Proċedura : 2017/2973(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0669/2017

Testi mressqa :

B8-0669/2017

Dibattiti :

PV 12/12/2017 - 11
CRE 12/12/2017 - 11

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2017 - 8.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0500

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 426kWORD 51k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0668/2017
6.12.2017
PE614.288v01-00
 
B8-0669/2017

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya (2017/2973(RSP))


Urmas Paet, Petras Auštrevičius, Izaskun Bilbao Barandica, Gérard Deprez, Ilhan Kyuchyuk, Patricia Lalonde, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya (2017/2973(RSP))  
B8-0669/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar u dwar is-sitwazzjoni tal-Musulmani Rohingya, b'mod partikolari dawk tas-7 ta' Lulju 2016(1), tal-15 ta' Diċembru 2016(2) u tal-14 ta' Settembru 2017(3), u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2017(4) u tat-13 ta' Ġunju 2017 dwar l-apolidija fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Asja(5),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Istrateġija tal-UE fir-rigward tal-Myanmar/Burma tal-20 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-1 ta' Ġunju 2016 mill-Kummissjoni u mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill intitolata "Elementi għal Strateġija tal-UE fil-konfront tal-Mjanmar/Burma: Sħubija Speċjali għad-Demokrazija, il-Paċi u l-Prosperità" (JOIN(2016)0024),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-30 ta' Marzu 2016 mill-VP/RGħ dwar l-assunzjoni tal-kariga tal-Gvern il-ġdid tal-Unjoni tal-Myanmar,

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil bejn il-Myanmar u l-Bangladesh dwar ir-ripatrijazzjoni tal-persuni Rohingya mill-Bangladesh lejn il-Myanmar, iffirmat fit-23 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-VP/RGħ tat-23 ta' Novembru 2017 dwar il-Memorandum ta' Qbil bejn il-Myanmar u l-Bangladesh,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-4 ta' Diċembru 2015 dwar l-apolidija,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus ta' Persuni Apolidi tal-1954 u l-Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija tal-1961,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Globali 2014-24 biex Tintemm l-Apolidija, ta' Novembru 2014, tal-Aġenzija tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) tal-1948,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar l-Istat ta' Rakhine tal-24 ta' Awwissu 2017 - Lejn futur paċifiku, ġust u prosperuż għall-poplu ta' Rakhine,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966 u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Karta tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Istat ta' Rakhine fil-Myanmar jospita madwar miljun Rohingya, li l-biċċa l-kbira minnhom huma Musulmani, grupp ta' minoranza li qed jiffaċċjaw ripressjoni u ksur serju kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi theddid għall-ħajja u s-sigurtà, qtil, ċaħda tad-drittijiet għas-saħħa u l-edukazzjoni, xogħol furzat, vjolenza sesswali u limiti fuq id-drittijiet politiċi tagħhom;

B.  billi l-poplu tar-Rohingya ilu uffiċjalment mingħajr Stat sa minn meta ġiet promulgata l-Liġi tal-1982 dwar iċ-Ċittadinanza Burmiża, li wasslet għal restrizzjonijiet severi fuq il-libertà ta' moviment u ġiegħlithom jgħixu f'kampijiet;

C.  billi r-Rohingya huma maqbudin f'ċirku vizzjuż ta' diskriminazzjoni sponsorjata mill-istat u istituzzjonalizzata li tammonta għal apartheid, li qed jinbidel f'tindif etniku; billi għar-Rohingya tapplika leġiżlazzjoni separata, li toħloq xkiel għall-attivitajiet tal-ħajja ta' kuljum, bħax-xogħol, iż-żwieġ, l-ivvjaġġar u l-aċċess għall-kura tas-saħħa;

D.  billi l-Gvernijiet tal-Myanmar u l-Bangladesh iffirmaw memorandum ta' qbil (MtQ) mhux vinkolanti f'Nay Pyi Taw; billi dan il-MtQ għandu jiggarantixxi r-ritorn sikur tar-rifuġjati Rohingya li ħarbu mill-Myanmar għall-Bangladesh matul dawn l-aħħar ftit snin; billi ġie indikat li r-Rohingya mhux se jintbagħtu lura fl-irħula tagħhom, iżda lejn kampijiet tar-rifuġjati/tal-priġunieri fil-Myanmar;

