Proċedura : 2018/2527(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0091/2018

Testi mressqa :

B8-0091/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 08/02/2018 - 12.10
CRE 08/02/2018 - 12.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0040

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 447kWORD 53k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0082/2018
5.2.2018
PE614.400v01-00
 
B8-0091/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija (2018/2527(RSP))


Kati Piri, Victor Boştinaru, Elena Valenciano, Knut Fleckenstein f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija (2018/2527(RSP))  
B8-0091/2018

Il-Parlament Ewropew,

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b'mod partikolari dik tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2017 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2016 dwar it-Turkija(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-2016 dwar it-Turkija,

–  wara li kkunsidra d-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni mogħti mill-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker fit-13 ta' Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir, Johannes Hahn, dwar l-aħħar żviluppi fit-Turkija tat-2 ta' Frar 2018, id-dikjarazzjoni tagħhom sena wara l-attentat ta' kolp ta' stat fit-Turkija tal-14 ta' Lulju 2017, u d-dikjarazzjoni tagħhom dwar l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar l-emendi għall-Kostituzzjoni tat-Turkija u l-avvenimenti reċenti tat-13 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tat-8 ta' Ġunju 2017 dwar l-aħbar tad-detenzjoni tal-kap ta' Amnesty International fit-Turkija, Taner Kiliç, tat-8 ta' Lulju 2017 dwar id-detenzjoni ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-gżira ta' Büyükada fit-Turkija, u tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar każijiet miftuħin b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija,

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem imressqa lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-2 ta' Novembru 2017 rigward grupp ta' tnax-il applikazzjoni li għandhom x'jaqsmu mal-libertà tal-espressjoni u d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà tal-membri parlamentari fit-Turkija u tal-10 ta' Ottubru 2017 rigward grupp ta' għaxar applikazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-libertà tal-espressjoni u d-dritt għal-libertà tal-ġurnalisti fit-Turkija,

–  wara li kkunsidra l-fatt li l-valuri li fuqhom hija msejsa l-UE jinkludu l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u li sistema ġudizzjarja li tiffunzjona tajjeb u r-rispett għad-drittijiet fundamentali huma tal-akbar importanza u għandhom ikunu prijorità għall-pajjiżi kandidati bħalma hi t-Turkija,

–  wara li kkunsidra d-dritt għal-libertà tal-espressjoni minqux fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li tagħhom it-tnejn hija stat parti t-Turkija,

–  wara li kkunsidra l-"Korp tal-Prinċipji għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha taħt Kwalunkwe Forma ta' Detenzjoni jew Priġunerija", adottat mir-riżoluzzjoni 43/173, tad-9 ta' Diċembru 1988, tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Parlament ikkundanna bil-qawwa l-attentat ta' kolp ta' stat tal-15 ta' Lulju 2016; billi l-istat ta' emerġenza bħalissa qed jintuża biex isikket id-dissens u jmur lil hinn sew minn kwalunkwe miżura leġittima għall-ġlieda kontra t-theddid għas-sigurtà nazzjonali; billi, skont id-dritt internazzjonali, il-miżuri ta' emerġenza għandhom ikunu neċessarji u proporzjonati fil-kamp ta' applikazzjoni u fid-durata u għandhom jintużaw biss biex jiġu mrażżna t-theddidiet ġenwini għas-sigurtà tan-nazzjon; billi l-awtoritajiet Torok abbużaw mid-dispożizzjonijiet ta' emerġenza biex jimponu projbizzjonijiet ġenerali, detenzjonijiet arbitrarji u restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda; billi dawn il-miżuri dgħajfu l-protezzjonijiet ta' kontra l-maltrattament u d-dritt għal proċess ġust filwaqt li ppermettew lill-gvern jevadi l-iskrutinju parlamentari u ġudizzjarju; billi, skont il-Human Rights Watch, ittieħdu ħafna azzjonijiet legali meta ma kien hemm l-ebda prova ta' parteċipazzjoni minn dawk akkużati fit-tentattiv ta' kolp ta' stat li falla;

