali, jew biex titjieb il-metodoloġija eżistenti b'mod li jkun hemm l-istess effett;

127.  Jappella sabiex l-intermedjarji bbażati fl-UE jiġu pprojbiti milli jkunu attivi b'mod dirett jew indirett fil-pajjiżi inklużi fil-listi suwed Ewropej bħala rifuġji fiskali, jew li huma f'riskju għoli li jkunu pajjiżi fejn isir ħasil tal-flus;

128.  Jisħaq li, bil-ħsieb li tittejjeb il-kooperazzjoni internazzjonali, ir-rekwiżiti fl-oqsma tal-awditjar u tal-kontabilità għandhom jiġu kkoordinati fil-livell globali, b'mod li d-ditti tal-kontabilità u tal-awditjar jiġu skoraġġuti milli jipparteċipaw fi strutturi tat-taxxa illegali; jemmen, f'dan ir-rigward, li implimentazzjoni aħjar tal-istandards internazzjonali tal-kontabilità għandha titqies bħala għodda effiċjenti;

Il-banek

129.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri kollha jistabbilixxu sistemi tar-reġistri tal-kontijiet bankarji jew sistemi għall-irkupru tad-data elettronika, kif rakkomandat fl-AMLD IV, li jipprovdu lill-FIUs u lill-awtoritajiet kompetenti b'aċċess għal informazzjoni dwar kontijiet bankarji; jirrakkomanda li tiġi kkunsidrata l-istandardizzazzjoni u l-interkonnessjoni tar-reġistri tal-kontijiet bankarji nazzjonali fil-kontijiet kollha li jkunu marbuta ma' persuni ġuridiċi jew fiżiċi, bl-iskop li l-awtoritajiet kompetenti u l-FIUs ikollhom aċċess faċli għalihom;

130.  Jirrakkomanda li tali reġistru tal-kontijiet għandu jirreġistra u jippublika statistika dwar tranżazzjonijiet ma' rifuġji fiskali u ma' pajjiżi li huma ta' riskju għoli, kemm ġewwa kif ukoll barra mill-UE, u jissepara l-informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet ta' partijiet relatati minn dawk ta' partijiet mhux relatati, u għal kull Stat Membru:

131.  Jirrikonoxxi li l-banek instabu li kienu involuti f'erba' attivitajiet wesgħin, jiġifieri li jipprovdu u jġestu strutturi offshore, li jagħtu kontijiet bankarji lill-entitajiet offshore, li jipprovdu prodotti finanzjarji oħra u servizzi bankarji b'korrispondenza(17); jenfasizza l-importanza li l-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi bankarji b'korrispondenza tkun aktar ċara u stretta rigward ir-rimessa ta' fondi lejn ġurisdizzjonijiet offshore u li ma jikkooperawx, bl-obbligu li jitwaqqfu l-attivitajiet jekk ma tiġix ipprovduta informazzjoni benefiċjarja;

132.  Jissottolinja l-importanza ta' koordinazzjoni aħjar bejn is-sedi bankarji u s-sussidjarji, kemm fi ħdan l-UE u kemm ma' pajjiżi terzi, b'mod li tiġi żgurata l-konformità sħiħa mal-kodiċijiet ta' kondotta interni u mal-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus;

133.  Jenfasizza li, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tar-regoli kontra l-ħasil tal-flus fil-banek kollha, il-verifiki fil-qasam tas-superviżjoni bankarja nazzjonali għandhom ikunu sistematiċi u għal għarrieda;

134.  Jappella biex il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) jingħataw aktar setgħat biex iwettqu verifiki regolari tal-konformità (kemm avżati minn qabel kif ukoll għal għarrieda) fis-settur bankarju tal-UE kollu kemm hu, minflok is-sistema attwali ta' verifiki li jsiru biss meta jkun qiegħed jiġi investigat każ speċifiku jew ikun sar pubbliku;

135.  Jitlob li ssir analiżi tal-fattibilità li l-awtoritajiet ta' superviżjoni jingħataw is-setgħa jwettqu investigazzjoni bankarja f'sitwazzjonijiet fejn detentur ta' kont mhux magħruf b'ismu;

136.  Jilqa' l-analiżi eżistenti tar-riskji u l-vulnerabilitajiet tas-sistema finanzjarja tal-UE; jissottolinja l-importanza li jiġu identifikati teknoloġiji u prodotti finanzjarji ġodda li potenzjalment jistgħu jintużaw bħala mezz biex jitwettaq ħasil tal-flus; jappella, abbażi ta' din l-analiżi, biex jiġu inklużi dispożizzjonijiet dwar il-ħasil tal-flus fi kwalunkwe proposta ġdida li tindirizza tali teknoloġiji ġodda, inkluża t-teknoloġija finanzjarja (FinTech);

137.  Jappella biex jinħoloq ġurament tal-bankiera, bħall-mudell Netherlandiż, fil-forma ta' impenn volontarju tas-settur li ma jaħdimx ma' rifuġji fiskali;

L-avukati

138.  Jirrimarka li s-segretezza professjonali ma tistax tintuża għall-finijiet tal-protezzjoni, biex jinħbew prattiċi illegali jew biex wieħed jikser l-ispirtu tal-liġi; iħeġġeġ sabiex il-prinċipju tal-privileġġ bejn il-klijent u l-avukat ma jostakolax STRs jew rappurtar adegwati ta' attivitajiet potenzjalment illegali oħra, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet garantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-prinċipji ġenerali tal-liġi kriminali; jistieden lill-Istati Membri joħorġu gwida dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-privileġġ legali għall-professjonisti, u jintroduċu linja ta' demarkazzjoni ċara bejn pariri ġudizzjarji tradizzjonali u avukati li jaġixxu bħala operaturi finanzjarji;

