Proċedura : 2017/2932(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0679/2017

Testi mressqa :

B8-0679/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2017 - 8.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0499

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 425kWORD 56k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0678/2017
11.12.2017
PE614.302v01-00
 
B8-0679/2017

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan (2017/2932(RSP))


Bodil Valero f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan (2017/2932(RSP))  
B8‑0679/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Afganistan, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar in-negozjati għal ftehim ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-Afganistan dwar sħubija u żvilupp(1), u tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-Afganistan, b'mod partikolari l-każijiet ta' qtil fil-provinċja ta' Zabul(2);

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni UE-Afganistan dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp iffirmat fit-18 ta' Frar 2017,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-24 ta' Lulju 2017 dwar l-elementi għal strateġija tal-UE dwar l-Afganistan (JOIN(2017)0031),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ottubru 2016 dwar l-Afganistan,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-15 ta' Settembru 2017 dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan u l-implikazzjonijiet tagħha għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Missjoni ta' Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti fl-Afganistan (UNAMA) ippubblikat f'Marzu 2017 bit-titolu "Afghanistan's Fight Against Corruption: The Other Battlefield",

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-12 ta' April 2017 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni spustati internament dwar il-missjoni tiegħu fl-Afganistan,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-Afganistan, inkluża r-riżoluzzjoni 2344 (2017) tas-17 ta' Marzu 2017 dwar il-mandat imġedded tal-UNAMA,

–  wara li kkunsidra l-istqarrijiet għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-Afganistan, b'mod partikolari dawk tal-31 ta' Lulju, tat-2 ta' Awwissu u tas-17 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra x-xhieda tal-Ispettur Ġenerali Speċjali tal-Istati Uniti għar-Rikostruzzjoni tal-Afganistan quddiem is-Sottokumitat għas-Sigurtà Nazzjonali tal-1 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Konferenza ta' Brussell tal-5 ta' Ottubru 2016 dwar l-Afganistan ospitata b'mod konġunt mill-Afganistan u l-UE, u l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni tal-5 ta' Ottubru 2016 bit-titolu "Brussels Conference on Afghanistan: continued international support for Afghanistan's political and economic stability and development",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) tal-14 ta' Novembru 2016 dwar attivitajiet ta' eżami preliminari,

–  wara li kkunsidra l-konvenzjoni tan-NU tal-1951 rigward l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll korrispondenti tal-1967,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-31 ta' Ottubru 2000 dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) tat-23 ta' Awwissu 2017 dwar l-informazzjoni dwar il-pajjiż ta' oriġini bit-titolu "Afganistan: Key socio-economic indicators, state protection, and mobility in Kabul City, Mazar-e Sharif, and Herat City",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, mindu beda l-intervent militari tan-NATO mmexxi mill-Istati Uniti kontra al-Qaeda u t-Taliban 16-il sena ilu, l-Afganistan la kiseb il-paċi u lanqas żvilupp sostenibbli, minkejja l-progress konsiderevoli li sar fl-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni ta' bażi, l-emanċipazzjoni tan-nisa, u żieda fl-istennija tal-għomor bi 15-il sena;

B.  billi, skont ir-rapport reċenti ta' Tadamichi Yamamoto, Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Afganistan u Kap tal-UNAMA, ir-ribeljoni Talibana qed tissaħħaħ; billi l-pajjiż huwa milqut minn tensjonijiet politiċi u diffikultajiet ekonomiċi u soċjali profondi f'dak li jikkonċerna r-riintegrazzjoni ta' eluf ta' rifuġjati Afgani li jirritornaw ta' kuljum u l-bosta żgħażagħ Afgani li jidħlu fis-suq tax-xogħol;

C.  billi, skont in-NU, il-korruzzjoni fl-Afganistan tikkomprometti l-leġittimità tal-istat, u qed toħloq theddida serja għall-iżvilupp sostenibbli billi timpedixxi l-evoluzzjoni ta' ekonomija reali u tinsab fil-qalba tal-problema tal-impunità, li hija stess tinsab fil-qalba tal-isfidi attwali f'dak li jikkonċerna d-drittijiet tal-bniedem;

