Proċedura : 2017/2932(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0683/2017

Testi mressqa :

B8-0683/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2017 - 8.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0499

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 420kWORD 51k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0678/2017
11.12.2017
PE614.306v01-00
 
B8-0683/2017

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan (2017/2932(RSP))


Charles Tannock f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan (2017/2932(RSP))  
B8‑0683/2017

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-istrateġija tal-UE għall-Afganistan tas-16 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2344(2017) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-mandat tal-Missjoni ta' Assistenza tan-NU fl-Afganistan (UNAMA),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afganistan fi Frar 2017, li daħal fis-seħħ b'mod proviżorju fl-1 ta' Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-Konferenza ta' Brussel dwar l-Afganistan tal-5 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Intolleranza u Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' Mini Kontra l-Persunal u fuq id-Distruzzjoni tagħhom ta' Settembru 1997,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984,

–  wara li kkunsidra r-rapport tan-NU dwar it-Trattament ta' Detenuti fl-Afganistan għal raġunijiet relatati mal-kunflitt ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, irratifikata f'Jannar 2004,

–  wara li kkunsidra l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u l-eżitu tar-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa: Azzjoni għall-Ugwaljanza, l-Iżvilupp u l-Paċi, li saret f'Beijing, iċ-Ċina, f'Settembru 1995,

–  wara li kkunsidra l-aħħar Rieżami Perjodiku Universali dwar l-Afganistan quddiem il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-proċess ta' Tranżizzjoni (Inteqal) u l-proċess ta' Trasformazzjoni ta' Diċennju (2015-2024),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, flimkien mas-sħab internazzjonali u l-awtoritajiet Afgani, appoġġaw sforzi biex jintemmu l-vjolenza u l-estremiżmu fl-Afganistan, u appoġġaw ir-rikostruzzjoni, l-iżvilupp u l-ambizzjonijiet demokratiċi tal-pajjiż;

B.  billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għadhom impenjati favur proċess politiku fl-Afganistan li jkun paċifiku u inklużiv, bl-għan li jiġu ggarantiti l-iżvilupp sostenibbli, l-istabbiltà, is-sigurtà u l-ugwaljanza għaċ-ċittadini kollha, kif ukoll biex jiġu indirizzati kwistjoniiet bħar-riforma tas-settur tas-sigurtà, it-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kummerċ illegali tan-narkotiċi;

C.  billi fis-16 ta' Ottubru 2017, l-Unjoni Ewropea qablet dwar strateġija ġdida għall-Afganistan b'erba' oqsma ta' prijorità – il-promozzjoni tal-paċi, l-istabbiltà u is-sigurtà reġjonali; it-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni tal-governanza tajba u l-emanċipazzjoni tan-nisa; l-appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku u uman; u l-indirizzar ta' sfidi relatati mal-migrazzjoni;

D.  billi l-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp iffirmat bejn l-UE u l-Afganistan daħal fis-seħħ b'mod provviżorju fl-1 ta' Diċembru 2017;

E.  billi, minkejja l-isforzi tal-forzi militari u ta' sigurtà internazzjonali u Afgani, il-vjolenza u l-estremiżmu għadhom aspett mill-ħajja ta' kuljum fl-Afganistan;

F.  billi fl-2016, inqatlu jew indarbu eluf ta' persuni ċivili f'attakki suwiċida u attakki b'tagħmir splussiv improvizzat, jew f'attakki indiskriminati mill-ajru u permezz ta' kanuni tat-tip mortar mill-forzi tal-gvern li allegatament kienu fil-mira tar-ribelli;

G.  billi, minn meta t-Talibani tneħħew bil-forza mill-poter fl-2001, ġie rreġistrat titjib fl-aċċess għall-kura tas-saħħa u fl-edukazzjoni, u fl-istennija tal-għomor fl-Afganistan;

H.  billi madwar 20 grupp ta' ribelli u netwerks terroristiċi, inkluż it-Taliban, al-Qaeda, IS/Daesh u n-netwerk Haqqani, illum huma meqjusa li jirrappreżentaw theddida serja fl-Afganistan;