139.  Jenfasizza li l-avukati li jwettqu attività li taqa' barra mid-dmirijiet speċifiċi tagħhom ta' difiża, rappreżentanza legali jew konsulenza legali jistgħu, taħt ċerti ċirkustanzi relatati mal-ħarsien tal-ordni pubbliku, ikunu meħtieġa jinfurmaw lill-awtoritajiet dwar ċerta informazzjoni li huma jkunu jafu dwarha;

140.  Jissottolinja l-fatt li l-avukati li jipprovdu servizzi ta' konsulenza lill-klijenti għandhom jinżammu legalment responsabbli b'mod konġunt meta jfasslu pjanijiet tal-evażjoni tat-taxxa u pjanijiet tat-taxxa aggressivi kkastigati mil-liġi u skemi tal-ħasil tal-flus; jindika li meta jieħdu sehem fil-frodi, huma għandhom ikunu sistematikament responsabbli kemm għal sanzjonijiet penali kif ukoll għal miżuri ta' dixxiplina;

Il-kontabilità

141.  Jisħaq li, bil-ħsieb li tittejjeb il-kooperazzjoni internazzjonali, ikun aħjar li r-rekwiżiti fl-oqsma tal-awditjar u tal-kontabilità jiġu kkoordinati fil-livell globali, filwaqt li jiġu rispettati standards Ewropej ta' leġittimità demokratika, trasparenza, responsabilità u integrità, b'mod li d-ditti tal-kontabilità u tal-awditjar kif ukoll il-konsulenti individwali jiġu skoraġġuti milli jfasslu strutturi tal-evażjoni tat-taxxa, pjanifikazzjoni fiskali aggressiva jew tal-ħasil tal-flus; jappella sabiex jiġi infurzat b'mod adegwat il-Pakkett tal-Awditjar(18) adottat reċentement u li l-Kumitat ta' Korpi Ewropej għas-Sorveljanza tal-Awditjar (CEAOB) ikun il-qafas il-ġdid għall-kooperazzjoni bejn il-korpi ta' sorveljanza tal-awditjar nazzjonali fil-livell tal-UE, bil-għan li tissaħħaħ is-sorveljanza tal-awditjar madwar l-UE; jemmen f'dan ir-rigward li implimentazzjoni aħjar tal-istandards internazzjonali tal-kontabilità għandha titqies bħala għodda effiċjenti biex jiġu rispettati l-istandards ta' trasparenza u responsabbiltà tal-UE;

142.  Jinnota li d-definizzjoni eżistenti tal-UE tal-kontroll meħtieġ sabiex jinħoloq grupp ta' kumpaniji għandha tapplika għad-ditti tal-kontabilità li huma membri ta' netwerk ta' ditti assoċjati minn arranġamenti kuntrattwali legalment infurzabbli li jipprevedu l-użu tal-istess isem jew kummerċjalizzazzjoni, standards professjonali, klijenti, servizzi ta' appoġġ, finanzi jew arranġamenti ta' kopertura tal-assigurazzjoni ta' indennizz professjonali, kif antiċipat mid-Direttiva 2013/34/UE(19) dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali;

143.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva dwar is-separazzjoni ta' ditti tal-kontabilità u fornituri tas-servizzi finanzjarji jew tat-taxxa kif ukoll dwar is-servizzi ta' konsulenza kollha, inkluż reġim ta' inkompatibilità tal-Unjoni għall-konsulenti tat-taxxa, sabiex ma jitħallewx jagħtu konsulenzi lill-awtoritajiet tat-taxxa pubblika u l-kontribwenti u biex jevitaw kunflitti ta' interess oħrajn;

144.  Jappella għal reviżjoni tad-Direttiva 2014/56/UE biex jiġu implimentati standards madwar l-UE aktar stretti għall-professjoni tal-awditjar, rotazzjoni ta' awdituri kull seba' snin sabiex jiġu evitati kunflitti ta' interessi u l-limitazzjoni kemm jista' jkun tal-forniment ta' servizzi mhux relatati mal-awditjar;

145.  Jitlob li l-Kummissjoni tniedi inkjesta biex tivvaluta l-istat ta' konċentrazzjoni fis-settur; jirrakkomanda l-eliminazzjoni ta' ħlas ta' ditti tal-kontabilità b'rabta mas-suċċess, li jinċentiva t-twaqqif ta' skemi riskjużi;

146.  Jinnota li netwerks professjonali suġġetti għal dawn l-arranġamenti għandhom ikunu meħtieġa jippreżentaw rapporti kompluti pajjiż b'pajjiż, adattati sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet partikolari ta' dan is-settur, b'mod pubbliku;

Trusts, fiduċjarji u arranġamenti legali simili

147.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu ħażin tat-trusts, il-fiduċjarji u arranġamenti legali simili bħala mezzi biex isir ħasil tal-flus; jappella għaldaqstant għal regoli ċari li jiffaċilitaw identifikazzjoni sempliċi tas-sid benefiċjarju/sidien benefiċjarji, inkluż obbligu li t-trusts jeżistu bil-miktub u jkunu rreġistrati fl-Istat Membru fejn inħolqu, huma amministrati jew joperaw;

148.  Jappella biex ir-reġistri standardizzati, aġġornati regolarment, pubblikament aċċessibbli u interkonnessi fil-livell tal-UE tas-sjieda benefiċjarja, dwar il-partijiet kollha ta' trusts kummerċjali u mhux kummerċjali, fiduċjarji, fondazzjonijiet u arranġamenti legali simili jkunu jiffurmaw il-bażi għal reġistru globali;

