Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0068/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0068/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar tolleranza żero għall-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili (MĠF)

26.1.2018 - (2017/2936(RSP))

imressqa wara l-Mistoqsija għal Tweġiba Orali B8-0005/2018
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
Vilija Blinkevičiūtė
f'isem il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
<<<


Proċedura : 2017/2936(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0068/2018

B8-0068/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar tolleranza żero għall-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili (MĠF)

(2017/2936(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Kapitolu 2, l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi ta' Ottubru 2012 dwar l-għoti obbligatorju ta' servizzi ta' appoġġ għall-vittmi tal-vjolenza, inklużi dawk tal-mutilazzjoni ġenitali femminili[1],

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 21 tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta' Akkoljenza, approvata mill-Kunsill Ewropew f'Ottubru 2012, li jsemmu speċifikament vittmi tal-MĠF fost persuni vulnerabbli li għandhom jirċievu kura tas-saħħa xierqa matul il-proċedura tal-asil tagħhom[2],

–  wara li kkunsidra l-Kapitolu 7, l-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar il-Kwalifika tal-2011, fejn l-MĠF bħala forma ta' vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali serja hija inkluża bħala kriterju li għandu jiġi kkunsidrat għall-protezzjoni internazzjonali[3],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2014 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Lejn l-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili" (2014/2511(RSP))[4],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' Ġunju 2012 dwar it-tmiem tal-mutilazzjoni ġenitali femminili, li appellat għat-tmiem tal-MĠF mad-dinja kollha permezz ta' miżuri ta' prevenzjoni, ta' protezzjoni, u miżuri leġiżlattivi[5],

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja mill-2009,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Ġunju 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull forma ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, fosthom il-mutilazzjoni ġenitali femminili,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Marzu 2010 dwar l-eradikazzjoni tal-vjolenza fuq in-nisa fl-UE,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Novembru 2013 bit-titolu "Lejn l-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili" (COM(2013)0833),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-6 ta' Frar 2013 dwar il-Jum Internazzjonali kontra l-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili, li fiha sitt Kummissarji tal-UE kkonfermaw l-impenn tal-UE li ttemm l-MĠF fl-ambitu tar-relazzjonijiet esterni tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019, b'mod partikolari l-Objettiv 14(b),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, b'mod partikolari l-mira 5.3 dwar l-eliminazzjoni tal-prattiki ta' ħsara kollha, bħaż-żwieġ tat-tfal, dak prekoċi u furzat u l-mutilazzjoni ġenitali femminili,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-2013 dwar "Il-mutilazzjoni ġenitali femminili fl-Unjoni Ewropea u l-Kroazja",

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal-2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 li titratta l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika[6],

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa ta' Settembru 2017 dwar il-ħtieġa li jiġu intensifikati l-isforzi biex jipprevjenu u jiġġieldu l-mutilazzjoni ġenitali femminili u ż-żwieġ furzat fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-5 ta' Marzu 2013 dwar l-"Intensifikazzjoni tal-isforzi globali għall-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili" (A/RES/67/146),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Inizjattiva "Spotlight" tal-UE u n-NU tal-2017 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar tolleranza żero kontra l-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili (MĠF) (O-X – B8 XXXX / XXXX),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli b'mod espliċitu titlob l-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili flimkien ma' prattiki ta' ħsara taħt l-Għan 5 "Achieve gender equality and empower all women and girls ("Tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-awtonomija għan-nisa u l-bniet kollha");

B.  billi l-MĠF hija prattika sottolineata għal attenzjoni speċjali fi ħdan l-Objettiv 14 "Promoting gender equality, women's rights, empowerment and participation of women and girls" ("Il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, id-drittijiet tan-nisa, l-abilitazzjoni u l-parteċipazzjoni tan-nisa u l-bniet") tal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019;

C.  billi l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020 (GAP II) taħt il-Prijorità Tematika B: "Physical and Psychological Integrity" ("L-Integrità Fiżika u Psikoloġika") jinkludi bħala indikatur il-perċentwal ta' bniet u nisa ta' bejn il-15 u d-49 sena li ġew sottoposti għal mutilazzjoni ġenitali femminili;