I.  billi sa mill-2001, l-għadd ta' mwiet ta' persuni ċivili minħabba l-ġlied fl-Afganistan laħaq livell rekord fl-ewwel nofs tal-2017;

J.  billi jidher li f'dawn l-aħħar snin it-Taliban qiegħed iżid l-appoġġ, u nieda serje ta' attakki fatali fuq persuni ċivili u miri strateġiċi, b'mod partikolari fl-aħħar xhur, maħsuba biex jiddestabbilizzaw il-proċess għall-bini tal-paċi u d-demokrazija fl-Afganistan; billi t-Taliban jikkontrolla territorju u popolazzjoni akbar milli kellu fi kwalunkwe żmien sa mit-telfa tiegħu fl-2001;

K.  billi l-Missjoni ta' Assistenza tan-NU fl-Afganistan (UNAMA) hija missjoni politika stabbilita mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fl-2002 fuq talba tal-Gvern Afgan biex tassistih u lill-poplu tal-Afganistan ħalli jistabbilixxu l-pedamenti għal paċi u żvilupp sostenibbli fil-pajjiż;

L.  billi l-Missjoni tal-Pulizija tal-UE (EUPOL) fl-Afganistan ġiet stabbilita fl-2007 biex tappoġġa lill-Gvern Afgan fil-bini ta' servizz tal-pulizija ċivili; billi l-missjoni temmet il-mandat tagħha f'Diċembru 2016;

M.  billi huwa stmat li 1.3 miljun persuna huma spostati internament fl-Afganistan; billi fit-tieni nofs tal-2016 kien hemm żieda eċċezzjonalment għolja għal dawn l-aħħar 10 snin, fl-għadd ta' refuġjati Afgani li rritornaw mill-Pakistan, li żdiedu minn 55 000 fl-2015 għal 370 000;

N.  billi l-ġlied politiku intern naqqas il-pass tar-riformi tal-gvern, inkluż fl-oqsma bħalma huma l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa, ir-responsabbiltà għal atti ta' tortura, u l-libertà tal-midja u tal-espressjoni;

O.  billi l-2016 kienet l-agħar sena mdemmija għall-ġurnalisti fl-Afganistan, bi 12-il persuna maqtula waqt li kienu qegħdin jirrappurtaw dwar il-gwerra dejjem aktar vjolenti; billi minkejja dispożizzjonijiet fil-Kostituzzjoni Afgana mfassla biex jipproteġu d-drittijiet u l-ħidma ta' ġurnalisti, ħafna uffiċjali lokali mhumiex kapaċi jaċċettaw il-prinċipju tal-indipendenza tal-midja, u l-pulizija u l-militar huma implikati f'diversi każijiet ta' vjolenza kontra l-ġurnalisti;

P.  billi l-proċess ta' Tranżizzjoni (Inteqal) għadda r-responsabbiltà ewlenija għas-sigurtà fl-Afganistan mill-Forza Internazzjonali ta' Assistenza għas-Sigurtà (ISAF) immexxija min-NATO għall-Forzi tas-Sigurtà Nazzjonali Afgani (ANSF), u ntemm fi tmiem l-2014;

1.  Itenni l-impenn fuq terminu twil tiegħu lejn il-poplu tal-Afganistan biex jintemmu l-kunflitt u t-theddida tat-terroriżmu u l-estremiżmu, sabiex jinbena pajjiż inklużiv, stabbli, demokratiku u aktar prosperu;

2.  Jibqa' impenjat għal proċess ta' rikonċiljazzjoni inklużiv immexxi mill-Afgani u li jappartjeni għall-Afgani;

3.  Jilqa' l-adozzjoni ta' strateġija ġdida tal-UE dwar l-Afganistan, u jemmen li din tistabbilixxi l-impenn fuq terminu twil tal-Istati Membri li jippromwovu l-paċi, l-istabbiltà, il-prosperità u l-ugwaljanza fil-pajjiż;