149.  Ir-reġistru tat-trusts tal-UE għandu jinkludi: a) it-trustees, inklużi l-ismijiet, l-indirizzi u l-ismijiet u l-indirizzi ta' dawk kollha li t-trustees jaġixxu fuq l-istruzzjonijiet tagħhom; b) il-kuntratt tat-trust; c) l-ittri tax-xewqat (letters of wishes) kollha; d) l-isem u l-indirizz tas-settlor; e) l-isem ta' kwalunkwe awtorità ta' infurzar u l-istruzzjonijiet li jkollha; f) il-kontijiet annwali tat-trust; g) id-dettalji tad-distribuzzjonijiet u l-allokazzjonijiet kollha tat-trusts, bl-ismijiet u l-indirizzi tal-benefiċjarji kollha; h) l-intermedjarji deżinjati, inklużi l-ismijiet u l-indirizzi tagħhom;

150.  Jappella għal leġiżlazzjoni tal-UE li tipprojbixxi lill-kumpaniji li joperaw fis-suq uniku milli jidħlu fi kwalunkwe tranżazzjoni ma' entitajiet ġuridiċi offshore ibbażati f'rifuġji fiskali fejn is-sid benefiċjarju ma jkunx jista' jiġi identifikat;

5. Id-dimensjoni tal-pajjiżi terzi

151.  Jissottolinja l-ħtieġa, taħt l-awspiċji tan-NU, ta' kooperazzjoni globali mtejba dwar kwistjonijiet tat-tassazzjoni u tal-ħasil tal-flus, minħabba n-natura internazzjonali tagħhom; jenfasizza li reazzjonijiet kooperattivi, koordinati u globali biss se jipprovdu soluzzjonijiet effiċjenti, u jitlob li l-UE tkun forza li taħdem lejn sistema ta' tassazzjoni globali ġusta; jenfasizza li kwalunkwe azzjoni tal-UE fil-livell internazzjonali sejra tkun effikaċi u kredibbli biss jekk l-ebda Stat Membru jew pajjiż jew territorju extra-Ewropew (OCT) ma jaġixxi bħala rifuġju fiskali tal-kumpaniji jew ġurisdizzjoni ta' segretezza;

152.  Jinnota bi tħassib il-korrelazzjoni għolja bejn l-għadd ta' kumpaniji tal-isem u deċiżjonijiet tat-taxxa u ċerti ġurisdizzjonijiet tat-taxxa u Stati Membri tal-UE; jilqa' b'sodisfazzjon l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE dwar id-deċiżjonijiet dwar it-taxxa tagħhom; jesprimi t-tħassib tiegħu, madankollu, li ċerti Stati Membri jew ċerti territorji tagħhom ta' "rifuġju fiskali" joħorġu "deċiżjonijiet tat-taxxa orali" biex iduru ma' dan l-obbligu; jitlob li l-Kummissjoni tinvestiga din il-prattika aktar fil-fond;

153.  Jitlob li l-UE timponi miżuri permezz ta' sanzjonijiet fil-konfront ta' pajjiżi oħra li jappartjenu għaż-Żona Ekonomika Ewropea (eż. l-Liechtenstein) u għall-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (eż. l-Iżvizzera), li jippermettu prattiki tat-taxxa li jagħmlu ħsara lill-finanzi pubbliċi u jittolleraw imġiba illeċita u illegali;

154.  Jemmen li, meta tkun qed tinnegozja ftehimiet dwar it-taxxa mal-pajjiżi terzi, l-UE għandha titkellem b'vuċi waħda permezz tal-Kummissjoni minflok ma tkompli bil-prattika ta' negozjati bilaterali li jipproduċu riżultati subottimali; jemmen li l-UE għandha tadotta l-istess approċċ meta, fil-ġejjieni, tkun qed tinnegozja ftehimiet ta' kummerċ ħieles, ta' sħubija u ta' kooperazzjoni, billi tinkludi klawżoli ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, rekwiżiti ta' trasparenza, u dispożizzjonijiet kontra l-ħasil tal-flus;

155.  Jenfasizza l-importanza li jissaħħu d-dispożizzjonijiet tal-BKKTK kontra l-evitar tat-taxxa biex jiġi eliminat l-ipprezzar ta' trasferimenti għal ġurisdizzjonijiet ta' pajjiżi terzi, li jwassal għal tnaqqis fil-bażi taxxabbli ta' kumpaniji fl-Unjoni;

156.  Iqis, b'mod partikolari, li meta jiġu nnegozjati ftehimiet kummerċjali jew ta' sħubija futuri, jew meta tkun qed issir reviżjoni ta' ftehimiet eżistenti, dawn għandu jkun fihom klawżola vinkolanti ta' kundizzjonalità tat-taxxa, inkluża konformità mal-istandards internazzjonali fil-pjan ta' Azzjoni tal-BEPS tal-OECD, u r-Rakkomandazzjonijiet tal-FATF;

157.  Jitlob li l-kapitoli dwar "Investimenti" jew "Servizzi Finanzjarji" fi tehimiet futuri ta' kummerċ jew ta' sħubija iġu nnegozjati fuq il-bażi tal-prinċipju ta' listi pożittivi, b'tali mod li jkunu biss is-setturi finanzjarji meħtieġa għall-iżvilupp kummerċjali, l-ekonomija reali u l-familji li jibbenefikaw mill-faċilitazzjoni u l-liberalizzazzjoni li joħorġu mill-ftehim bejn l-Unjoni u l-parti terza kkonċernata;

