Proċedura : 2018/2527(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0084/2018

Testi mressqa :

B8-0084/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 08/02/2018 - 12.10
CRE 08/02/2018 - 12.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0040

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 504kWORD 54k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0082/2018
5.2.2018
PE614.393v01-00
 
B8-0084/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni reċenti tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija (2018/2527(RSP))


Bodil Valero, Rebecca Harms, Jordi Solé, Barbara Lochbihler, Ska Keller, Igor Šoltes, Josep-Maria Terricabras f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni reċenti tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija (2018/2527(RSP))  
B8-0084/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tal-24 ta' Novembru 2016 dwar ir-relazzjonijiet UE-Turkija(1), tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija(2) u tal-14 ta' April 2016 dwar ir-rapport 2015 dwar it-Turkija(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti mill-Viċi President / Rappreżentant Għoli Federica Mogherini u l-Kummissarju Johannes Hahn, b'mod partikolari dawk tat-2 ta' Frar 2018 dwar it-treġġigħ lura tad-deċiżjoni tal-qorti li teħles lill-President Taner Kılıҫ tal-Amnesty International fit-Turkija u d-detenzjoni tal-membri tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Medika Torka, u tat-13 ta' Marzu 2017 dwar l-Opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar l-emendi tal-Kostituzzjoni tat-Turkija u l-avvenimenti reċenti,

–  wara li kkunsidra s-seba' rapport annwali dwar it-Turkija, ippubblikat mill-Kummissjoni fis-6 ta' Settembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Marzu 2017 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fix-Xlokk tat-Turkija,

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta' Negozjar tal-UE għat-Turkija tat-3 ta' Ottubru 2005,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2016 dwar it-Turkija,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 231/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II)(4),

–  wara li kkunsidra d-dritt għal-libertà ta' espressjoni minqux fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li tagħhom it-Turkija hija stat parti,

–  wara li kkunsidra l-memoranda tal-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-26 ta' Lulju 2016 mill-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar miżuri meħuda taħt l-istat ta' emerġenza fit-Turkija,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi mill-attentat fallut ta' kolp ta' stat f'Lulju 2016 u d-dikjarazzjoni tal-istat ta' emerġenza li tipprojbixxi laqgħat pubbliċi u li tippermetti lill-President li jiggverna permezz ta' digrieti, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fit-Turkija marru għall-agħar b'mod drammatiku;

B.  billi l-fastidju tal-pulizija u dak ġudizzjarju, id-detenzjoni arbitrarja, il-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u ħafna miżuri restrittivi oħra jibqgħu mmirati lejn kull min ikun suspettat li jippartjeni għall-hekk imsejjaħ moviment Hizmet/Gülen (impjegati taċ-ċivil u persunal militari, akkademiċi u għalliema, persuni fin-negozju u ċittadini ordinarji) jew li jappoġġja movimenti Kurdi, u vuċijiet u attivisti minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma kritiċi tal-gvern attwali (ġurnalisti, avukati, akkademiċi, kittieba, artisti u rappreżentanti ta' NGOs);

C.  billi mill-2016 aktar minn 6 miljun ċittadin kienu soġġetti għal investigazzjoni tal-pulizija jew ġudizzjarja fuq il-bażi ta' suspett biss, ħafna drabi bħala riżultat ta' kummenti jew qsim ta' posts fuq il-midja soċjali; billi aktar minn 107 000 persuna tkeċċew mill-impjieg tagħhom mingħajr il-proċess dovut u billi sena wara l-ħolqien ta' kummissjoni magħmula minn seba' persuni biex tittratta l-appelli, ġew rieżaminati inqas minn 100 każ, li kważi kollha kemm huma ġew miċħuda;

D.  billi, fit-12 ta' Jannar 2018, il-qorti penali ta' Istanbul iddeċidiet li żżomm fid-detenzjoni żewġ ġurnalisti li ntefgħu l-ħabs, Mehmet Altan u Şahin Alpay, ftit sigħat wara li l-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li d-drittijiet tagħhom ġew miksura waqt li kienu f'kustodja u ordnat il-ħelsien tagħhom, li tagħti prova li l-indipendenza tal-ġudikatura fit-Turkija hija kompromessa;