D.  billi l-Afganistan huwa wieħed mill-ifqar pajjiżi fid-dinja, u t-tkabbir ekonomiku tiegħu waqaf notevolment mindu ġew irtirati l-biċċa l-kbira tal-forzi tas-sigurtà internazzjonali fl-2014; billi l-ekonomija tistrieħ ħafna fuq l-appoġġ ekonomiku barrani u mill-inqas 60 % tal-baġit tal-istat huwa ffinanzjat mill-għajnuna għall-iżvilupp internazzjonali;

E.  billi, skont ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni spustati internament, hemm aktar minn 1.8 miljun persuna spustata internament fl-Afganistan bħala konsegwenza tal-kunflitt, u fl-2016 kien hemm rekord ta' 650 000 persuna li ħarbu lejn żoni oħra tal-pajjiż 'il bogħod mill-periklu, ċifra li tirrappreżenta medja ta' 1 500 kuljum; billi kien imbassar li din it-tendenza kellha tiżdied fl-2017; billi r-rifuġjati li jiġu mġiegħla jmorru lura, prinċipalment mill-Pakistan, fejn huma reġistrati 1.7 miljun rifuġjat, u l-Iran, fejn huma reġistrati madwar 1 miljun rifuġjat, iżda wkoll mill-Istati Membri, jikkostitwixxu responsabilità oħra għall-Gvern Afgan, fi żmien meta l-istituzzjonijiet nazzjonali huma nieqsa għalkollox mill-kapaċità li jindirizzaw l-isfidi umanitarji;

F.  billi Fatou Bensouda, Prosekutur tal-QKI, fit-3 ta' Novembru 2017 ħabbret li se tkun qed titlob lill-imħallfin tal-Qorti biex jagħtu bidu għal investigazzjoni dwar delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità li possibbilment ilhom jitwettqu mill-1 ta' Mejju 2003, meta l-Afganistan sar membru tal- QKI, min-naħa ta' atturi bħat-Taliban, l-awtoritajiet Afgani u forzi barranin;

G.  billi, skont ir-rapport tal-Ispettur Ġenerali Speċjali għar-Rikostruzzjoni tal-Afganistan, f'dawn l-aħħar xhur it-Taliban rebaħ aktar art fil-Lvant, u madwar 43 % tad-distretti fl-Afganistan jew jinsabu taħt il-kontroll tiegħu jew ilhom oġġetti ta' kontestazzjoni minn Awwissu 2017, u fl-aħħar sena d-Da'esh kien responsabbli għal mill-inqas sitt f'attakki suwiċida bil-bombi mmirati kontra l-popolazzjoni Xiita;

H.  billi l-gruppi etniċi tax-Xiiti tal-komunità Hazara, tas-Sikh u tal-Ħindu jħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni soċjetali gravi min-naħa tal-maġġoranza Sunnita, u li din is-sitwazzjoni, flimkien mal-fatt li s-soċjetà Afgana hija bbażata sew fuq l-istruttura tal-"clans" u l-appartenenza etnika, hija tassew waħda problematika għall-persuni spustati u persuni rimpatrijati mill-Iran, l-UE u l-Istati Uniti li diġà huma vulnerabbli, peress li jiġu rilokati f'żoni fejn m'għandhom ebda rabta soċjali jew etnika u għaldaqstant jiffaċċjaw stigmatizzazzjoni u tbatija; billi l-attakki terroristiċi attribwiti lit-Taliban jew lill-Istat Iżlamiku ilhom jiżdiedu tul is-sena li għaddiet, u kienu dejjem aktar immirati lejn il-minoranza Xiita, u billi dawk li wettqu l-attakki rnexxielhom jikkommettu d-delitti f'żona ta' sigurtà speċjali mgħassa sew ta' Kabul, li tospita l-biċċa l-kbira tal-ambaxxati barranin u organizzazzjonijiet internazzjonali; billi s-settur mediku u tal-kura tas-saħħa jinsab fi stat partikolarment vulnerabbli minħabba l-attakki kontinwi fuq l-isptarijiet, il-persunal mediku u l-pazjenti, u dan jikkostitwixxi ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali;