B.  billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti politiċi, l-avukati, il-ġurnalisti u l-intellettwali l-oħra li jinsabu detenuti spiss qed jiġu akkużati b'mod falz li "huma membri ta' organizzazzjoni terroristika armata" jew li "jappoġġjaw organizzazzjoni terroristika armata"; billi skont l-istatistika uffiċjali tal-Ministeru tal-Ġustizzja Tork għall-2016, 4187 persuna ġew akkużati li "insultaw lill-President" skont l-Artikolu 299 tal-Kodiċi Penali tat-Turkija, infetħu 482 kawża fuq il-bażi ta' "insult lin-nazzjon Tork" skont l-Artikolu 301 tal-istess kodiċi, u 17 322 ruħ ġew akkużati li għamlu propaganda għal organizzazzjonijiet illegali; billi 148 firmatarju tal-petizzjoni tal-"Akkademiċi għall-Paċi" qed jiffaċċjaw akkużi talli xerrdu "propaganda terroristika" u qed jistennew seduti ta' smigħ fil-qorti f'Mejju 2018;

C.  billi l-miżuri sproporzjonati li ttieħdu wara d-dikjarazzjoni tal-istat ta' emerġenza kellhom fil-mira tagħhom, permezz tad-detenzjonijiet, it-tkeċċijiet, l-arresti u l-konfiska tal-proprjetà, mhux biss lil eluf ta' nies li huma allegati membri/sostenituri tal-moviment Gülen, li huwa maħsub li kien wara l-attentat ta' kolp ta' stat, inklużi 50 000 li ġew rimandati f'kustodja provviżorja, iżda wkoll lid-dissidenti b'mod ġenerali u lill-membri tal-partiti politiċi tal-oppożizzjoni b'mod partikolari; billi ġew rimandati eluf ta' persuni oħra fuq il-bażi ta' allegazzjonijiet ta' rabtiet ma' organizzazzjonijiet terroristiċi bħalma huma l-Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan (PKK); billi l-każijiet eżaminati minn Amnesty International ma kienx fihom evidenza kredibbli ta' involviment individwali f'atti kriminali, fatt li jissuġġerixxi li ħafna jew il-biċċa l-kbira ta' dawk li kienu f'detenzjoni provviżorja tqiegħdu hemmhekk b'mod arbitrarju; billi l-appelli għall-ħelsien mid-detenzjoni provviżorja huma regolarment miċħuda u l-qrati b'mod sistematiku jonqsu milli jirrispettaw il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza;

D.  billi, skont il-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti, wara l-attentat ta' kolp ta' stat tal-15 ta' Lulju 2016 hemm mill-inqas 148 ġurnalist u kittieb li għadhom il-ħabs, li fil-biċċa l-kbir tagħhom qed jinżammu mingħajr l-ebda akkuża miġjuba kontrihom, filwaqt li ħafna minn dawk li jinsabu l-ħabs ma għandhom l-ebda aċċess għal avukat; billi r-Reporters without Borders (Ġurnalisti Mingħajr Fruntieri) fl-2017 ikklassifikat it-Turkija bħala "l-akbar ħabs għall-persunal tal-midja fid-dinja"; billi l-ambjent restrittiv u intimidanti li nħoloq mill-mewġa dejjem ikbar ta' prosekuzzjonijiet ta' ġurnalisti, kittieba, utenti tal-midja soċjali u ċittadini oħra, anki minorenni, talli "insultaw lill-President" iwassal biex tiżdied l-awtoċensura; billi xi wħud mid-detenuti ġew miċħuda d-dritt ta' aċċess għal avukat u qed jinżammu f'kundizzjonijiet inumani li fihom qed jiġu mhedda u maltrattati;