D.  billi, bħala prattika detrimentali ta' natura transnazzjonali, il-mutilazzjoni ġenitali femminili issa hija rikonoxxuta bħala kwistjoni globali, filwaqt li l-Aġenda 2030 dwar l-għanijiet għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU identifikatha bħala prattika ta' ħsara li għandha tiġi eliminata sas-sena 2030;

E.  billi r-rapport statistiku tal-UNICEF għall-2016 iddikjara li minimu ta' 200 miljun mara u tifla madwar id-dinja kienu sottoposti għal mutilazzjoni ġenitali femminili, iżda ċ-ċifra eżatta mhix magħrufa;

F.  billi l-prattika tal-mutilazzjoni ġenitali femminili teżisti fl-Unjoni Ewropea minħabba migrazzjoni minn partijiet tad-dinja fejn din hija pprattikata, b'mod partikolari mill-kontinent Afrikan, iżda wkoll minn partijiet tal-Lvant Nofsani, l-Asja u l-Oċeanja;

G.  billi, għalkemm b'mod mhux uniformi, kien hemm progress matul l-aħħar tliet deċennji, bir-rata ta' prevalenza tinżel b'madwar 30 %; billi dan il-progress jista' xorta waħda jiġi kkumpensat minn żieda fil-popolazzjoni, li jfisser li numru akbar ta' nisa u bniet jgħaddu minn din il-proċedura;

H.  billi l-komunitajiet lokali spiss huma l-uniku u l-akbar influwenza fuq id-deċiżjoni tal-ġenituri li jimmutilaw it-tfal bniet tagħhom jew fuq id-deċiżjoni ta' nisa li jagħżlu li jiġu sottoposti għal mutilazzjoni ġenitali femminili;

I.  billi għalkemm m'hemm l-ebda rekwiżit reliġjuż biex titwettaq mutilazzjoni ġenitali femminili, il-preżenza qawwija ta' reliġjon f'ħafna komunitajiet li jipprattikawha tagħmilha neċessarja għall-mexxejja reliġjużi u mexxejja oħrajn li jkunu involuti fil-moviment kontra l-mutilazzjoni ġenitali femminili;

J.  billi, sabiex titfassal strateġija xierqa ta' eradikazzjoni, din il-prattika għandha dejjem tiġi eżaminata fil-kuntest lokali;

K.  billi l-mutilazzjoni ġenitali femminili ta' spiss hi assoċjata ma' kwistjonijiet oħra ta' inugwaljanza bejn is-sessi u tidher biss bħala wieħed mill-bosta każijiet ta' ksur kontra d-drittijiet tan-nisa bħalma huma: in-nuqqas ta' aċċess għall-edukazzjoni għall-bniet, inkluża l-edukazzjoni sesswali komprensiva; in-nuqqas ta' xogħol jew ta' impjieg għan-nisa; l-inabbiltà li jkunu sidien ta' proprjetà jew li jirtu proprjetà; iż-żwieġ tat-tfal bikri jew furzat; il-vjolenza fiżika u sesswali; u n-nuqqas ta' kura tas-saħħa ta' kwalità, inklużi s-saħħa sesswali u riproduttiva u servizzi dwar id-drittijiet;

L.  billi l-mutilazzjoni ġenitali femminili tinkludi l-premessa ta' kontroll fuq il-ġisem tal-mara b'forom oħra ta' vjolenza abbażi tas-sess kif ukoll il-ksur tad-dritt tal-mara għas-saħħa, għas-sigurtà u għall-integrità fiżika u, f'xi każijiet, saħansitra għad-dritt tagħha għall-ħajja;