E.  billi r-riskju ta' radikalizzazzjoni li qabel kien enfasizzat fir-rapport finali tal-24 ta' Awwissu 2017 tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar l-Istat ta' Rakhine, immexxija mis-Sur Kofi Annan, huwa preżenti fost il-komunitajiet lokali u spustati internament tat-Tramuntana ta' Rakhine, kif ukoll fost il-komunitajiet tar-rifuġjati fil-Bangladesh;

F.  billi l-qtil, l-istupru f'irħula Rohingya u l-ħruq ta' dawn l-irħula jintużaw bħala mezz biex issir ħsara permanenti lill-istruttura soċjali tar-Rohingya u biex tiġi trawmatizzata l-popolazzjoni; billi l-għan ta' dawn l-atti orribbli huwa li r-Rohingya jiġu sfurzati jitilqu mill-irħula tagħhom u l-pajjiż, u biex joħolqu ostakli mentali u fiżiċi għar-ritorn tagħhom; billi l-fruntiera bejn il-Myanmar u l-Bangladesh ġiet militarizzata u tpoġġew mini biex jipprevjenu lin-nies milli jaqsmuha;

G.  billi l-Human Rights Watch u l-Amnesty International enfasizzaw il-fatt li mill-25 ta' Awwissu 2017, il-forzi tas-sigurtà ta' Burma wettqu stupri fuq bażi mifruxa u sistematika kontra n-nisa u l-bniet bħala parti minn kampanja ta' tindif etniku kontra Musulmani Rohingya fl-Istat ta' Rakhine; billi l-Kumitat tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) appella lill-Gvern tal-Myanmar biex jipprovdi, sat-28 ta' Mejju 2018, informazzjoni dwar firxa ta' kwistjonijiet li jirrigwardaw allegati każijiet ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet fit-Tramuntana tal-Istat ta' Rakhine f'dawn l-aħħar xhur;

H.  billi l-VP/RGħ iddeskriviet l-iffirmar tal-MtQ ta' ripatrijazzjoni bħala pass importanti u mixtieq biex tiġi indirizzata waħda mill-agħar kriżijiet umanitarji u tad-drittijiet tal-bniedem ta' żmienna;

I.  billi l-Myanmar attwalment igawdi minn preferenzi kummerċjali SĠP taħt l-iskema Kollox ħlief Armi, u l-esportazzjonijiet tal-pajjiż lejn l-UE laħqu EUR 830 miljun fl-2016; billi r-repressjoni attwali kontra r-Rohingya tista' titqies bħala ksur 'gravi u sistematiku' tal-obbligi tal-Myanmar mill-inqas taħt waħda mill-konvenzjonijiet tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u tax-xogħol tar-Regolament SĠP (Nru 978/2012);

1.  Iħeġġeġ lill-forzi militari u tas-sigurtà jwaqqfu minnufih il-qtil, il-fastidju u l-istupri mwettqa kontra l-persuni Rohingya, kif ukoll il-ħruq ta' djarhom;

2.  Jistieden lill-Gvern tal-Myanmar iniedi investigazzjonijiet immedjati, imparzjali, indipendenti u effikaċi dwar l-allegazzjonijiet kredibbli kollha ta' ksur tal-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u delitti skont il-liġi internazzjonali; jinsisti li, fejn jinstab li jkun hemm biżżejjed evidenza ammissibbli li individwi wettqu reati li jinvolvu ksur tal-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, dawn l-individwi għandhom jiġu mħarrka quddiem qrati ċivili indipendenti, fi proċedimenti imparzjali u mingħajr l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt;

3.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar jirrispetta l-libertà tal-moviment tar-Rohingya u jiggarantixxi s-sigurtà tagħhom kull fejn ikunu; jistieden lill-Gvern tal-Myanmar ineħħi immedjatament il-mini kollha fil-fruntiera mal-Bangladesh; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar ineħħi immedjatament ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar tal-organizzazzjonijiet umanitarji;

4.  Itenni, barra minn hekk, l-appelli li saru fil-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-bini ta' istituzzjonijiet demokratiċi effikaċi u soċjetà ċivili b'saħħitha, u l-ħtieġa li jiġu rispettati d-drittijiet u l-libertajiet bażiċi, u li tiġi promossa l-governanza tajba;