E.  billi, skont Amnesty International, l-awtoritajiet Torok, wara l-attentat ta' kolp ta' stat, għalqu l-uffiċju ta' aktar minn 160 xandar, gazzetta, rivista, pubblikatur u kumpanija tad-distribuzzjoni; billi, għal darb'oħra skont Amnesty International, mijiet ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ngħalqu taħt id-digriet tal-istat ta' emerġenza, inklużi l-NGOs ewlenin li qed jgħinu lill-persuni spostati internament u lir-refuġjati u l-NGOs li jiddefendu d-drittijiet tat-tfal u tan-nisa; billi r-repressjoni kellha impatt profond fuq is-soċjetà ċivili;

F.  billi Amnesty International tirrapporta wkoll li l-awtoritajiet Torok keċċew 107 000 persuna mill-professjoni tagħhom minn Lulju 2016 'il hawn; billi minn Lulju 2016 'il hawn tressqu aktar minn 100 000 ilment legali lill-Qorti Kostituzzjonali Torka, li ddikjarat lilha nnifisha mhux kompetenti fuq materji li jaqgħu taħt id-digriet ta' emerġenza; billi l-"Kummissjoni ta' Inkjesta dwar il-Prattiki ta' Stat ta' Emerġenza", stabbilita fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, irċieviet 104 789 applikazzjoni sat-18 ta' Jannar 2018 u s'issa ħarġet deċiżjonijiet f'mhux aktar minn 3 110 każijiet, li ma nħarġux fil-pubbliku; billi, bħala riżultat ta' dan, sa issa t-Turkija naqset ukoll milli toffri kwalunkwe proċedura oħra ta' appell rapida u effettiva; billi l-biċċa l-kbira ta' dawk li tkeċċew ma jistgħux ikomplu jaħdmu fil-professjoni tagħhom, u lanqas ma jistgħu jitilqu mill-pajjiż peress li l-passaporti tagħhom ġew ikkanċellati, fatt li jħalli lilhom u lill-familji tagħhom f'sitwazzjoni ddisprata filwaqt li qed jistennew rimedju;

G.  billi l-konfederazzjonijiet tat-trade unions Torok irrapportaw allegazzjonijiet serji relatati ma' għadd kbir ta' każijiet ta' sensji, fastidju, azzjoni ta' ritaljazzjoni, arrest u attakki min-naħa tal-pulizija kontra uffiċjali tal-junjins għal attivitajiet sindikalisti leġittimi; billi wara l-attentat ta' kolp ta' stat tal-15 ta' Lulju, żewġ konfederazzjonijiet tat-trejdjunjins u d-19-il junjin membri tagħhom, b'total ta' 50 000 ħaddiem affiljat, ingħalqu b'digriet minħabba allegati rabtiet ma' organizzazzjonijiet terroristiċi; billi ġew impeduti għadd sinifikanti ta' protesti u dimostrazzjonijiet tat-trejdjunjins, u b'hekk ġew ristretti b'mod sproporzjonat id-drittijiet tat-trejdjunjins;

H.  billi s-sistema ġudizzjarja tinsab nieqsa mill-indipendenza u l-imparzjalità; billi dawn l-aħħar snin raw il-kontroll tal-eżekuttiv jiġi estiż fuq il-ġudikatura u l-prosekuzzjoni, l-imħallfin u l-prosekuturi jiġu arrestati, imkeċċija u arbitrarjament trasferiti b'mod estensiv u l-avukati jiġu attakkati b'mod persistenti; billi ġew detenuti 47 avukat fl-2017; billi madwar kwart tal-imħallfin u l-prosekuturi, li jammontaw għal aktar minn 4 000 ruħ, tkeċċew, u minn dawn ħafna ġew arrestati u f'xi każijiet sfaw bil-proprjetà tagħhom ikkonfiskata; billi dawn l-iżviluppi jdgħajfu serjament l-indipendenza u l-integrità tas-sistema ġudizzjarja tat-Turkija;

I.  billi, skont data pprovduta mill-Assoċjazzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem, fl-ewwel 11-il xahar tal-2017, total ta' 2 278 persuna ġarrbu tortura u maltrattament; billi 428 minn dawn il-każijiet kienu jinvolvu l-każ fejn persuni sfaw imsawta jew soġġetti għal metodi oħra ta' detenzjoni, filwaqt li 1 855 każ seħħew barra miċ-ċentri ta' detenzjoni, fil-kuntest ta' laqgħat u dimostrazzjonijiet li ġarrbu intervent mill-forzi tas-sigurtà;

J.  billi s-sitwazzjoni fix-Xlokk tal-pajjiż għadha waħda ta' tħassib tassew kbir; billi madwar 2 500 ruħ ġew irrappurtati maqtula fil-kuntest ta' operazzjonijiet tas-sigurtà u huwa stmat li nofs miljun persuna ġew spostati minn Lulju 2015 'il hawn; billi minħabba l-kunflitti armati fil-pajjiż kollu, total ta' 695 persuna, inklużi 183 suldat, pulizija, gwardja tal-villaġġi, 460 militant, u 52  persuna ċivili tilfu ħajjithom matul l-ewwel 11-il xahar tal-2017; billi sensiela ta' liġijiet, li jinkludu l-Liġi Nru 6722 dwar il-protezzjoni legali tal-forzi tas-sigurtà li jipparteċipaw fil-ġlieda kontra l-organizzazzjonijiet terroristiċi, adottata fl-2016, ħolqot atmosfera ta' "impunità sistematika" għall-forzi tas-sigurtà; billi l-prosekuturi lokali konsistentement irrifjutaw li jiftħu investigazzjonijiet dwar il-każijiet allegati ta' qtil u l-osservaturi indipendenti ġew imċaħħda milli jkollhom aċċess għaż-żona; billi 68 sindku Kurd għadhom il-ħabs; billi d-Digrieti ta' Stat ta' Emerġenza ġew ippubblikati fil-Gazzetta Uffiċjali fl-24 ta' Diċembru 2017 u introduċew, inter alia, "in-nonresponsabilità kriminali għall-persuni ċivili li jaġixxu biex irażżnu attentat ta' kolp ta' stat u atti ta' terrur";

K.  billi fost il-ġurnalisti u l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu detenuti hemm, pereżempju, il-ġurnalista Tork-Ġermaniż Deniz Yücel; ir-reporter Torka-Finlandiża Ayla Albayrak, ikkundannat in absentia; l-akkademiku u kittieb ta' rubrika f'ġurnal Mehmet Altan u tal-ġurnalista Şahin Alpay; u għadd kbir ta' ġurnalisti u membri tal-persunal tal-ġurnal ta' kuljum "Cumhuriyet", inkluż Ahmet Şık;

L.  billi, wara li saret l-emenda kostituzzjonali li tneħħi l-immunità parlamentari ta' għadd kbir ta' Membri Parlamentari, bosta Membri Parlamentari tal-oppożizzjoni ffaċċjaw proċedimenti ġudizzjarji u detenzjoni fuq il-bażi ta' akkużi relatati mat-terroriżmu u akkużi oħra, minħabba l-eżerċizzju leġittimu tagħhom tad-dritt tal-libertà tal-espressjoni; billi 10 Membri Parlamentari għadhom jinsabu detenuti, inklużi l-Ko-Presidenti tal-HDP Figen Yuksekdag u Selahattin Demirtas u l-Membru Parlamentari tas-CHP Enis Berberoglu, u 6 membri parlamentari tneħħielhom il-mandat parlamentari tagħhom, inkluża r-rebbieħa tal-Premju Sakharov Leyla Zana;

M.  billi f'Lulju 2017 l-awtoritajiet Torok arrestaw 10 attivisti tad-drittijiet tal-bniedem (l-"Għaxra ta' Istanbul"), li tnejn minnhom għadhom il-ħabs u t-tmienja l-oħra nħelsu fuq pleġġ; billi l-qorti ta' Istanbul qalbet id-deċiżjoni tagħha stess li teħles lil Taner Kılıç, il-president ta' Amnesty International, tat-Turkija, fl-1 ta' Frar 2018, u b'hekk żammitu detenut tul iż-żmien kollu tal-proċess tiegħu;