158.  Jappella għal miżuri qawwija ta' infurzar fil-ftehimiet internazzjonali kollha dwar l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni adegwata min-naħa tal-ġurisdizzjonijiet kollha u biex, f'każ ta' nuqqas ta' implimentazzjoni, ikunu japplikaw proċeduri awtomatiċi effikaċi, dissważivi u proporzjonati dwar sanzjonijiet;

159.  Jissottolinja l-importanza ta' reċiproċità effikaċi sħiħa fil-qafas tal-Att dwar il-Konformità Fiskali tal-Kontijiet Barranin (FATCA0 u ftehimiet simili oħra;

160.  Jistieden lill-Istati Membri rilevanti jużaw l-opportunità tar-relazzjonijiet diretti li jkollhom mal-pajjiżi rilevanti biex jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa sabiex jitfgħu pressjoni fuq il-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej1 (OCTs)(20) u r-reġjuni ultraperiferiċi tagħhom(21) li ma jirrispettawx l-istandards internazzjonali dwar il-kooperazzjoni fiskali, it-trasparenza u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus; huwa tal-fehma li f'dawn it-territorji r-rekwiżiti tat-trasparenza u d-diliġenza dovuta tal-UE għandhom jiġu infurzati bmod effikaċi;

161.  Jemmen li l-użu ħażin ta' liġijiet tal-protezzjoni tal-privatezza u tad-data ma jistgħux jintużaw biex jipproteġu lil min ikun involut fl-abbiż mill-forza sħiħa tal-liġi;

162.  Jappella għal Summit Globali dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa biex itemm is-segretezza fis-settur finanzjarju, iqawwi l-kooperazzjoni internazzjonali, u jeżerċita pressjoni fuq il-pajjiżi kollha, b'mod partikolari fuq iċ-ċentri finanzjarji tagħhom, biex jikkonformaw mal-istandards globali, u jitlob li l-Kummissjoni Ewropea tieħu l-inizjattiva għal summit ta' dan it-tip;

163.  Jitlob li l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-kost u l-benefiċċji globali u tal-impatt potenzjali ta' livelli għoljin ta' tassazzjoni fuq ir-ripatrijazzjoni ta' kapital minn pajjiżi terzi li japplikaw tassazzjoni baxxa; jitlob li l-Kummissjoni u l-Kunsill jivvalutaw ir-regoli dwar il-ħlas differit tat-taxxa fl-Istati Uniti, l-amnestija fiskali potenzjali mħabbra mill-amministrazzjoni l-ġdida u l-imminar possibbli tal-kooperazzjoni internazzjonali;

164.  Jisħaq fuq l-importanza li jkun hemm skambju bilaterali aħjar ta' informazzjoni bejn il-pajjiżi terzi u l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja tal-UE;

165.  Ifakkar li l-ammont ta' għajnuna b'appoġġ għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi għadu baxx ħafna, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u żżid l-assistenza finanzjarja u teknika lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali tagħhom, f'konformità mal-impenji tal-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa;

Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw

166.  Jitlob li l-UE tqis il-karatteristiċi ġuridiċi speċifiċi u l-vulnerabilitajiet korrispondenti tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, pereżempju n-nuqqas ta' kapaċitajiet disponibbli għall-awtoritajiet li huma inkarigati li jiġġieldu kontra l-frodi, l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus; jenfasizza l-ħtieġa ta' perjodi tranżitorji adegwati għal pajjiżi li qed jiżviluppaw li m'għandhomx il-kapaċità jiġbru, jimmaniġġjaw u jaqsmu l-informazzjoni meħtieġa fil-kuntest tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni;

167.  Jenfasizza l-fatt li, meta jkunu qed jitfasslu azzjonijiet u politiki maħsuba biex jindirizzaw l-evitar tat-taxxa, għandha tingħata attenzjoni speċifika fil-livell nazzjonali, internazzjonali u tal-UE lis-sitwazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u, partikolarment, tal-pajjiżi l-anqas żviluppati, li normalment huma dawk li jintlaqtu l-aktar mill-evitar tat-taxxa korporattiva u li għandhom bażijiet ta' taxxa ristretti ħafna u proporzjonijiet baxxi ta' taxxa/PDG; jenfasizza li tali azzjonijiet u politiki għandhom jikkontribwixxu biex jiġġeneraw dħul pubbliku proporzjonat mal-valur miżjud iġġenerat fit-territorju tagħhom, hekk li l-pajjiżi kkonċernati jkunu jistgħu jiffinanzjaw l-istrateġiji ta' żvilupp tagħhom b'mod adegwat;

168.  Jitlob li l-Kummissjoni taħdem mal-Unjoni Afrikana sabiex jiġi żgurat li l-miżuri għall-ġlieda kontra l-flussi finanzjarji illegali jkunu enfasizzati fil-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana dwar il-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni;

169.  Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jsaħħu l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp f'dan il-qasam, u jtenni l-appell tiegħu għal analiżi tal-effetti kollaterali tal-politiki tat-taxxa nazzjonali u tal-UE sabiex jiġi vvalutat l-impatt tagħhom fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw b'rabta ma' trattati tat-taxxa u ftehimiet ta' sħubija ekonomika maqbula (EPAs);

170.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw kif jixraq li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jingħataw trattament ġust fin-negozjar ta' trattati dwar it-taxxa, fil-qies tas-sitwazzjoni partikolari tagħhom u b'mod li jiżgura distribuzzjoni ġusta tad-drittijiet tat-taxxa bejn il-pajjiżi sors u l-pajjiżi ta' residenza; jitlob, f'dan ir-rigward, li jkun hemm konformità mal-mudell ta' konvenzjoni tat-taxxa tan-NU u li tiġi żgurata t-trasparenza fin-negozjati tat-trattati;