M.  billi, filwaqt li l-prevenzjoni hija mod aktar konvenjenti għall-abbandun tal-mutilazzjoni ġenitali femminili mill-prosekuzzjoni minħabba li min iwettaq ir-reati, dawk li jagħtu l-għajnuna u li jħeġġu li ssir ta' spiss huma l-ġenituri tal-vittma, hemm ħtieġa ċara wkoll li jitneħħew l-ostakoli għall-prosekuzzjoni ta' każijiet ta' mutilazzjoni ġenitali femminili, filwaqt li jitqiesu l-aħjar interessi tat-tfal;

1.  Jinnota tnaqqis fir-rati ta' prevalenza tal-mutilazzjoni ġenitali femminili bħala riżultat ta' azzjonijiet deċiżivi u ta' sensibilizzazzjoni, u jħeġġeġ lill-atturi kollha jkomplu bl-isforzi tagħhom sabiex jinżamm il-momentum f'pajjiżi fejn il-mutilazzjoni ġenitali femminili hija prevalenti;

2.  Iqis dan il-momentum bħala opportunità għal organizzazzjonijiet internazzjonali u l-istati biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom, primarjament permezz tal-ħolqien ta' rabtiet u konnessjonijiet bejn reġjuni differenti, il-partijiet ikkonċernati u s-setturi sabiex jaħdmu flimkien b'mod attiv bil-ħsieb li jiksbu l-abbandun ta' din il-prattika u ta' prattiki oħrajn li huma ta' ħsara għal tfal bniet, minħabba li dawn jistgħu jsofru konsegwenzi fiżiċi, psikoloġiċi u emozzjonali tul ħajjithom kollha;

3.  Jirrikonoxxi l-ħidma imprezzabbli tal-organizzazzjonijiet li jaħdmu mal-komunitajiet fil-post, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll lil hinn minnha, dwar il-prevenzjoni, is-sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni, u jirrikonoxxi li l-bini ta' pontijiet bejniethom huwa neċessità jekk irridu li l-mutilazzjoni ġenitali femminili ssir xi ħaġa tal-imgħoddi;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw il-prevenzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili fis-setturi kollha, speċjalment tas-saħħa, inkluża s-saħħa sesswali u riproduttiva, il-ħidma soċjali, l-asil, l-edukazzjoni inkluża l-edukazzjoni sesswali, l-infurzar tal-liġi, il-ġustizzja, il-protezzjoni tat-tfal, u l-mezzi tax-xandir u l-komunikazzjoni;

5.  Jenfasizza li, skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta' Istanbul, l-Istati Membri huma obbligati li jikkriminalizzaw il-mutilazzjoni ġenitali femminili, kif ukoll l-inċitament, l-isfurzar jew l-akkwist ta' tifla biex tiġi sottoposta għaliha, u li l-Konvenzjoni tipproteġi mhux biss bniet u nisa f'riskju ta' mutilazzjoni ġenitali femminili, iżda wkoll il-bniet u n-nisa li jbatu l-konsegwenzi ta' din il-prattika tul ħajjithom (f'sitwazzjonijiet bħal infibulazzjoni mill-ġdid, sitwazzjonijiet relatati mal-asil, aċċess għall-kura, eċċ.); jenfasizza li l-Konvenzjoni ta' Istanbul tistipula li l-kultura, id-drawwiet, it-tradizzjoni, ir-reliġjon jew l-hekk imsejjaħ "unur" ma jistgħu jiġġustifikaw l-ebda att ta' vjolenza fuq in-nisa;

6.   Jitlob lill-UE u lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma ratifikawx il-Konvenzjoni ta' Istanbul tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa biex jagħmlu dan mingħajr dewmien sabiex l-impenn tal-UE jkun konformi mal-istandards internazzjonali li jippromwovu approċċ olistiku u integrat għall-vjolenza fuq in-nisa u għall-mutilazzjoni ġenitali femminili;

7.  Jinnota bi pjaċir li l-liġi kriminali fl-Istati Membri kollha tipproteġi espliċitament jew impliċitament lill-bniet u n-nisa mill-mutilazzjoni ġenitali femminili, iżda huwa mħasseb ħafna dwar l-ineffettività apparenti tagħha meta jitqies l-għadd żgħir ta' każijiet legali fl-UE;