I.  billi, skont in-NU, is-sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Afganistan kollu kulma jmur sejra għall-agħar, iżda hija partikolarment gravi fir-reġjuni ċentrali u r-reġjuni tan-Nofsinhar fejn hemm l-ogħla numru ta' vittmi ċivili, fejn fl-ewwel disa' xhur tal-2017 mietu 'l fuq minn 8 000 ċivili u fejn, skont ma osservaw in-NU, jeżistu "tendenzi inkwetanti" ta' qtil intenzjonali ta' mexxejja reliġjużi, ċivili meqjusa sostenituri tal-Gvern jew tal-forzi tas-sigurtà nazzjonali Afgani, u membri tal-ġudikatura;

J.  billi huwa rrappurtat li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Pakistan, Khawaja Asif, ħabbar li l-influwenza tal-Pakistan fuq it-Taliban Afgan qed tonqos bħala riżultat tal-fatt li l-bażi tiegħu ġiet trasferita fin-naħa Afgana tal-fruntiera, filwaqt li l-Gvern Afgan qed ikompli jqis li l-ġirien tiegħu, b'mod partikolari l-Pakistan iżda wkoll ir-Russja u l-Iran, qed jappoġġaw lir-ribelli;

K.  billi, fl-istrateġija li ħabbar dan l-aħħar fir-rigward tal-Afganistan, il-President Trump awtorizza l-iskjerament ta' bosta eluf ta' truppi addizzjonali tal-Istati Uniti u intensifika l-użu tal-forza militari tal-Istati Uniti b'appoġġ għall-operazzjonijiet tal-forzi Afgani, f'tentattiv li jintrebaħ lura dak li jinsab taħt idejn it-Taliban u r-ribelli jiġu mġiegħla jibdew taħditiet ta' paċi mal-Gvern Afgan;

L.  billi, fil-Konferenza ta' Brussell dwar l-Afganistan ta' Ottubru 2016, il-komunità internazzjonali wiegħdet EUR 13.6 biljun f'sostenn finanzjarju għall-Afganistan, 5 biljuni minnhom mill-UE u l-Istati Membri tagħha, biex b'hekk l-UE fis-sħuħija tagħha saret l-akbar sieħba ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Afganistan, pajjiż fejn, fl-2017, madwar 9.3 miljun persuna, 5.3 minnhom tfal, jeħtieġu għajnuna umanitarja, ċifri li jirrappreżentaw żieda ta' 13% mill-2016;

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar l-elementi għal strateġija tal-UE dwar l-Afganistan bħala indikazzjoni tal-importanza li l-UE fis-sħuħija tagħha tattribwixxi għar-riżoluzzjoni tal-kunflitt u l-iżvilupp fit-tul tal-Afganistan;

2.  Jesprimi tħassib serju fir-rigward tal-kunflitt armat li għadu għaddej u l-instabilità ġenerali li tirriżulta minnu fl-Afganistan, u jappella lill-Istati Membri biex ma jġiegħlux liċ-ċittadini Afgani jirritornaw fl-Afganistan sakemm tkun għadha għaddejja din is-sitwazzjoni; jopponi ruħu għall-ftehim ta' riammissjoni informali li jeżisti mal-Afganistan ("Triq Konġunta 'l Quddiem"), li jistabbilixxi qafas għall-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni u li dwaru ttieħdu deċiżjonijiet mingħajr is-superviżjoni parlamentari u l-iskrutinju demokratiku xierqa u mingħajr ebda monitoraġġ min-naħa tal-UE u l-Istati Membri tagħha dwar is-sitwazzjoni u l-kundizzjonijiet ta' dawk li jiġu mġiegħla jirritornaw fl-Afganistan;

3.  Jissottolinja l-importanza li tkompli tingħata assistenza lill-Afganistan u jilqa' l-impenji finanzjarji kkonfermati mill-UE u l-Istati Membri fil-Konferenza ta' Brussell; jitlob, notevolment, li jiġi pprovdut sostenn għal inizjattivi li jindirizzaw il-bżonnijiet ta' dawk spustati internament u r-rifuġjati li jirritornaw; jiġbed l-attenzjoni għall-wegħda tal-UE li tindirizza l-frodi li qed tolqot il-fondi tal-UE mogħtija lill-Afganistan, u jistenna wkoll li jsir skrutinju serju tal-flus li nħarġu fis-snin li għaddew;

