Proċedura : 2017/2979(DEA)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0667/2017

Testi mressqa :

B8-0667/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Testi adottati :

P8_TA(2017)0489

RAKKOMANDAZZJONI GĦAL DEĊIŻJONI
PDF 407kWORD 51k
5.12.2017
PE614.280v01-00
 
B8-0667/2017

imressqa skont l-Artikolu 105(6) tar-Regoli ta' Proċedura


li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-regolament delegat tal-Kummissjoni li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-obbligu tan-negozjar għal ċerti derivattivi (C(2017)07684 – 2017/2979(DEA))


Markus Ferber f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Abbozz ta' deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li ma ssir ebda oġġezzjoni għar-regolament delegat tal-Kummissjoni li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-obbligu tan-negozjar għal ċerti derivattivi (C(2017)07684 – 2017/2979(DEA))  
B8‑0667/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-regolament delegat tal-Kummissjoni (C(2017)07684),

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kummissjoni tad-29 ta' Settembru 2017, li fiha talbet lill-Parlament jiddikjara li mhux se joġġezzjona għar-regolament delegat,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-4 ta' Diċembru 2017 lill-President tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012(1) (MiFIR), u b'mod partikolari l-Artikoli 32(1) u 50(5) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 10(1) u 13 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE(2),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji dwar l-obbligu tan-negozjar għad-derivattivi fil-qafas tal-MiFIR, li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) bagħtet fit-28 ta' Settembru 2017 skont l-Artikolu 32(1) tal-MiFIR,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-ESMA lill-Kummissjoni, tat-28 ta' Settembru 2017, li biha akkumpanjat l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji tagħha dwar l-obbligu tan-negozjar fil-qafas tal-MiFIR,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fl-Anness tiegħu, ir-regolament delegat jistipula l-klassijiet ta' derivattivi li għandhom ikunu soġġetti għall-obbligu tan-negozjar introdott bl-Artikolu 28 tal-MiFIR; billi d-derivattivi soġġetti għal dan l-obbligu jistgħu jiġu negozjati esklużivament f'suq regolat, f'faċilità multilaterali tan-negozjar, f'faċilità organizzata tan-negozjar jew f'ċentru tan-negozjar ta' pajjiż terz meqjus bħala ekwivalenti mill-Kummissjoni;

B.  billi, fit-28 ta' Settembru, l-ESMA bagħtet l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji (RTS) lill-Kummissjoni, flimkien ma' ittra li takkumpanjah, u talbet lill-partijiet kollha involuti biex jimpenjaw ruħhom li jqassru l-iskadenzi tagħhom biex jiġi żgurat li jintlaħaq l-objettiv politiku li l-obbligu tan-negozjar jibda japplika mit-3 ta' Jannar 2018; billi l-ESMA tinnota, barra minn hekk, li għad iridu jitlestew għadd sinifikanti ta' determinazzjonijiet ta' ekwivalenza qabel ma jidħol fis-seħħ l-obbligu tan-negozjar;

C.  billi l-Parlament iqis li, minħabba l-emendi li għamlet il-Kummissjoni fit-test, l-RTS adottat mhuwiex l-istess bħall-abbozz ippreżentat mill-ESMA, u jemmen li għandu tliet xhur żmien biex joġġezzjona għalih ("perjodu ta' skrutinju");

D.  billi r-regolament delegat suppost japplika mit-3 ta' Jannar 2018, jiġifieri d-data ta' applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2014/65 ("MiFID II") u l-MiFIR, iżda l-użu sħiħ tal-perjodu ta' skrutinju ta' 3 xhur għad-dispożizzjoni tal-Parlament imur lil hinn mid-data li fiha jidħlu fis-seħħ ir-regoli dwar l-obbligu tan-negozjar;

E.  billi l-obbligu tan-negozjar għad-derivattivi huwa element importanti tal-impenji li qablu dwarhom il-mexxejja tal-G20 f'Pittsburgh fl-2009;

F.  billi l-pubblikazzjoni rapida tar-regolament delegat fil-Ġurnal Uffiċjali tippermetti l-implimentazzjoni f'waqtha u ċ-ċertezza legali rigward id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-obbligu tan-negozjar għad-derivattivi;

G.  billi l-Parlament jisħaq fuq l-importanza li l-Kummissjoni tiffinalizza d-deċiżjonijiet pertinenti dwar l-ekwivalenza qabel ma jidħol fis-seħħ l-obbligu tan-negozjar;

H.  billi l-Parlament jinnota li l-RTS ma fihx dispożizzjonijiet speċifiċi dwar tranżazzjonijiet f'pakkett u li jista' jkun hemm bżonn aktar gwida mill-Kummissjoni u l-ESMA dwar it-trattament tal-pakketti; billi l-Parlament iqis li din il-gwida għandha tkun taqbel mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fis-"soluzzjoni ta' malajr" tal-MiFID II;

1.  Jiddikjara li ma joġġezzjonax għar-regolament delegat;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84.

(2)

ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.

Avviż legali