N.  billi wieħed mill-mexxejja ewlenin tas-soċjetà ċivili tat-Turkija, Osman Kavala, ġie arrestat fit-18 ta' Ottubru 2017, u nżamm il-ħabs minn dak iż-żmien fuq l-akkuża li huwa "ippruva jwaqqa' l-gvern" billi appoġġja l-protesti fil-Park ta' Geżi f'Diċembru 2013;

O.  billi r-repressjoni kontra d-dissens politiku permezz tal-midja soċjali għadha għaddejja; billi 573 persuna, inkluż l-attivist Nurcan Baysal u membri tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Medika Torka, ġew arrestati talli ppustjaw kummenti fuq il-midja soċjali li kienu kritiċi lejn l-inkursjoni militari tal-gvern Tork fl-enklav Sirjan ta' Afrin;

P.  billi mill-inqas 55 organizzazzjoni tad-drittijiet tan-nisa ngħalqu minn Lulju 2016; billi fid-19 ta' Novembru 2017, l-Uffiċċju tal-Gvernatur ta' Ankara ddeċieda li jimponi projbizzjoni indefinita fuq kwalunkwe avveniment organizzat minn organizzazzjonijiet LGBTI;

1.  Itenni l-kundanna qawwija tiegħu fir-rigward tat-tentattiv ta' kolp ta' stat tas-16 ta' Lulju 2016, u jesprimi s-solidarjetà tiegħu maċ-ċittadini tat-Turkija; jirrikonoxxi d-dritt u r-responsabilità tal-gvern Tork li jieħu azzjoni sabiex l-awturi jitressqu quddiem il-ġustizzja, filwaqt li jiggarantixxi r-rispett għall-istat tad-dritt u d-dritt għal proċess ġust; jenfasizza, madankollu, li t-tentattiv fallut ta' kolp ta' stat militari bħalissa qed jintuża biex tinħonqu ulterjorment l-oppożizzjoni leġittima u paċifika u biex, permezz ta' azzjonijiet u miżuri sproporzjonati u illegali, il-ġurnalisti u l-midja jinżammu milli jeżerċitaw b'mod paċifiku l-libertà tal-espressjoni;

2.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar id-deterjorament li għaddej tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u tal-istat tad-dritt fit-Turkija, u n-nuqqas ta' indipendenza tal-ġudikatura; jikkundanna l-użu ta' arresti arbitrarji u fastidju ġudizzjarju u amministrattiv biex jiġu ppersegwitati għexieren ta' eluf ta' nies, fosthom difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, membri ta' organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili, avukati, imħallfin u attivisti politiċi, ħaddiema fil-midja, trejdunjonisti u akkademiċi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Torok biex minnufih u mingħajr kundizzjonijiet jeħilsu lil dawk kollha li ġew arrestati biss talli wettqu l-ħidma leġittima tagħhom u eżerċitaw id-drittijiet tagħhom għal-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni, u li qed jinżammu arrestati mingħajr evidenza ċara ta' attività kriminali; jitlob li jitneħħa l-istat ta' emerġenza fil-pajjiż u jiġu revokati d-digrieti ta' emerġenza;

3.  Jenfasizza li l-ġurnalisti m'għandhomx jiġu detenuti abbażi tal-kontenut tal-ġurnaliżmu tagħhom jew tal-affiljazzjonijiet allegati tagħhom; jissottolinja l-ħtieġa li jkun żgurat li d-detenzjoni provviżorja tibqa' eċċezzjoni; jiddispjaċih li dispożizzjonijiet ta' emerġenza ntużaw ukoll biex jiffastidjaw lil membri tal-familja ta' ġurnalisti u ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li ħarbu minn pajjiżhom jew qed jistaħbew, inkluż billi ġew ikkanċellati l-passaporti tagħhom jew billi ġew arrestati temporanjament;