4.  Jilqa' d-dħul fis-seħħ provviżorju fl-1 ta' Diċembru 2017 tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afganistan, li jirrappreżenta l-ewwel qafas ġuridikament vinkolanti bejn iż-żewġ naħat; jinkoraġixxi wkoll ir-ratifika rapida tal-ftehim mill-Istati Membri tal-UE biex dan ikun jista' jidħol fis-seħħ b'mod sħiħ;

5.  Jesprimi tħassib dwar is-serje ta' attakki mill-ġdid minn gruppi estremisti u sussegwentement għal telf ta' ħajja, jerġa' jġedded l-impenn tiegħu għall-isforzi internazzjonali kollha biex jeħilsu lill-Afganistan mit-terroriżmu u mill-estremiżmu, u jemmen li dawn l-isforzi huma ta' importanza kbira għas-siġurtà reġjonali u dinjija;

6.  Ifakkar lill-partijiet kollha fl-Afganistan li attakki u qtil ta' persuni ċivili, kif ukoll il-ħtif ta' ostaġġi ċivili, huma ksur gravi tad-dritt umanitarju internazzjonali;

7.  Jikkundanna l-attakki fuq sptarijiet u infrastruttura vitali oħra, u l-użu ta' skejjel għal skopijiet militari, u jfakkar lill-partijiet kollha dwar il-konvenzjonijiet internazzjonali kollha li jipprojbixxu dawn l-attivitajiet;

8.  Jilqa' t-tiġdid tal-mandat tal-UNAMA mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU bħala għodda essenzjali għall-paċi, il-prosperità u l-inklużività għall-Afgani kollha;

9.  Iħeġġeġ bil-qawwa l-implimentazzjoni sħiħa tat-Triq Konġunta 'l Quddiem dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni bejn l-Afganistan u l-UE;

10.  Jappoġġa bis-sħiħ l-implimentazzjoni totali tar-riżoluzzjoni 1325 (2000) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, u miżuri nazzjonali oħra għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet fl-Afganistan u għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa;

11.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Afganistan jimplimenta bis-sħiħ il-Pjan Nazzjonali tiegħu għall-Eliminazzjoni tat-Tortura, u jiddeplora r-rapporti ta' tortura u maltrattament tad-detenuti b'rabta mal-kunflitt mill-partijiet kollha fl-Afganistan;

12.  Iħeġġeġ l-implimentazzjoni kontinwa tal-programm ta' riforma tal-Gvern Afgan – Realizzazjoni tal-Awtodipendenza: Impenji għal Riformi u Sħubija Imġedda, u joffri l-appoġġ tiegħu lill-awtoritajiet f'Kabul biex jiksbu l-ambizzjonijiet tagħhom;

13.  Iħeġġeġ l-isforzi li għaddejjin bħalissa biex jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni mill-Afganistan, bħal vjolenza, faqar, ksur tad-drittijiet tal-bniedem, korruzzjoni, u l-instabbiltà ekonomika u politika;

14.  Jinnota bi tħassib ir-ripatrijazzjoni furzata taċ-ċittadini Afgani li ħarbu lejn pajjiżi ġirien, u jesprimi t-tħassib tiegħu li r-ritorn tagħhom jista' jesponihom għal kunflitt armat li qiegħed jespandi u għal sfidi ekonomiċi u soċjali;

15.  Jappella lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex ikomplu jinvestu fis-sistema edukattiva Afgana, u lill-Gvern Afgan biex jiżgura li l-edukazzjoni tibqa' waħda mill-ogħla prijoritajiet tiegħu bħala kwistjoni ta' importanza fundamentali għall-futur tal-pajjiż;

16.  Jistieden lill-President Afgan Ashraf Ghani jikkomplementa l-impenji pubbliċi b'saħħithom tiegħu favur il-ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet b'implimentazzjoni rapida u robusta tal-leġiżlazzjoni għall-ħarsien tagħhom;

17.  Jistieden lill-awtoritajiet Afgani biex jirrispettaw l-Artikoli 24, 27, 34, u 37 tal-Kostituzzjoni Nazzjonali sabiex jipproteġu d-drittijiet u s-sigurtà tal-ġurnalisti, u d-dritt għal-libertà tal-midja u tal-għaqda;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Afganistan.

Avviż legali