171.  Jappella biex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jingħataw aktar appoġġ internazzjonali biex jiġġieldu l-korruzzjoni u s-segretezza li jiffaċilitaw il-flussi finanzjarji illeċiti (IFFs); jenfasizza li l-ġlieda kontra l-IFFs tirrikjedi kooperazzjoni internazzjonali mill-qrib u sforzi kkoordinati bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw, fi sħubija mas-settur privat u mas-soċjetà ċivili; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa u li t-trasferiment tal-għarfien lejn il-pajjiżi sħab jingħata spinta;

172.  Jitlob li l-għajnuna pubblika għall-iżvilupp tiġi indirizzata aktar lejn l-implimentazzjoni ta' qafas regolatorju xieraq u li l-amministrazzjonijiet tat-taxxa u l-istituzzjonijiet responsabbli għall-ġlieda kontra l-IFFs jiġu msaħħa; jitlob li din l-għajnuna tingħata fl-għamla ta' għarfien espert tekniku dwar il-ġestjoni tar-riżorsi, l-informazzjoni finanzjarja u r-regoli kontra l-korruzzjoni;

173.  Jiddispjaċih li l-kumitat attwali tal-OECD għat-tassazzjoni mhuwiex inklużiv biżżejjed; ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament(22) dwar il-ħolqien ta' korp dinji fi ħdan il-qafas tan-NU, li jkun mgħammar sew u jkollu riżorsi addizzjonali suffiċjenti biex jiżgura li l-pajjiżi kollha jkunu jistgħu jipparteċipaw fuq l-istess livell fit-tfassil u fir-riforma ta' politiki tat-taxxa globali;

174.  Jiddispjaċih li, sabiex ma jiġux ittimbrati bħala ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikollhom iħallsu biex jitqiesu bħala parteċipanti fil-Forum Globali tal-OECD dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta' Informazzjoni għal Skopijiet ta' Taxxa, fejn il-pajjiżi jkunu soġġetti għal evalwazzjoni tal-prattiki tagħhom skont parametri li huma ma jkunux ipparteċipaw bis-sħiħ fid-definizzjoni tagħhom;

175.  Jisħaq fuq ir-rwol essenzjali li l-organizzazzjonijiet reġjonali u l-kooperazzjoni reġjonali jrid ikollhom fit-twettiq ta' awditi tat-taxxa transnazzjonali, fil-qies tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' komplementarjetà; jappella għall-iżvilupp konġunt ta' mudell ta' konvenzjoni tat-taxxa li jgħin biex jelimina t-tassazzjoni doppja u b'hekk jevita l-abbużi; jirrimarka li l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn id-diversi servizzi ta' informazzjoni jkunu essenzjali għal dak l-iskop;

176.  Jirrimarka li r-rifuġji fiskali jeqirdu r-riżorsi naturali dinjija, b'mod partikolari dawk tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; iħeġġeġ lill-UE tappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-attivitajiet kriminali, il-frodi tat-taxxa u l-ħasil tal-flus; jitlob li l-Kummissjoni tgħin lil dawn il-pajjiżi, permezz tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni, sabiex jiġu miġġielda l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitti lejn ir-rifuġji fiskali u l-banek li jipprattikaw is-segretezza bankarja; jenfasizza li dawn il-pajjiżi kollha jeħtiġilhom jirrispettaw l-istandards globali li jirregolaw l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji;

177.  Jitlob li l-Kummissjoni, fil-ftehim futur dwar ir-relazzjonijiet UE-AKP wara l-2020, tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa u l-ħasil tal-flus;

178.  Jitlob li l-Kummissjoni tistabbilixxi, mingħajr dewmien, miżuri addizzjonali sabiex issaħħaħ id-dritt tal-UE dwar il-minerali ta' kunflitt; jenfasizza li dawn il-miżuri jridu jistabbilixxu approċċ integrat li se jsaħħaħ id-djalogu li għaddej mal-pajjiżi li għandhom ħafna minerali, u b'hekk jippromwovu l-istandards internazzjonali ta' diliġenza dovuta u trasparenza, bħal dawk definiti fil-linji gwida tal-OECD;

179.  Huwa tal-fehma li l-komunità internazzjonali, inklużi l-parlamenti, għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jistabbilixxu politiki effikaċi u trasparenti dwar it-taxxa u l-kummerċ; jappella għal aktar koerenza u koordinazzjoni aħjar fl-azzjoni internazzjonali meħuda mill-OECD, il-G20, il-G8, il-G77, l-Unjoni Afrikana, il-Bank Dinji, il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Asjatiku tal-Iżvilupp (ADB);

L-informaturi

180.  Jibża' li l-prosekuzzjoni tal-informaturi biex tinżamm is-segretezza tista' tiskoraġġixxi l-iżvelar ta' prattiki ħżiena; jissottolinja li l-protezzjoni għandha tkun maħsuba biex tipproteġi lil min jaġixxi fl-interess pubbliku u li għandha tevita li ssikket l-informaturi, filwaqt li tqis ukoll id-drittijiet legali tal-kumpaniji;

181.  Jitlob li l-Kummissjoni tiffinalizza, mill-aktar fis possibbli, valutazzjoni eżawrjenti tal-bażi ġuridika possibbli għal azzjoni ulterjuri fil-livell tal-UE u li, jekk dan ikun f'loku, mill-aktar fis tressaq leġiżlazzjoni komprensiva li tkopri kemm lis-settur pubbliku, kif ukoll lil dak privat, inklużi għodod li jappoġġjaw lill-informaturi, biex tiżgura li dawn jingħataw protezzjoni effikaċi u assistenza finanzjarja adegwata; isostni li l-informaturi għandhom ikunu ħielsa li jirrappurtaw b'mod anonimu, jew li jressqu lmenti, bħala kwistjoni ta' prijorità, lill-mekkaniżmi ta' rappurtar interni tal-organizzazzjoni kkonċernata jew lill-awtoritajiet kompetenti, u li, barra minn hekk, għandhom jiġu protetti, irrispettivament mill-mezz ta' rappurtar li jagħżlu;