E.  billi t-Turkija ordnat biex siti web meqjusa bħala kritiċi jiġu mblukkati jew jingħalqu; billi għexieren ta' stabbilimenti tal-midja ngħalqu, eluf ta' ġurnalisti u ħaddiema tal-midja tilfu l-impjiegi tagħhom u bosta oħrajn kellhom l-assi tagħhom sekwestrati u/jew ġew projbiti milli jitilqu mill-pajjiż; billi, skont Reporters Mingħajr Fruntieri, aktar minn 300 ġurnalist u ħaddiem tal-midja qegħdin il-ħabs, sitwazzjoni li qed tittrasforma lit-Turkija f'wieħed mill-akbar ħabsijiet fid-dinja għall-persunal tal-midja; billi ġew affettwati wkoll ġurnalisti barranin, kif muri mill-każ ta' Deniz Yücel, ġurnalist Ġermaniż għal Die Welt, li qatta' kważi sena l-ħabs mingħajr ma tressqet akkuża; billi r-rapportar u l-midja indipendenti fit-Turkija kważi waqfu milli jeżistu;

F.  billi fil-11 ta' Jannar 2018 il-Kurda Leyla Zana, rebbieħa tal-Premju Sakharov, itteħdilha l-istatus tagħha bħala Membru Parlamentari permezz ta' votazzjoni fil-Parlament Tork; billi ħames Membri Parlamentari oħra mill-Partit Demokratiku Popolari (HDP) kienu diġà tteħdulhom il-mandati tagħhom; billi f'Mejju 2016, ġiet irtirata l-immunità parlamentari ta' 55 mid-59 Membru Parlamentari tal-HDP sabiex tkun permessa l-prosekuzzjoni fil-konfront tagħhom, flimkien ma' dik ta' Membri Parlamentari oħra tal-oppożizzjoni – kważi terz tal-Gran Assemblea Nazzjonali tat-Turkija (GNAT);

G.  billi fit-8 ta' Diċembru 2017 il-komexxej tal-HDP, Selahattin Demirtaş, li diġà kien ġie detenut għal aktar minn sena flimkien mal-kontroparti tiegħu, Figen Yüksekdağ, ma tħalliex jitla' l-qorti minħabba raġunijiet ta' sigurtà u billi l-imħallef iddeċieda li hu għandu jinzamm f'detenzjoni sas-smigħ li jmiss fl-14 ta' Frar 2018;

H.  billi minn Lulju 2016 mijiet ta' politiċi Kurdi fix-Xlokk tat-Turkija, inklużi sindki u mexxejja tal-partiti provinċjali, ġew arrestati u/jew tneħħew mill-kariga u sostitwiti b'persuni maħtura tal-Ministeru tal-Intern;

I.  billi aktar minn 300 ċittadin Tork ġew detenuti għal posts fil-midja soċjali fejn ikkritikaw lill-inkurżjoni militari Torka kontra l-Kurdi fis-Sirja; billi l-attakk tat-Turkija fuq Afrin u l-offensiva tal-Gvern Sirjan f'Idlib qed jikkawżaw mijiet ta' eluf ta' ċittadini Sirjani spostati internament biex jaħarbu lejn il-fruntiera Torka, bir-riżultati li qed ikomplu jittrawmatizzawhom;

J.  billi fit-Turkija ngħalqu aktar minn 300 NGO u organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, inklużi l-NGO Gündem Çocuk li kellha rwol ewlieni f'dak li jirrigwardja d-drittijiet tat-tfal, l-NGOs dwar id-drittijiet tan-nisa u l-NGOs li kienu jassistu lill-persuni spostati internament (IDPs) u lir-refuġjati, u bosta membri qed jiġu arrestati, bħal pereżempju l-attivist tal-paċi Osman Kavala, li waqqaf l-Inizjattiva Internazzjonali għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni, u l-avukati Selçuk Kozağaçlı u Engin Gökoğlu mill-Uffiċċju Legali tal-Poplu, organizzazzjoni rikonoxxuta li tirrappreżenta l-vittmi ta' vjolenza mill-pulizija u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa minn uffiċjali statali; billi Engin Gökoğlu huwa wkoll ir-rappreżentant legali taż-żewġ għalliema magħrufa ferm Nuriye Gülmen u Semih Özakça, li kienu fuq strajk tal-ġuħ għal kważi sena biex jipprotestaw kontra t-tkeċċija tagħhom u li s-saħħa tagħhom sofriet dannu irriversibbli; billi fit-22 ta' Novembru 2017 qorti f'Istanbul iddeċidiet li testendi l-arrest preventiv ta' Taner Kılıç, il-President ta' Amnesty International fit-Turkija, flimkien ma' għadd ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

K.  billi f'Awwissu 2016 il-Kumitat Ewropew tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Prevenzjoni tat-Tortura u t-Trattament u Pieni Inumani jew Degradanti żar il-faċilitajiet ta' detenzjoni fit-Turkija u rrapporta s-sejbiet tiegħu lill-awtoritajiet Torok f'Novembru 2016; billi sa issa, madankollu, il-Gvern Tork ma ppubblikax dan ir-rapport jew kwalunkwe informazzjoni rigward l-għadd ta' ilmenti jew investigazzjonijiet tal-allegazzjonijiet ta' tortura jew trattament ħażin;

