Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0676/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0676/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit

12.12.2017 - (2017/2964(RSP))

imressqa wara d-dibattitu dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Tim Aker f'isem il-Grupp EFDD

Proċedura : 2017/2964(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0676/2017
Testi mressqa :
B8-0676/2017
Testi adottati :

B8-0676/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qagħda tan-negozjati mar-Renju Unit

(2017/2964(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra n-notifika mogħtija mill-Prim Ministru tar-Renju Unit lill-Kunsill Ewropew fid-29 ta' Marzu 2017 skont l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 25 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[1],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jistabbilixxi l-personalità ġuridika tal-Unjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar Brexit u l-Baġit tal-UE tal-Kumitat għall-Unjoni Ewropea tal-House of Lords ippubblikat fl-4 ta' Marzu 2017 (HL Paper 125),

–  wara li kkunsidra r-rekwiżit fl-Artikolu 50 biex fin-negozjati "jittieħed kont tal-qafas tar-relazzjonijiet futuri tiegħu mal-Unjoni Ewropea" fl-arranġamenti għall-ħruġ,

_  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u r-Riżoluzzjoni 25/2625 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-24 ta' Ottubru 1970 dwar il-"Prinċipji tad-Dritt Internazzjonali li jikkonċernaw ir-Relazzjonijiet Amikevoli u l-Kooperazzjoni bejn l-Istati skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fit-23 ta' Ġunju 2016, 51,8 % tal-votanti tar-Renju Unit (17,4 miljun ruħ) ivvutaw biex joħorġu mill-Unjoni Ewropea;

B.  billi, skont l-Artikolu 50, kwalunkwe obbligu finanzjarju tar-Renju Unit fil-konfront tal-UE jieqaf, abbażi tad-dritt internazzjonali, fi tmiem il-perjodu ta' notifika, sakemm ma jinqabilx mod ieħor;

C.  billi r-Renju Unit huwa t-tieni l-akbar kontributur nett tal-UE, u kien kontributur nett f'kull sena tas-sħubija tiegħu (ħlief fl-1975);

D.  billi l-UE hija unjoni doganali b'tariffa esterna komuni u, għaldaqstant, mhijiex żona ta' kummerċ ħieles;

E.  billi t-terminu "suq uniku" jiddenota l-UE bħala territorju wieħed mingħajr fruntieri interni jew ostakli regolatorji oħra għall-moviment liberu tal-oġġetti u s-servizzi, iżda dan is-suq xejn mhu komplet, speċjalment f'dak li jirrigwarda s-servizzi;

 

1.  Jinnota l-impenn li ilu stabbilit tal-Unjoni Ewropea favur "għaqda dejjem iżjed ravviċinata" u l-aċċettazzjoni tal-acquis communautaire li dan l-impenn jirrikjedi;

2.  Jirrikonoxxi dan il-għan, iżda jirrikonoxxi wkoll li jista' ma jkunx l-għażla ta' wħud li jixtiequ jżommu s-sovranità nazzjonali u li għandhom viżjoni differenti ta' konfederazzjoni ta' stati nazzjon;

3.  Jemmen li l-kunċett tas-sussidjarjetà ma rnexxilux jegħleb din id-diverġenza bejn iż-żewġ viżjonijiet alternattivi; iqis li r-riżultat tar-referendum tar-Renju Unit jirrappreżenta għażla leġittima ta' ħruġ mill-UE minn Stat Membru li fih il-maġġoranza ma tikkondividix il-kunċett ta' "għaqda dejjem iżjed ravviċinata";

4.  Jemmen li l-ħruġ tar-Renju Unit jista' u għandu jkun ta' benefiċċju għall-partijiet kollha billi jitwarrbu miljuni ta' persuni li ma jikkondividux l-aktar objettiv importanti tal-Unjoni;

5.  Jemmen li kwalunkwe ftehim ġdid bejn ir-Renju Unit li ħiereġ u l-bqija tal-Unjoni Ewropea għandu jkun reċiproku, inkella jinħoloq sens ta' riżentiment u jinqalgħu problemi fil-ġejjieni;

6.  Jappella, għalhekk, għal attitudni pożittiva rigward l-għan fit-tul li l-arranġamenti l-ġodda għandhom jimmassimizzaw il-prospettivi ta' demokrazija, prosperità u tfittxija tal-kuntentizza kemm għall-Ewropa kollha kif ukoll, sa fejn dan ikun possibbli, għad-dinja kollha;

7.  Jinnota li l-"politiki ta' awsterità" tal-UE ilhom ħafna snin fis-seħħ mingħajr ma wasslu għall-irkupru u r-ritorn għall-prosperità tant mixtieqa;

8.  Jikkonkludi, għalhekk, li minkejja li ħafna mill-politiki ċentrali tal-Unjoni Ewropea qed jonqsu liċ-ċittadini tal-UE, l-Unjoni Ewropea tirrifjuta li toffri alternattivi oħra għajr dawk li diġà pproponiet;

9.  Jinnota li, għall-kuntrarju ta' dak li spiss jiġi ddikjarat, il-pożizzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit hija kemm ċara kif ukoll sempliċi fil-kunċett tagħha, jiġifieri li r-Renju Unit irid:

•  il-libertà tal-moviment tal-kapital, tal-oġġetti u tas-servizzi (jiġifieri dak li l-"kummerċ ħieles" ifisser verament);

•  il-libertà mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

•  il-libertà li jikkonkludi ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi;

•  il-libertà li jikkontrolla l-fruntieri tiegħu (inklużi l-ibħra territorjali u ż-Żona Ekonomika Esklussiva tiegħu);

•  li ma jkun hemm l-ebda libertà tal-moviment tal-persuni, peress li dan jinvolvi: (i) l-aċċess għas-servizzi pubbliċi, għall-benefiċċji u għad-drittijiet tal-impjieg (minħabba l-problemi enormi li jinqalgħu mill-għoti ta' tali aċċess lil mijiet ta' miljuni ta' persuni minn pajjiżi bi standards tal-għajxien differenti ħafna); u (ii) l-impożizzjoni ta' rifuġjati u ta' persuni li jfittxu l-asil fuq Stati Membri li ċ-ċittadini tagħhom ma jriduhomx;

10.  Jinnota u jappoġġja r-Riżoluzzjoni 25/2625 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-24 ta' Ottubru 1970, u b'mod partikolari: (a) il-prinċipju li jikkonċerna d-dmir li Stat ma jintervjenix fi kwistjonijiet fi ħdan il-ġurisdizzjoni interna ta' kwalunkwe Stat, f'konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti; (b) il-prinċipju tad-drittijiet ugwali u tal-awtodeterminazzjoni tal-popli; (c) il-prinċipju tal-ugwaljanza sovrana tal-Istati; u (d) il-prinċipju li l-Istati għandhom iwettqu, in bona fede, l-obbligi li ħadu skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.