4.  Jappella lill-UE u lill-Istati Membri biex fl-aġenda tagħhom jagħtu prijorità lill-inizjattivi kontra l-korruzzjoni mal-Afganistan bil-għan li jappoġġaw sforzi favur il-paċi li huma inklużivi f'dak li jikkonċerna l-atturi u l-integrazzjoni reġjonali;

5.  Jilqa' l-attenzjoni kontinwata li l-UE qed tagħti lir-rwol u d-drittijiet tan-nisa Afgani, u jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu mħarrġa uffiċjali tal-pulizija nisa, peress li n-nisa fis-soċjetà ċivili huma partikolarment vulnerabbli għall-vjolenza u għall-abbuż, filwaqt li l-pulizija rġiel huma involuti fil-fastidju kontinwu tan-nisa fit-toroq;

6.  Jappella lill-Gvern tal-Afganistan biex iżid l-inklużività politika, isaħħaħ ir-responsabilità u jiġġieled b'mod attiv il-kultura ta' korruzzjoni u nepotiżmu; jilqa' b'mod partikolari, f'dan ir-rigward, l-istabbiliment ta' Ċentru tal-Ġustizzja Kontra l-Korruzzjoni f'Ġunju 2016, li l-għan tiegħu hu li jinvestiga każijiet ta' korruzzjoni kbar u jressaq quddiem il-ġustizzja dawk responsabbli, kif ukoll li jadotta miżuri biex jippromwovi r-reklutaġġ abbażi tal-mertu fis-settur tas-servizz pubbliku u d-dikjarazzjonijiet tal-assi għall-uffiċjali;

7.  Jilqa' l-adeżjoni reċenti tal-Afganistan mas-Sħubija ta' Gvern Miftuħ u l-adeżjoni tiegħu mal-Inizjattiva għat-trasparenza tal-industriji estrattivi; iħeġġeġ lill-Gvern iżid l-isforzi tiegħu biex jipproteġi r-riżorsi pubbliċi vitali, bħall-art u l-minerali, mill-isfruttament min-naħa ta' netwerks kriminali u ribelli;

8.  Jinnota r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-UNAMA, l-ewwel u qabel kollox il-ħtieġa li l-Gvern jimplimenta r-riformi li diġà nbdew, bħall-kodiċi penali rivedut, bil-għan li jistabbilixxi sistema ta' ġestjoni pubblika trasparenti u effikaċi, u li jistabbilixxi segretarjat indipendenti kontra l-korruzzjoni fi ħdan il-Gvern;

9.  Jinnota, barra minn hekk, l-appell tal-UNAMA biex il-komunità internazzjonali tkompli tipprovdi sostenn u assistenza għall-isforzi tal-Gvern Afgan kontra l-korruzzjoni, u jitlob lill-Gvern isaħħaħ il-kapaċità nazzjonali għall-irkupru ta' assi misruqa permezz ta' programmi bħall-Inizjattiva tal-Irkupru tal-Assi Misruqa mmexxija mill-Grupp tal-Bank Dinji u l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità;

10.  Jitlob lill-Gvern Afgan jieħu passi ulterjuri biex jiġu eliminati t-tortura u t-trattament ħażin tad-detenuti u jirratifika l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni Kontra t-Tortura;

11.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Prosekutur tal-QKI biex jingħata bidu għal investigazzjoni dwar ir-reati kontra l-umanità li possibbilment jitwettqu fl-Afganistan mill-2003, u jistieden lill-gvernijiet kollha li pprovdew it-truppi lill-missjoni tal-Forza Internazzjonali ta' Assistenza għas-Sigurtà (ISAF) immexxija min-NATO u/jew il-koalizzjoni internazzjonali li tappoġġa "l-gwerra kontra t-terroriżmu" biex jikkooperaw mal-QKI fl-inkjesta tagħha;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Afganistan, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU C 65, 19.2.2016, p. 133.

(2)

ĠU C 366, 27.10.2017, p. 129.

Avviż legali