L.  billi sa issa, għad baqa' għadd ta' mistoqsijiet dwar id-data eżatta tal-avvenimenti tal-15 ta' Lulju 2016 u billi f'ħafna mill-eluf ta' każijiet ta' ċittadini Torki taħt investigazzjoni, ebda evidenza ma ġiet ippreżenta dwar xi rabta mal-attentat fallut ta' kolp ta' stat;

M.  billi l-fatt li ġie impost stat ta' emerġenza għal żmien limitat wara attentat ta' kolp ta' stat jista' jiġi ġustifikat sabiex jiġu salvagwardjati l-istituzzjonijiet demokratiċi, tiġi stabbilita mill-ġdid l-istabbiltà u s-sigurtà fil-pajjiż u sabiex l-awturi tal-kolp ta' stat jitressqu quddiem il-ġustizzja; billi, madankollu, ir-restrizzjonijiet imposti fit-Turkija jmorru ferm lil hinn minn dawk permessi taħt id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u jikkostitwixxu abbuż sfaċċat mil-liġijiet ta' emerġenza;

1.  Jesprimi tħassib profond dwar id-deterjorament li għaddej tal-libertajiet fundamentali u tal-istat tad-dritt fit-Turkija; jikkundanna l-użu tad-detenzjoni arbitrarja u l-fastidju ġudizzjarju u amministrattiv biex jiġu ppersegwitati għexieren ta' eluf ta' ċittadini Torok perċepiti bħala kritiċi tal-Gvern ta' Erdoğan u akkużati li għandhom rabtiet mal-moviment Hizmet/Gülen, li l-Gvern Tork iqisu bħala responsabbli għall-attentat ta' kolp ta' stat, jew mal-gruppi politiċi Kurdi, li fil-qosor ġew ikklasifikati li wettqu "attivitajiet terroristiċi";

2.  Jara evidenza li qed tiżdied li s-separazzjoni tal-poteri fit-Turkija m'għadhiex teżisti;

3.  Jiddispjaċih ħafna li fit-18 ta' Jannar 2018 il-Parlament Tork estenda l-istat ta' emerġenza għas-sitt darba, u talab biex dan l-istat jitneħħa;

4.  Jitlob għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjoni ta' dawk kollha detenuti b'mod arbitrarju u akkużati b'attivitajiet terroristiċi fin-nuqqas ta' kwalunkwe evidenza kredibbli ta' aġir kriminali; huwa partikolarment ixxukkjat dwar l-arrest mill-ġdid tal-President tal-Amnesty International, Taner Kılıҫ fl-1 ta' Frar 2018, ordnat mill-istess qorti – wara li t-tieni qorti rrevediet id-deċiżjoni – li kienet ordnat il-ħelsien mhux kundizzjonat tiegħu l-ġurnata ta' qabel, li jiżvela sa liema punt is-sistema legali Torka saret waħda li ma tiffunzjonax sew;

5.  Ifakkar lit-Turkija li għall-pajjiżi kandidati tal-UE għandhom japplikaw l-istess normi bażiċi bħalma japplikaw għall-Istati Membri, b'mod partikolari r-rispett għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt għal proċess ġust, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Torok jerġgħu lura għall-prinċipju tal-"preżunzjoni ta' innoċenza"; ifakkar, bl-istess mod, il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni kontra l-minoranzi, b'mod partikolari l-Kurdi u r-Rom, li għandhom l-istess dritt kemm biex jesprimu l-kultura tagħhom kif ukoll biex ikollhom aċċess għas-servizzi soċjali;

6.  Jikkundanna d-deċiżjoni reċenti li jittieħed l-istatus ta' Membru Parlamentari lil Leyla Zana u deċiżjonijiet preċedenti simili li jaffettwaw lill-Membri Parlamentari tal-HDP, u jappella għar-rikostituzzjoni immedjata tagħhom; jesprimi s-solidarjetà tiegħu ma' membri parlamentari eletti b'mod leġittimu li sfaw soġġetti għal detenzjoni u intimidazzjoni u jappella għar-rispett lejn il-mandat tagħhom u lejn id-dritt tagħhom għal difiża xierqa fil-qorti, u għall-ħelsien tagħhom;

7.  Jikkritika s-sostituzzjoni arbitrarja tar-rappreżentanti eletti lokalment, li qed tkompli ddgħajjef l-istruttura demokratika tat-Turkija;

8.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu u jikkundanna l-intervent tat-Turkija f'Afrin, is-Sirja, li sa dak il-punt kienet ġiet salvata minn kunflitt vjolenti u li kienet offriet kenn lil mijiet ta' eluf ta' persuni spustati internament minn żoni oħra fis-Sirja; iħeġġeġ lit-Turkija biex twaqqaf l-offensiva;