8.  Jinnota bi tħassib li l-infurzar tal-liġijiet u, speċifikament, il-prosekuzzjoni hija sfida fl-Istati Membri kollha u fil-pajjiżi ta' oriġini; jistieden lill-Kummissjoni għalhekk tiffaċilita taħriġ immirat għall-atturi rilevanti dwar l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili; jistieden lill-Istati Membri jkunu aktar viġilanti fir-rigward tal-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' każijiet ta' mutilazzjoni ġenitali femminili;

9.   Josserva li l-liġi kriminali u t-taħriġ immirat iridu jimxu id f'id mal-isforzi biex titqajjem sensibilizzazzjoni li tiskoraġġixxi prattikanti milli jkomplu din il-prattika;

10.  Jirrikonoxxi li differenza importanti bejn il-mutilazzjoni ġenitali femminili u forom oħra ta' vjolenza abbażi ta' sess hija n-nuqqas ta' intenzjoni ħażina wara l-att, u jenfasizza li, filwaqt li dan bl-ebda mod ma jista' jservi ta' ġustifikazzjoni, irid pero' jiġi kkunsidrat fi strateġiji mmirati biex din il-prattika tiġi abbandunata;

11.  Jiddeplora ż-żieda fil-medikalizzazzjoni f'ċerti pajjiżi u jinsisti li din hija tweġiba inaċċettabbli sabiex jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali, kif diġà stabbilit min-NU u d-WHO; jistieden lill-Istati Membri biex b'mod espliċitu jipprojbixxu l-medikalizzazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili filwaqt li jżidu s-sensibilizzazzjoni tal-persunal mediku dwar din il-problema;

12.  Jenfasizza li l-mutilazzjoni ġenitali femminili hija waħda mill-aktar forom prevedibbli ta' vjolenza sessista u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu azzjoni preventiva b'saħħitha f'kampijiet tar-rifuġjati; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tinkludi l-prevenzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili u prattiki ta' ħsara oħra fi ħdan il-proċeduri ta' integrazzjoni u l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) u biex tipprovdi informazzjoni rilevanti permezz tal-Aġenzija tal-UE għall-Asil;

13.  Jitlob l-ogħla standards ta' protezzjoni għal dawk li jfittxu l-asil għal raġunijiet relatati mal-mutilazzjoni ġenitali femminili fi ħdan il-qafas tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil u r-reviżjoni tad-Direttivi dwar l-Asil kif ukoll permezz tar-rwol il-ġdid tal-Aġenzija tal-UE għall-Asil;

14.  Jinsab ħerqan dwar l-istabbiliment ta' netwerk globali li ser jifforma konnessjonijiet bejn l-atturi rilevanti minn kull parti tad-dinja sabiex jgħaqqad l-ideat u l-forzi flimkien; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ lil dan in-netwerk;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni twieġeb għat-talbiet li saru mis-soċjetà ċivili sabiex il-finanzjament ikun flessibbli biżżejjed li organizzazzjonijiet ta' bażi li jwettqu x-xogħol tagħhom fil-komunità jistgħu japplikaw għall-fondi, li sensiela ta' kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniet u tan-nisa jistgħu jiġu indirizzati flimkien mal-mutilazzjoni ġenitali femminili bl-użu ta' approċċ olistiku, u li jistgħu jiġu stabbiliti l-konnessjonijiet bejn organizzazzjonijiet li jaħdmu fl-UE u dawk li jaħdmu f'pajjiżi fejn isseħħ din il-prattika; jilqa' b'sodisfazzjon f'dan ir-rigward ix-xogħol tan-Netwerk Ewropew għall-Eliminazzjoni tal-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili u l-membri tiegħu, inkluż permezz tal-proġett Klima Plus, fit-taħriġ tar-rappreżentanti tal-komunitajiet lokali biex tiġi mħeġġa mhux biss bidla leġiżlattiva iżda wkoll bidla fl-imġiba fil-komunitajiet tagħhom;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżommu data dwar il-prevalenza tal-mutilazzjoni ġenitali femminili u t-tipi tagħha, u biex jinkludi l-persunal akkademiku fil-proċess tal-ġbir ta' data, ir-riċerka u l-edukazzjoni tal-ġenerazzjonijiet futuri ta' professjonisti dwar il-mutilazzjoni ġenitali femminili; jirrikonoxxi li n-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni jista' jkun involut; iqis li aġenda ta' riċerka konġunta dwar il-mutilazzjoni ġenitali femminili tippermetti li l-universitajiet f'żoni fejn din qed tkun prattikata jikkonnettjaw mal-universitajiet tal-UE bil-ħsieb li jorganizzaw programmi ta' skambju, itejbu l-ġbir tad-data u jtejbu l-kapaċitajiet ta' professjonisti futuri f'setturi differenti;