4.  Jistieden lill-Gvern Tork joffri lill-persuni kollha soġġetti għal miżuri restrittivi rimedji adegwati u effettivi kif ukoll stħarriġ ġudizzjarju skont l-istat tad-dritt; jenfasizza li l-preżunzjoni ta' innoċenza hija prinċipju fundamentali fi kwalunkwe stat kostituzzjonali; jiddeplora r-restrizzjonijiet severi li saru fuq l-aċċess għal avukati minn detenuti; jistieden lit-Turkija tirrevedi, bħala kwistjoni ta' urġenza, in-natura tal-"Kummissjoni ta' Inkjesta għal Prattiki ta' Stat ta' Emerġenza" b'tali mod li din issir kummissjoni soda u indipendenti li tkun kapaċi tagħti trattament individwali għal kull każ, tipproċessa b'mod effettiv l-għadd enormi ta' applikazzjonijiet li tirċievi u tiżgura li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx ittardjat bla bżonn; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ta' Inkjesta biex tagħmel pubbliċi d-deċiżjonijiet tagħha; fin-nuqqas ta' dan, jistieden lill-awtoritajiet Torok jerġgħu jdaħħlu lil dawk li tkeċċew u jirrestawraw id-drittijiet soċjali tagħhom, u jippermettu lit-trejdjunjins jeżerċitaw attività sindikalista leġittima; jenfasizza s-solidarjetà tiegħu ma' dawk kollha li tkeċċew mil-pożizzjonijiet tagħhom mingħajr ma kellhom l-opportunità li jiddefendu lilhom infushom, bħal Nuriye Gulmen u Semih Ozakca, li bdew strajk tal-ġuħ wara li tneħħew mill-pożizzjonijiet akkademiċi tagħhom u li l-appelli għal stħarriġ tagħhom ġew miċħuda mill-Kummissjoni ta' Inkjesta fis-26 ta' Jannar 2018;

5.  Jenfasizza li t-terroriżmu qed jibqa' jkun ta' theddida diretta għaċ-ċittadini tat-Turkija, u jenfasizza l-importanza tal-ħtieġa li tiġi intensifikata l-kooperazzjoni eżistenti bejn l-UE u t-Turkija sabiex tiġi miġġielda t-theddida tat-terroriżmu b'mod effettiv; itenni, madankollu, li l-leġiżlazzjoni Torka kontra t-terroriżmu, li hija definita b'mod wiesa', m'għandhiex tintuża biex tikkastiga liċ-ċittadini u lill-midja talli jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' espressjoni; jikkundanna, f'dan ir-rigward, id-detenzjoni u l-proċess ta' mill-inqas 146 akkademiku minn universitajiet pubbliċi u privati f'Istanbul li ffirmaw il-petizzjoni "Akkademiċi għall-Paċi", u jikkundanna bl-istess mod l-aktar arresti reċenti ta' ġurnalisti, attivisti, tobba u ċittadini ordinarji talli esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għall-operazzjoni militari Torka f'Afrin;

6.  Jinsab tassew imħasseb dwar il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni, u jistieden lill-awtoritajiet Torok jwettqu investigazzjoni bir-reqqa dwar allegazzjonijiet ta' trattament ħażin serju tal-priġunieri, kif irrappurtat minn bosta organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem; itenni l-appell tiegħu għal pubblikazzjoni tar-rapport tal-Kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Prevenzjoni tat-Tortura (Rapport CPT), u jappella biex dawk ħatja minn ksur tad-drittijiet tal-bniedem jerfgħu responsabilità sħiħa u jiġu kkastigati; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Torok jippermettu li osservaturi nazzjonali u internazzjonali jissorveljaw il-faċilitajiet ta' detenzjoni;