182.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tistudja l-aħjar prattiki mill-programmi tal-informaturi li diġà huma stabbiliti f'pajjiżi oħra madwar id-dinja, u twettaq konsultazzjoni pubblika biex tfittex il-fehma tal-partijiet interessati dwar mekkaniżmi ta' rappurtar;

183.  Jisħaq fuq ir-rwol tal-ġurnaliżmu investigattiv u jitlob li l-Kummissjoni tiżgura li l-proposta tagħha toffri l-istess protezzjoni lill-ġurnalisti investigattivi bħalma toffri lill-informaturi;

184.  Jemmen li min iħaddem għandu jitħeġġeġ jintroduċi proċeduri għar-rappurtar intern, u li fi ħdan kull organizzazzjoni għandha tinħatar persuna waħda li tkun responsabbli milli tiġbor ir-rapporti; iqis li r-rappreżentanti tal-ħaddiema għandhom ikunu involuti fl-allokazzjoni ta' dak ir-rwol; jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet tal-UE jagħtu l-eżempju billi jistabbilixxu malajr qafas intern għall-protezzjoni tal-informaturi;

185.  Jissottolinja l-importanza li l-impjegati u individwi oħra jiġu sensibilizzati rigward ir-rwol pożittiv li jaqdu l-informaturi u dwar l-oqfsa ġuridiċi li diġà jeżistu fl-ambitu tal-protezzjoni tal-informaturi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw kampanji ta' sensibilizzazzjoni; jemmen li jeħtieġ li jiġu introdotti miżuri protettivi kontra kwalunkwe prattika ta' tpattija u ta' destabilizzazzjoni fil-konfront tal-informaturi, kif ukoll kumpens sħiħ għal kull dannu li jġarrbu;

186.  Jitlob li l-Kummissjoni tfassal strumenti li jiffukaw fuq l-għoti ta' protezzjoni kontra prosekuzzjonijiet, sanzjonijiet ekonomiċi u diskriminazzjoni mhux ġustifikati fil-konfront tal-informaturi, u jitlob, f'dan il-kuntest, li jiġi stabbilit fond ġenerali, iffinanzjat parzjalment minn flus irkuprati jew minn dħul minn multi, biex jagħti appoġġ finanzjarju adegwat lill-informaturi li l-għajxien tagħhom ikun f'riskju minħabba li jkunu żvelaw fatti rilevanti;

187.  Jitlob li jiġi stabbilit korp indipendenti tal-UE biex jiġbor l-informazzjoni, jaqdi rwol ta' konsulenza u jservi ta' punt ta' riferiment, li jkollu uffiċċji fl-Istati Membri li jkunu f'qagħda li jirċievu rapporti ta' irregolaritajiet, sabiex jgħinu lill-informaturi interni u esterni jużaw il-mezzi adatti biex jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom, filwaqt li jirrispettaw il-kunfidenzjalità u joffru l-appoġġ u l-pariri meħtieġa;

188.  Jitlob li tiġi stabbilita unità speċjali b'linja ta' rappurtar, kif ukoll faċilitajiet iddedikati fi ħdan il-Parlament Ewropew, u fi ħdan il-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri, biex jirċievu informazzjoni min-naħa tal-informaturi, sa ma jiġi stabbilit korp indipendenti tal-UE;

 

Il-kooperazzjoni interistituzzjonali

Il-Kooperazzjoni mal-Kumitat ta' Inkjesta għall-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa (PANA);

189.  Itenni l-importanza li jiġi rrispettat il-prinċipju ta' kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet tal-UE;

190.  Jemmen li l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE għandu jissaħħaħ, b'mod partikolari rigward il-forniment ta' informazzjoni rilevanti li tkun trid titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-kumitati ta' inkjesta;

191.  Jiddispjaċih li l-Kunsill, il-Grupp dwar il-Kodiċi ta' Kondotta tiegħu dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi u xi Stati Membri ftit li xejn urew impenn fil-konfront tat-talbiet għal kooperazzjoni li sarulhom mill-Kumitat PANA; jemmen li huwa kruċjali li l-Istati Membri juru impenn aktar qawwi biex jiġmgħu l-isforzi tagħhom u jiksbu riżultati aħjar; jirrisolvi li jimmonitorja l-attivitajiet u l-progress tal-Kodiċi ta' Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi permezz ta' seduti ta' smigħ regolari; jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva skont l-Artikolu 116 TFUE sa nofs l-2018, jekk l-Istati Membri jkunu għadhom ma adottawx riforma tal-mandat tal-Grupp dwar il-Kodiċi ta' Kondotta sa dak iż-żmien;

192.  Jesprimi l-oġġezzjoni tiegħu għall-fatt li anke dokumenti li issa saru pubbliċi tqiegħdu biss parzjalment għad-dispożizzjoni tal-kumitat ta' inkjesta tiegħu;