17.   Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jinkludu informazzjoni bażika dwar il-mutilazzjoni ġenitali femminili u prattiki oħra ta' ħsara għal tfal bniet fi programmi edukattivi ta' dawk id-dixxiplini li jaqdu rwol ewlieni fil-prevenzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili;

18.  Jenfasizza li, minkejja l-kuntest lokali, il-mutilazzjoni ġenitali femminili għandha titqies fil-kuntest ta' vjolenza sessista u bħala kwistjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u għandha tiġi indirizzata permezz ta' approċċ komprensiv sabiex jiġu evitati t-tkasbir tal-komunitajiet fejn hija prattikata;

19.  Jenfasizza li l-iżgurar li l-bniet kollha jattendu l-iskola, u l-iżvilupp ta' prekondizzjonijiet għall-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa, huma l-ewwel passi biex tintrefa' l-pożizzjoni tan-nisa f'komunitajiet li jipprattikaw il-mutilazzjoni ġenitali femminili;

20.  Jiġbed l-attenzjoni għall-potenzjal u s-setgħa ta' diversi mezzi ta' komunikazzjoni bħalma huma l-arti, il-letteratura, il-mezzi tax-xandir ġodda u lokali biex il-messaġġi jinġiebu eqreb tan-nies; jenfasizza l-importanza li jiġu involuti s-subien u l-irġiel fil-ħolqien ta' narrattiva ġdida dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġlieda kontra l-istrutturi tal-poter eżistenti permezz ta' netwerks, programmi mill-pari, kampanji ta' informazzjoni u programmi ta' taħriġ;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri fit-twaqqif u l-prattika ta' netwerks u ta' strateġiji integrati għall-prevenzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili, inkluż it-taħriġ ta' ħaddiema soċjali, il-persunal mediku, il-mexxejja fil-komunità u l-mexxejja reliġjużi, u l-uffiċjali tal-pulizija u tal-ġustizzja; jirrikonoxxi li l-ebda reliġjon ma tinkoraġġixxi din il-prattika;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-kwistjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili u prattiki oħra ta' ħsara għan-nisa u l-bniet fid-djalogi tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem u f'kuntatti diplomatiċi; jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi sabiex dawn jiġu mħeġġa jadottaw liġijiet nazzjonali li jipprojbixxu l-mutilazzjoni ġenitali femminili u biex jingħata appoġġ lill-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi bil-ħsieb li tiġi żgurata l-implimentazzjoni;

23.  Jinnota b'apprezzament li d-Delegazzjonijiet u s-SEAE jiġu mħarrġa kull sena dwar il-mutilazzjoni ġenitali femminili fl-ambitu tad-drittijiet tat-tfal jew f'qafas ta' taħriġ dwar is-sessi, u jistieden lill-Kummissjoni tara li l-għodod tagħha bħall-"Magħqudin biex intemmu l-mutilazzjoni ġenitali femminili" għal professjonisti ta' setturi differenti jkunu magħrufa u disponibbli b'mod wiesa' għall-popolazzjonijiet fil-mira;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

 

Aġġornata l-aħħar: 2 ta' Frar 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza