Proċedura : 2018/2527(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0097/2018

Testi mressqa :

B8-0097/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 08/02/2018 - 12.10
CRE 08/02/2018 - 12.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0040

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 425kWORD 48k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0082/2018
5.2.2018
PE614.406v01-00
 
B8-0097/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija  (2018/2527(RSP))


Takis Hadjigeorgiou, Marie-Christine Vergiat, Martina Michels, Josu Juaristi Abaunz, Patrick Le Hyaric, Merja Kyllönen, Marie-Pierre Vieu, Marina Albiol Guzmán, Barbara Spinelli, Eleonora Forenza, Nikolaos Chountis, Rina Ronja Kari, Miguel Urbán Crespo, Lola Sánchez Caldentey, Estefanía Torres Martínez, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija  (2018/2527(RSP))  
B8‑0097/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b'mod partikolari dawk rigward ir-rapporti ta' progress annwali, u dawk tal-15 ta' Jannar 2015 dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija: l-arresti reċenti ta' ġurnalisti, ta' diriġenti tal-media u l-pressjoni sistematika fuq il-media(1) u tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-Turkija tat-18 ta' Lulju 2016,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-rapporti ta' Progress Annwali tal-Kummissjoni dwar it-Turkija,

–  wara li kkunsidra l-fatt li r-rispett tal-istat tad-dritt, b'mod partikolari r-rispett tal-libertà tal-espressjoni, huwa fil-qalba tal-proċess ta' adeżjoni,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-26 ta' Lulju 2016 mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-miżuri li ttieħdu fl-istat ta' emerġenza fit-Turkija,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1996,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew ikkundannaw bil-qawwa l-kolp ta' stat militari li falla fit-Turkija;

B.  billi t-Turkija għadha pajjiż kandidat tal-Unjoni Ewropea; billi l-użu ta' miżuri repressivi taħt l-istat ta' emerġenza mhumiex xierqa għal pajjiż kandidat u jiksru l-valuri demokratiċi li fuqhom hija bbażata l-UE u li huma kuntrarji għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR);

C.  billi, mill-kolp ’il hawn, l-awtoritajiet arrestaw 12-il membru tal-Gran Assemblea Nazzjonali Torka u madwar 150 ġurnalist, inkluż il-ġurnalist Ġermaniż Deniz Yücel, l-ogħla numru ta' ġurnalisti arrestati fi kwalunkwe pajjiż fil-preżent; billi 40 000 ruħ ġew detenuti u aktar minn 31 000 għadhom arrestati, u 129 000 impjegat pubbliku għadhom jew sospiżi (66 000) jew imkeċċija (63 000), il-parti l-kbira minnhom ma kellhom l-ebda akkuża miġjuba kontrihom; billi għadd kbir ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-uffiċjali ewlenin tal-Amnesty International fit-Turkija, ġew arrestati wkoll; billi dawn l-arresti jikkostitwixxu daqqa kbira għal-libertajiet politiċi u d-demokrazija fit-Turkija;

D.  billi l-kopresidenti Selahattin Demirtaş u Figen Yüksekdağ u tmien deputati oħra tal-partit HDP ġew arrestati fl-4 ta' Novembru 2016 mill-pulizija Torka, wara t-tneħħija tal-immunità tagħhom skont liġi ivvottata fl-20 ta' Mejju 2016;

E.  billi tkeċċew mill-inqas 50 kosindku eletti demokratikament u ġew arrestati tal-inqas 40 kosindku, filwaqt li l-gvern ħatar lil persuni ta' fiduċja biex jamministraw il-maġġoranza tal-muniċipalitajiet immexxija mis-sindki HDP;

F.  billi dan l-assalt kontinwu fuq id-drittijiet tal-bniedem mill-Gvern Tork irendi r-rieda demokratika ta' miljuni ta' votanti nulla u bla effett u jippreġudika d-dinamika diġà dgħajfa tad-demokrazija lokali fil-pajjiż;

G.  billi wara l-attentat ta' kolp ta' stat, l-awtoritajiet Torok għalqu wkoll numru estremament kbir ta' postijiet tal-media, arrestaw ġurnalisti Kurdi u oħrajn u pprojbixxew lin-nies milli jiktbu l-opinjonijiet tagħhom dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija; billi l-proċess tal-ġurnalisti ta' Chumhuriyet huwa eżempju speċifiku ta' dan;

H.  billi l-Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan (PKK) għandu jitneħħa mil-lista ta' organizzazzjonijiet terroristiċi tal-UE;

I.  billi t-Turkija għadha ma ssodisfatx il-kriterji stabbiliti għal-liberalizzazzjoni tal-viża;

J.  billi t-Turkija neħħiet salvagwardji kontra t-tortura u t-trattament ħażin taħt l-istat ta' emerġenza li ġie impost wara t-tentattiv ta' kolp ta' stat f'Lulju 2016; billi l-persuni akkużati b'terroriżmu jew li kellhom rabta ma' l-attentat ta' kolp ta' stat huma f'riskju ta' tortura fil-kustodja tal-pulizija;

K.  billi numru kbir ta' nies fil-ħabs fit-Turkija huma mċaħħda mill-aċċess għal avukat;

L.  billi l-paragrafu 5 tal-Qafas ta' Negozjar għan-Negozjati ta' Adeżjoni mat-Turkija jistipula li l-Kummissjoni, fil-każ ta' ksur serju u persistenti tal-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali u tal-istat tad-dritt, tista' tirrakkomanda s-sospensjoni tan-negozjati u tipproponi l-kundizzjonijiet għat-tkomplija tagħhom; billi t-Turkija m'għadhiex tikkonforma biżżejjed mal-kriterji ta' Kopenhagen peress li ma tirrispettax il-valuri tal-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; billi waqfien temporanju tan-negozjati jkun ifisser li t-taħditiet kurrenti jiġu ffriżati, li ma jinfetaħ l-ebda kapitolu ġdid u ma titwettaq l-ebda inizjattiva ġdida bi rbit mal-adeżjoni tat-Turkija mal-UE;

M.  billi l-invażjoni tas-Sirja min-naħa tat-Turkija tikser il-kriterji bħala pajjiż kandidat;

1.  Ifakkar fit-talba tiegħu, li tinsab fir-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, biex in-negozjati ta' adeżjoni jiġu ffriżati u biex it-tkomplija tagħhom titqies biss meta jkun reġa' ġie stabbilit l-istat tad-dritt;

2.  Jikkundanna l-estensjoni tal-istat ta' emerġenza mħabbar mill-Gvern Tork fil-5 ta' Jannar 2018;

3.  Jikkundanna bil-qawwa l-intervent militari Tork fil-Majjistral tas-Sirja u l-ksur tal-integrità territorjali u s-sovranità tas-Sirja, li diġà kkawżat tużżani ta' mwiet u mijiet ta' korrimenti, inklużi persuni ċivili; jitlob għal embargo tal-armi kontra t-Turkija; jitlob li tintemm immedjatament l-invażjoni u li t-truppi Torok jirtiraw mir-reġjun Afrin;

4.  Jikkundanna bil-qawwa l-miżuri kollha mhux iġġustifikati bla riżervi wara t-tentattiv fallut ta' kolp ta' stat ta' Lulju 2016, li wasslu għall-priġunerija ta' eluf ta' persuni, inklużi l-uffiċjali taċ-ċivil, maġistrati, avukati, ġurnalisti, akkademiċi, u d-deputati, is-sindki u dawk tal-partit eżekuttiv tal-HDP; bl-istess mod jikkundanna kwalunkwe detenzjoni provviżorja bbażati jew fuq kriterji politiċi jew fuq suspetti mhux motivati ta' "tifħir għal organizzazzjoni terroristika"; jitlob għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-kopresidenti tal-HDP Selahattin Demirtaş u Figen Yüksekda, tal-politiċi, ġurnalisti, akkademiċi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kollha arrestati, u b'mod partikolari, ta' Taner Kiliç, il-President ta' Amnesty International tat-Turkija u l-persuni kollha miżmuma mingħajr prova ta' involviment individwali fit-twettiq ta' reat jew ta' dawk mingħajr ma jinġiebu akkużi kontrihom;

5.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu fir-rigward tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija; iħeġġeġ lit-Turkija biex tikkalma l-klima politika mimlija tensjoni ta' wara l-kolp ta' stat, li ħolqot ambjent li fih trażżnu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, partikolarment il-libertà tal-espressjoni fil-media u fuq l-internet;

6.  Jappella lill-Gvern Tork biex jirrevedi – bi qbil mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-acquis tal-UE u l-prattiki tal-Istati Membri tal-UE – il-qafas ġuridiku Tork fir-rigward tal-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, kif ukoll l-interpretazzjoni tiegħu mill-qrati, il-forzi tas-sigurtà u l-aġenziji għall-infurzar tal-liġi, sabiex jiżgura d-dritt għal-libertà u s-sigurtà, id-dritt għal proċess ġust u d-dritt, fil-prattika, għal-libertà tal-espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni;

7.  Jiddispjaċih għall-fatt li t-Turkija qed tuża l-kwistjoni tal-migranti u tar-rifuġjati bħala għodda ta' negozjar mal-UE, u jistieden lill-partijiet kollha jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem kollha u tad-dritt internazzjonali fir-rigward tal-migranti u r-rifuġjati; jitlob lill-UE u l-Kapijiet tal-Istat u l-Gvernijiet tal-Istati Membri biex jirrevokaw id-Dikjarazzjoni UE-Turkija, billi jtemmu dan il-ftehim mingħajr ma jiġi kkundizzjonat il-proċess għal-liberalizzazzjoni tal-viżi;

8.  Jistieden lill-Gvern Tork biex iħares id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni kollha, inklużi dawk li jgħixu u jaħdmu fit-Turkija, fi bżonn ta' protezzjoni internazzjonali;

9.  Jikkundanna bil-qawwa ż-żieda fl-għadd ta' każijiet ta' tortura ta' detenuti fil-ħabsijiet;

10.  Jikkundanna l-approċċ awtoritarju meħud mill-President Erdoğan, mhux biss ġewwa t-Turkija iżda wkoll barra minnha, u t-tentattivi biex jimponi miżuri restrittivi u oppressivi taċ-ċittadini Ċiprijotti Torok u l-ġurnalisti, b'Afrika Newspaper f'Ċipru bħala l-aktar eżempju reċenti;

11.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-attakki terroristiċi kollha mwettqa fit-Turkija, u jappoġġja bis-sħiħ il-poplu tat-Turkija;

12.  Jikkundanna kull forma ta' vjolenza u jenfasizza l-fatt li soluzzjoni paċifika għall-kwistjoni tal-Kurdi hija meħtieġa wkoll għall-futur demokratiku tat-Turkija, u tista' tintlaħaq biss billi jiġu involuti l-partijiet kollha u l-forzi demokratiċi kkonċernati; jitlob biex jerġgħu jibdew in-negozjati bil-għan li tinkiseb soluzzjoni komprensiva u sostenibbli għall-kwistjoni tal-Kurdi; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu għat-tneħħija tal-PKK mil-lista ta' organizzazzjonijiet terroristiċi tal-UE;

13.  Jikkundanna kwalunkwe rigressjoni tad-drittijiet tan-nisa fit-Turkija u jiddeplora b'mod partikolari l-abbozz ta' liġi propost fil-Parlament Tork li jippermetti lill-irġiel akkużati bi stupru ta' bniet taħt l-età biex jinħelsu jekk jiżżewġuhom; jikkundanna d-dikjarazzjoni tal-President Erdoğan li lest li jeħles lil dawk akkużati bi stupru sabiex jinħoloq spazju fil-ħabsijiet;

14.  Huwa mħasseb dwar l-aħħar dikjarazzjoni tal-President Erdoğan li m'hemmx LGBTI fit-Turkija; jikkundanna l-istqarrija mill-Uffiċċju tal-Gvernatur ta' Ankara tad-19 ta' Novembru 2017 rigward id-deċiżjoni li jiġi pprojbit b'mod indefinit kwalunkwe avveniment organizzat mill-organizzazzjonijiet LGBTI; jinsab imħasseb li dan ġej minn tliet projbizzjonijiet konsekuttivi ta' "Istanbul Pride" u parati "Pride"oħrajn fir-reġjun; jiddispjaċih mill-fatt li, minn mindu ħarġet id-dikjarazzjoni, reġjuni oħra pprojbixxew ukoll avvenimenti tal-LGBTI; jenfasizza li dan huwa bi ksur kbir tad-dritt għal-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' għaqda, kif minquxa fl-Artikoli 26, 33 u 34 tal-Kostituzzjoni Torka, kif ukoll l-Artikoli 19 u 21 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR); jistieden lill-awtoritajiet Torok biex jirrevokaw minnufih il-projbizzjoni u jirrestawraw id-dritt għal-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' għaqda;

15.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni immedjata biex iwaqqfu l-invażjoni fil-Majjistral tas-Sirja u biex iressqu inizjattivi li jwasslu għal soluzzjoni ta' paċi dejjiema fis-Sirja; jistieden lill-VP/RGħ biex tirreaġixxi għal din is-sitwazzjoni sabiex tiżgura r-rispett tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u l-Parlament tat-Turkija.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0014.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0423.

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Frar 2018Avviż legali