193.  Ifakkar li, f'Diċembru 2015, il-Kunsill ECOFIN stieden lill-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli dwar it-Tassazzjoni biex jikkonkludi dwar il-ħtieġa ta' tisħiħ tal-governanza, it-trasparenza u l-metodi ta' ħidma ġenerali u jiffinalizza r-riforma tal-Grupp dwar il-Kodiċi ta' Kondotta matul il-Presidenza Netherlandiża; ifakkar li, f'Marzu 2016, il-Kunsill ECOFIN stieden lill-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli jirrieżamina l-governanza, it-trasparenza u l-metodi ta' ħidma ġodda, speċjalment dwar l-effiċjenza tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet anke bi rbit mal-użu tar-regola ta' kunsens ġenerali fl-2017; jistenna b'interess ir-riżultati ta' dawn l-isforzi;

194.  Jitlob li l-Kummissjoni tressaq proposti ġodda tat-taxxa fl-2018 skont l-Artikolu 116 tat-TFUE, pereżempju dwar kwistjonijiet pendenti f'idejn il-Grupp dwar il-Kodiċi ta' Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi;

Id-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew

195.  Jenfasizza li l-qafas ġuridiku attwali għall-funzjonament tal-kumitati ta' inkjesta fil-Parlament Ewropew mhuwiex aġġornat u ma jirnexxilux jipprovdi l-kundizzjonijiet meħtieġa biex il-Parlament ikun jista' jeżerċita d-dritt ta' inkjesta tiegħu b'mod effikaċi;

196.  Jenfasizza li n-nuqqas ta' setgħat u l-aċċess limitat għad-dokumenti xekklu u dewmu l-ħidma tal-inkjesta b'mod sinifikanti minħabba n-natura temporanja tal-investigazzjoni tiegħu, u pprekludew il-possibilità li ssir valutazzjoni kompluta tal-allegat ksur tad-dritt tal-UE;

197.  Jinnota li f'diversi kumitati ta' inkjesta u kumitati speċjali reċenti (inkluż il-Kumitat PANA), il-Kummissjoni u l-Kunsill f'xi każijiet naqsu milli jipprovdu d-dokumenti mitluba, u f'każijiet oħra pprovdew id-dokumenti mitluba biss wara dewmien twil; jitlob li jiġi introdott mekkaniżmu obbligu ta' rendikont li jiżgura t-trasferiment immedjat u garantit lill-Parlament ta' dokumenti li l-kumitat ta' inkjesta jew il-kumitat speċjali jkun talabhom u li jkun intitolat li jaċċedi għalihom;

198.  Iqis li d-dritt għall-inkjesta huwa kompetenza fundamentali tal-Parlament; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jqawwu d-drittijiet ta' inkjesta tal-Parlament abbażi tal-Artikolu 226 tat-Trattat; jesprimi l-opinjoni soda tiegħu li, biex jiffunzjonaw kif suppost, huwa essenzjali li l-kumitati ta' inkjesta parlamentari jkunu jistgħu jħarrku lil persuni ta' interess biex jidhru quddiemhom u jkollhom aċċess għal dokumenti rilevanti;

199.  Jenfasizza li huwa indispensabbli, għall-eżerċizzju tal-kontroll demokratiku fuq l-eżekuttiv, li l-Parlament jingħata setgħat ta' investigazzjoni li jaqblu ma' dawk tal-parlamenti nazzjonali tal-UE; jemmen li sabiex jeżerċita dan ir-rwol ta' sorveljanza demokratika, il-Parlament irid ikollu s-setgħa li jsejjaħ u jġiegħel lix-xhieda biex jidhru u li jġiegħel il-preżentazzjoni ta' dokumenti; jemmen li, sabiex dawn id-drittijiet jiġu eżerċitati, l-Istati Membri jeħtiġilhom jaqblu li jimplimentaw sanzjonijiet kontra individwi talli jonqsu milli jidhru jew milli jippreżentaw dokumenti f'konformità mad-dritt nazzjonali li jirregola l-inkjesti parlamentari nazzjonali; itenni l-appoġġ tal-Parlament għall-pożizzjoni deskritta fir-rapport tal-2012 dwar din il-kwistjoni(23);

200.  Iqis li l-limitu ta' żmien ta' 12-il xahar għall-kumitati ta' inkjesta huwa arbitrarju, u li spiss ma jkunx biżżejjed; jemmen li l-membri tal-kumitat ta' inkjesta huma fl-aħjar pożizzjoni biex jiddeterminaw jekk inkjesta għandhiex tiġi estiża u, jekk iva, b'kemm żmien; jitlob li l-uniku limitu ta' żmien vinkolanti li jkun stabbilit minn qabel għal kumitat ta' inkjesta jkun marbut mal-mandat Parlamentari;

201.  Jirrisolvi li jistabbilixxi Kumitat ta' inkjesta permanenti, fuq il-mudell tal-Kungress tal-Istati Uniti;

202.  Jitlob li, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura adegwata oħra, skont l-Artikolu 116(a) paragrafu 3 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, is-Segretarju Ġenerali jirtira l-badges ta' aċċess fuq perjodu twil minn kwalunkwe impriża li tkun irrifjutat li tirrispetta konvokazzjoni uffiċjali biex tidher quddiem Kumitat ta' inkjesta;

203.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu b'urġenza t-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u l-effikaċja tal-metodi ta' ħidma tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta;

204.  Jitlob lill-Grupp dwar il-Kodiċi ta' Kondotta jipproduċi rapport annwali li jidentifika u jiddeskrivi l-aktar miżuri ta' tassazzjoni dannużi li jintużaw fl-Istati Membri, u jiddikjara x'kontromiżuri ttieħdu;

205.  Jitlob li tiġi ffinalizzata r-riforma neċessarja tal-Grupp dwar il-Kodiċi ta' Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi, b'mod li tiżgura trasparenza sħiħa u l-involviment tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE u tas-soċjetà ċivili; jitlob li dik ir-riforma tiddefinixxi mill-ġdid b'mod radikali l-istruttura tal-governanza u t-trasparenza tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta, inkluż il-mandat u r-regoli ta' proċedura, kif ukoll il-proċessi ta' teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu u l-kriterji biex jiġu identifikati l-miżuri fiskali dannużi adottati mill-Istati Membri;