7.  Jinsab imħasseb serjament dwar l-għeluq ta' aktar minn 160 stabbiliment tal-midja permezz ta' digriet eżekuttiv taħt l-istat ta' emerġenza; jikkundanna l-pressjoni politika fuq il-ġurnalisti u t-tentattivi mill-awtoritajiet Torok li jintimidaw lill-korrispondenti barranin u jkeċċuhom mill-pajjiż; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' dawk kollha li ġew arrestati mingħajr provi, inklużi ċittadini tal-UE bħal pereżempju l-ġurnalist Ġermaniż Deniz Yücel, li ilu miżmum il-ħabs sena, inklużi disa' xhur f'iżolament, filwaqt li l-ebda akkużi formali għadhom ma tressqu kontrih, u l-ġurnalista Finlandiża tal-Wall Street Journal Ayla Albayrak, li ġiet ikkundannata f'Ottubru 2017 in absentia fuq akkużi ta' terroriżmu għal 25 xahar ħabs minħabba artiklu dwar is-sitwazzjoni fix-Xlokk tat-Turkija; jilqa' l-fatt li xi ġurnalisti u persunal tal-gazzetta tal-oppożizzjoni Cumhuriyet ġew illiberati wara xahar ħabs, u jappella wkoll għall-ħelsien immedjat ta' erba' ġurnalisti ta' Cumhuriyet li għadhom il-ħabs - il-Kap Eżekuttiv Akin Atalay, il-Kap Editur Murat Sabuncu, il-ġurnalist investigattiv Ahmet Şık u l-kontabbli Emre Iper - u tal-ġurnalisti l-oħra kollha arrestati fit-Turkija abbażi ta' akkużi motivati politikament;

8.  Huwa mħasseb ħafna dwar ir-repressjoni massiċċa kontra l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tat-Turkija, fejn 1125 assoċjazzjoni u 41 fondazzjoni ngħalqu bl-użu ta' digrieti ta' emerġenza, u b'mod partikolari dwar l-arrest ta' wieħed mill-mexxejja ewlenin tal-NGOs, Osman Kavala; jikkundanna d-dikjarazzjonijiet li għamel il-President Erdogan fejn sejjaħ lil Kavala "aġent" u r-"Red Soros tat-Turkija", filwaqt li ebda akkuża għadha ma ġiet ifformulata kontrih; iħeġġeġ lill-gvern Tork jeħles lil Kavala billi l-arrest tiegħu huwa politiċizzat u arbitrarju; jinsab ferm imħasseb dwar il-fatt li l-politiċi baqgħu jikkundannaw u jintimidixxu pubblikament lill-ġurnalisti, l-edituri, l-akkademiċi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għall-opinjonijiet kritiċi tagħhom; huwa estremament imħasseb dwar iż-żieda fl-użu ta' diskors ta' mibegħda minn uffiċjali, inklużi rappreżentanti għoljin tal-istat;

9.  Jikkundanna d-dikjarazzjoni li saret mill-Uffiċċju tal-Gvernatur ta' Ankara fit-19 ta' Novembru 2017 rigward id-deċiżjoni li jimponi projbizzjoni indefinita fuq kwalunkwe avveniment organizzat minn organizzazzjonijiet LGBTI, wara tlett projbizzjonijiet konsekuttivi tal-Istanbul Pride u parati "Pride" oħra fil-pajjiż; jiddispjaċih li wara din id-dikjarazzjoni, reġjuni oħra fit-Turkija pprojbixxew avvenimenti LGBTI; jenfasizza li dan qed isir bi ksur serju tad-dritt għal-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' għaqda, kif iggarantiti fl-Artikoli 26, 33 u 34 tal-Kostituzzjoni Torka, kif ukoll l-Artikoli 19 u 21 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR); jistieden lill-awtoritajiet Torok jirrevokwa immedjatament il-projbizzjoni u jeħilsu lill-attivist ewlieni LGBTI Ali Erol, li ġie arrestat reċentement;

10.  Jinsab tassew imħasseb li l-avukati, l-imħallfin u l-prosekuturi qed jibqgħu jissubixxu pressjoni politika qawwija, inklużi sensji u arresti; jistieden lit-Turkija tistabbilixxi mill-ġdid u timplimenta l-garanziji legali kollha biex tiżgura rispett sħiħ għall-indipendenza tal-ġudikatura, u timplimenta b'mod urġenti r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja;