5.  Jinsisti fuq l-implimentazzjoni diretta tal-MtQ, u biex jiġi rispettat bis-sħiħ id-dritt tar-Rohingya li jirritornaw b'mod volontarju, sikur u dinjituż fil-postijiet tal-oriġini tagħhom, mingħajr diskriminazzjoni ta' kwalunkwe tip; jitlob lill-Gvern tal-Myanmar jiggarantixxi kundizzjonijiet ta' għajxien sikuri u umani għar-Rohingya f'kull ħin;

6.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar jindirizza d-diskriminazzjoni u s-segregazzjoni sistematiċi u li ilhom għaddejjin tar-Rohingya u Musulmani oħra fl-Istat ta' Rakhine, u jiżgura aċċess għall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u servizzi oħra;

7.  Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward l-intenzjonijiet ta' gruppi terroristiċi, partikolarment l-Al-Qaeda u l-ISIS, li qed ifittxu li jisfruttaw l-kriżi tar-Rohingya billi jrabbu l-għeruq f'Burma u jespandu l-influwenza tagħhom madwar ir-reġjun kollu; jissottolinja l-fatt li xi rifuġjati Rohingya u membri ribelli tal-Arakan Rohingya Salvation Army jistgħu jsiru vulnerabbli għal reklutaġġ minn movimenti estremisti;

8.  Jistieden lill-Gvern tal-Myanmar jagħti lill-aġenziji tan-NU, lil organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali u lokali oħra, lill-midja nazzjonali u internazzjonali, aċċess sħiħ għall-partijiet kollha tal-pajjiż; jenfasizza li l-fluss ta' informazzjoni se jitħeġġeġ jiddetermina eżattament x'inhu jiġri fir-reġjun biss jekk ikun hemm aċċess sħiħ tal-midja u trasparenza sħiħa;

9.  Jesprimi diżappunt sinċier għall-Gvern tal-Myanmar u Aung San Suu Kyi talli rrifjutaw li jindirizzaw il-kwistjoni u talli ċaħdu l-atroċitajiet li qed iseħħu u kienu kompliċi fihom; iħeġġeġ lil Aung San Suu Kyi jitkellem kontra l-atroċitajiet u jieħu miżuri konkreti biex jgħin lir-Rohingya;

10.  Iħeġġeġ liċ-Ċina u lil atturi internazzjonali u reġjonali oħra jużaw il-pjattaformi bilaterali, multilaterali u reġjonali kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex jesiġu li jintemmu l-atroċitajiet u tinstab soluzzjoni paċifika;

11.  Jiddispjaċih li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU naqas milli jadotta riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya;

12.  Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-VP/RGħ; huwa tal-opinjoni, madankollu, li hemm bżonn impenji akbar; ifakkar fit-talba tiegħu lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri tal-UE biex iżidu b'mod sinifikanti l-pressjoni tagħhom fuq il-Gvern tal-Myanmar;

13.  Jappella lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jestendu l-embargo eżistenti fuq l-armi kontra l-Myanmar sabiex jinkludi kull forma ta' assistenza militari, u biex jimponu sanzjonijiet finanzjarji mmirati kontra uffiċjali għolja responsabbli għal ksur serju;

14.  Iħeġġeġ lill-istati kollha jżidu l-isforzi umanitarji tagħhom għall-persuni spustati fil-Myanmar u f'pajjiżi oħrajn, inkluż il-Bangladesh, u biex jipproteġu lin-nisa, lit-tfal, u oħrajn f'riskju ta' vjolenza sesswali, traffikar u abbużi simili;

15.  Jistieden lill-VP/RGħ biex, flimkien mal-Kummissarju għall-Kummerċ, jissospendu l-preferenzi kummerċjali li l-Myanmar għandu taħt l-iskema Kollox Ħlief Armi, u jikkomunikaw lill-Gvern tal-Myanmar li n-negozjati dwar trattat ta' investiment bejn l-UE u l-Myanmar jistgħu jiġu sospiżi;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Myanmar, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0316.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0506.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2017)0351.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2017)0089.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2017)0247.

Avviż legali