L-istituzzjonijiet l-oħra

206.  Jilqa', bħala l-ewwel pass, it-twaqqif ta' Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew(EPPO) wieħed u indipendenti, u jistieden lill-Istati Mmebri kollha jissieħbu fl-inizjattiva;

207.  Jitlob li l-Kummissjoni jkollha setgħat ta' infurzar aktar qawwija biex tiżgura l-implimentazzjoni effiċjenti u konsistenti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fl-Istati Membri, u jitlob skrutinju aktar b'saħħtu min-naħa tal-Parlament Ewropew;

208.  Jitlob li fi ħdan il-Kummissjoni jinħoloq Ċentru tal-Unjoni ġdid għall-Koerenza u l-Koordinament tal-Politika tat-Tassazzjoni (TPCCC), li jindirizza d-dgħufijiet fil-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti fl-UE kollha kemm hi;

209.  Jappella biex titqawwa b'mod sinifikanti l-kooperazzjoni fi ħdan l-FIU.net fil-qafas tal-Europol, u jissuġġerixxi li l-attivitajiet jiġu kkollegati mat-TPCCC propost bit-tama li jinħoloq ''Europol għat-Taxxa'' li jkun kapaċi kemm jikkoordina l-politiki fiskali tal-Istati Membri, kif ukoll iqawwi lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jinvestigaw u jiżvelaw arranġamenti ta' tassazzjoni illegali fil-livell internazzjonali;

210.  Jistieden lill-Istati Membri, fil-mument ta' riforma tat-Trattati, jappoġġaw l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet fil-qasam tal-politika fiskali permezz ta' maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill, u fil-qafas tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

°

°  °

211.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni u r-rapport finali tal-kumitat ta' inkjesta lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

ĠU L 113, 19.5.1995, p. 1.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0253.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2015)0408.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2016)0310.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2015)0457.

(6)

Id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, ĠU L 309, 25.11.2002, p. 15.

(7)

Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE tat-30 ta' Novembru 2011 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal- kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta' Stati Membri differenti, ĠU L 345, 29.12.2011, p. 8.

(8)

Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/49/KE tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar sistema komuni ta' tassazzjoni applikabbli għall-pagamenti ta' mgħax u ta' royalties bejn kumpaniji assoċjati ta' Stati Membri differenti, ĠU L 157, 26.6.2003, p. 49.

(9)

Pereżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Settembru 2006, Cadbury Schweppes plc u Cadbury Schweppes Overseas Ltd vs Commissioners of Inland Revenue, Kawża C-196/04, ECLI:EU:C:2006:544 u s-sentenza tal-Qorti tal-11 ta' Marzu 2004, Hughes de Lasteyrie du Saillant v Ministère de l'Économie, des Finances et de l'Industrie, Kawża C-9/02, ECLI:EU:C:2004:138.

(10)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2015 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar li ndaħħlu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki dwar it-Taxxa fuq il-Kumpaniji fi ħdan l-Unjoni; Testi adottati, P8_TA(2015)0457. Rakkomandazzjoni A4.

(11)

Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE, ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1.

(12)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2015 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar li ndaħħlu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki dwar it-Taxxa fuq il-Kumpaniji fi ħdan l-Unjoni; Testi adottati, P8_TA(2015)0457. Rakkomandazzjoni B5.

(13)

ĠU L  94, 28.3.2014, p. 65.

(14)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2015 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar li ndaħħlu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki dwar it-Taxxa fuq il-Kumpaniji fi ħdan l-Unjoni; Testi adottati, P8_TA(2015)0457.

(15)

COM(2016)0826.

(16)

Seduta ta' smigħ tal-Kumitat PANA ma' Brooke Harrington u esperti oħra tal-24 ta' Jannar 2017

(17)

''Panama Papers: Breaking the Story of How the World’s Rich and Powerful Hide their Money'', Obermayer u Obermaier, 2016.

(18)

Id-Direttiva 2014/56/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li temenda d-Direttiva 2006/43/KE dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) u r-Regolament (UE) Nru 537/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar rekwiżiti speċifiċi dwar l-awditjar statutorju ta' entitajiet ta' interess pubbliku u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/909/KE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(19)

Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(20)

Greenland, New Caledonia u d-Dipendenzi, il-Polineżja Franċiża, it-Territorji Franċiżi tan-Nofsinhar u Antartiċi, il-Gżejjer Wallis u Futuna, Mayotte, Saint Pierre u Miquelon, Aruba, l-Antilli Netherlandiżi (Bonaire, Curacao, Saba, Sint Eustatius, Sint Maarten), Anguilla, il-Gżejjer Cayman, il-Gżejjer Falkland, il-Georgia tan-Nofsinhar u l-Gżejjer Sandwich tan-Nofsinhar, Montserrat, Pitcairn, Saint Helena u d-Dipendenzi, it-Territorju Brittaniku tal-Antartika, it-Territorju Brittaniku tal-Oċean Indjan, il-Gżejjer Turks u Caicos, il-Gżejjer Verġni Brittaniċi u Bermuda.

(21)

Reġjuni ultraperiferiċi: il-Gżejjer Kanarji, La Réunion, il-Guyana Franċiża, Martinique, Guadeloupe, Mayotte, Saint Martin, l-Azores u Madeira.

(22)

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2016 dwar deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili (TAXE 2); Testi adottati, P8_TA(2016)0310.

(23)

ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 41.

Avviż legali