11.  Jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni tal-Parlament Tork li jneħħi b'mod mhux kostituzzjonali l-immunità ta' numru kbir ta' membri parlamentari, biex bhekk witta t-triq għall-arresti reċenti ta' 10 membri parlamentari tal-oppożizzjoni, inklużi l-kopresidenti tal-Partit Demokratiku Popolari (HDP), Figen Yuksekdag u Selahattin Demirtas, filwaqt li ġie revokat il-mandat ta' 6 membri parlamentari tal-oppożizzjoni, inkluż l-iktar reċentement dak tar-rebbieħa tal-Premju Sakharov, Leyla Zana; itenni s-solidarjetà tiegħu mal-membri parlamentari eletti b'mod leġittimu, li huma soġġetti għal detenzjoni u intimidazzjoni, u jappella għar-rispett tal-mandat tagħhom u d-dritt tagħhom għal difiża xierqa fil-qorti, u għall-ħelsien tagħhom; jikkundanna l-arrest ta' 68 sindku Kurd; jikkundanna s-sostituzzjoni arbitrarja ta' rappreżentanti eletti lokali, li qed iddgħajjef ulterjorment l-istruttura demokratika tat-Turkija;

12.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni fix-Xlokk tat-Turkija, speċjalment fl-oqsma fejn huma imposti curfews, fejn tintuża forza eċċessiva u jiġu applikati kastigi kollettivi; iħeġġeġ lit-Turkija tfassal pjan għall-integrazzjoni mill-ġdid effettiva tan-nofs miljun persuna spostata internament; itenni l-kundanna tiegħu fir-rigward tal-użu mill-ġdid tal-vjolenza min-naħa tal-PKK, li ilu fuq il-lista tat-terroristi tal-UE mill-2002, u jħeġġu jċedi l-armi u juża mezzi paċifiċi u demokratiċi biex jagħti vuċi lill-aspettativi tiegħu; ifakkar li l-Gvern Tork għandu responsabilità li jipproteġi liċ-ċittadini kollha tiegħu; jiddeplora l-prattika mifruxa ta' esproprjazzjoni, inkluż ta' proprjetajiet li jappartjenu lill-muniċipalitajiet; jinsab konvint li hija biss soluzzjoni politika ġusta fir-rigward tal-kwistjoni Kurda li tista' ġġib stabilità u prosperità sostenibbli, kemm liż-żona kif ukoll lit-Turkija kollha kemm hi, u għalhekk jistieden liż-żewġ naħat biex jerġgħu lura għall-mejda tan-negozjati;

13.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar kif taħdem is-sistema legali fit-Turkija wara d-deċiżjoni tal-qorti kriminali ta' Istanbul li żżomm fil-ħabs żewġ ġurnalisti, Mehmet Altan u Sahin Alpay, wara t-talba tal-qorti kostituzzjonali għall-ħelsien tagħhom fuq il-bażi li d-drittijiet tagħhom kienu ġew miksura waqt li kienu jinsabu l-ħabs; jappoġġja l-istedina li saret mill-VP/RGħ Mogherini u l-Kummissarju Hahn fejn iddikjaraw li l-UE tistenna li l-awtoritajiet Torok jiżguraw li d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tal-11 ta' Jannar 2018 tiġi implimentata u li l-ġurnalisti jiġu meħlusa mingħajr dewmien; jiddispjaċih ħafna dwar l-arrest mill-ġdid reċenti tal-president ta' Amnesty International tat-Turkija, Taner Kılıçwhich, li huwa ġeneralment meqjus bħala parodija tal-ġustizzja, u jappella biex l-akkużi kontrih u kontra l-kodifensuri tiegħu (l-"Istanbul Ten") jitwaqqgħu peress li għadha ma tressqet ebda evidenza konkreta kontrihom;

14.  Iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli, lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, mal-interlokuturi Torok tagħhom, ikomplu jqajmu l-kwistjoni dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti politiċi, l-avukati, il-ġurnalisti u l-akkademiċi arrestati, u biex jipprovdu appoġġ diplomatiku u politiku għalihom, inklużi l-osservazzjoni tal-proċessi legali u l-monitoraġġ tal-każijiet;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija.

 

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0423.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2017)0306.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Frar 2018Avviż legali