9.  Jesprimi s-simpatija tiegħu għal aktar minn 100 000 uffiċjal li ġew imkeċċija mis-servizz pubbliku, jinnota li l-mekkaniżmi eżistenti ta' appell fit-Turkija ma jirrappreżentawx rimedju domestiku effikaċi, u jistenna li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tadotta pożizzjoni dwar din il-kwistjoni fi żmien qasir;

10.  Jiddispjaċih dwar il-projbizzjonijiet reċenti tal-avvenimenti organizzati minn organizzazzjonijiet LGBTI u jikkundanna, speċifikament, il-projbizzjoni ġenerali fuq l-avvenimenti kollha LGBTI f'Ankara; jikkundanna l-fastidju tal-pulizija u dak ġudizzjarju, il-prosekuzzjoni u d-detenzjoni arbitrarja ta' attivisti LGBTI; huwa għalhekk imħasseb ħafna dwar l-istrajk tal-ġuħ ta' Diren Coşkun u jistieden lill-istituzzjonijiet kompetenti jiżguraw il-benessri tagħha u li saħħitha tkun f'kundizzjoni tajba; jikkundanna bil-qawwa d-detenzjoni reċenti ħafna ta' Ali Erol, kofundatur ta' Kaos GL, u oħrajn; jenfasizza li dan huwa bi ksur tad-dritt għal-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' għaqda, kif minquxa fl-Artikoli 26, 33 u 34 tal-Kostituzzjoni Torka u l-Artikoli 19 u 21 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi; jistieden lill-awtoritajiet Torok biex jirrevokaw il-projbizzjoni minnufih u jirrestawraw id-dritt għal-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' għaqda; jinsisti li kwalunkwe persuna involuta f'reati ta' mibegħda, bħalma huma l-qtil ta' mibegħda ta' nisa transġeneru, trid tinżamm responsabbli għad-delitti tagħha u tirċievi l-piena xierqa f'konformità mal-liġi;

11.  Jistieden lill-Gvern Tork jippubblika r-rapport ta' Novembru 2016 mill-Kumitat għall-Prevenzjoni tat-Tortura tal-Kunsill Ewropew;

12.  Jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE f'Ankara tieħu rwol ta' tmexxija flimkien mal-ambaxxati tal-Istati Membri biex jipprovdu koordinazzjoni tal-appoġġ u, fejn meħtieġ, appoġġ pubbliku liċ-ċittadini Torok detenuti skont il-leġiżlazzjoni ta' emerġenza mingħajr evidenza ta' xi aġir ħażin, speċjalment id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-Membri Parlamentari, iżda wkoll persuni akkużati b'involviment dirett fl-attentat ta' kolp ta' stat, billi jiġu mmonitorjati u osservati l-proċessi, jintalab permess għal żjarat fil-ħabsijiet u jinħarġu dikjarazzjonijiet li jindirizzaw lill-awtoritajiet Torok fil-livelli kollha;

13.  Jitlob li l-parteċipazzjoni ta' GNAT f'attivitajiet ta' appoġġ parlamentari tal-UE tiġi ffriżata sakemm l-immunità ta' prattikament il-Membri Parlamentari kollha tal-partit tal-oppożizzjoni tal-HDP tibqa' rtirata u l-prosekuzzjoni sussegwenti tagħhom għadha għaddejja;

14.  Jemmen li l-modernizzazzjoni tal-Unjoni Doganali bejn l-UE u t-Turkija ser tiffaċċja problemi li ma jistgħux jingħelbu sakemm l-istat tad-dritt u l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura fit-Turkija huma kompromessi;

15.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tqis l-iżviluppi fit-Turkija matul ir-rieżami tal-fondi tal-IPA, u biex tivvaluta għażliet konkreti dwar kif iżżid l-appoġġ għas-soċjetà ċivili Torka; jissottolinja li l-ebda fondi għandhom imorru għal proġetti mmexxija mill-Ministeri Torok direttament involuti fi jew responsabbli għall-iżmuntaġġ tal-istat tad-dritt, bħall-Ministeru tal-Ġustizzja;

16.  Ifakkar l-istedina tiegħu għas-sospensjoni formali tan-negozjati ta' adeżjoni mat-Turkija jekk ir-riformi kostituzzjonali proposti mill-Gvern u approvati permezz ta' referendum jiġu implimentati hekk kif inhuma, peress li l-Kostituzzjoni l-ġdida ma tirrispettax il-kriterji ta' Copenhagen u tibgħat messaġġ li l-leġiżlaturi Torok m'għadhomx jimmiraw aktar lejn integrazzjoni fl-UE;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0450.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0423.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2016)0133.

(4)

ĠU L 77, 15.3.2014, p. 11.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Frar 2018Avviż legali