Proċedura : 2018/2527(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0103/2018

Testi mressqa :

B8-0103/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 08/02/2018 - 12.10
CRE 08/02/2018 - 12.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0040

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 419kWORD 51k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0082/2018
5.2.2018
PE614.412v01-00
 
B8-0103/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-qagħda attwali tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija (2018/2527(RSP))


Cristian Dan Preda, Renate Sommer, David McAllister, Julia Pitera, Laima Liucija Andrikienė, Esther de Lange, Lorenzo Cesa, Bogdan Andrzej Zdrojewski

f'isem il-Grupp PPE

<<<


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qagħda attwali tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija (2018/2527(RSP))  
B8-0103/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali 2016 dwar it-Turkija, ippubblikat mill-Kummissjoni fid-9 ta' Novembru 2016 (SWD(2016)0366),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2156 (2017) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fit-Turkija,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju Johannes Hahn, sena wara t-tentattiv ta' kolp ta' stat fit-Turkija fl-14 ta' Lulju 2017,

–  wara li kkunsidra d-Djalogu Politiku ta' Livell Għoli bejn l-UE u t-Turkija tal-25 ta' Lulju 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-26 ta' Ottubru 2017 mill-Kelliem għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar każijiet li għadhom għaddejja tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju Johannes Hahn, tat-2 ta' Frar 2018 dwar l-aħħar żviluppi fit-Turkija,

–  wara li kkunsidra d-dritt għal-libertà tal-espressjoni minqux fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li tagħhom it-Turkija hija stat parti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-Turkija hija sieħba importanti tal-UE u, bħala pajjiż kandidat, mistennija tirrispetta l-ogħla standards tad-demokrazija, inkluż ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istat tad-dritt, tal-libertajiet fundamentali u tad-dritt universali għal proċess ġust;

B.  billi kien hemm żieda preokkupanti ta' priġunerija ta' numru kbir ta' membri tal-oppożizzjoni demokratika, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, avukati, akkademiċi u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fit-Turkija;

C.  billi fost id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem quddiem il-qrati hemm il-President ta' Amnesty International fit-Turkija, Taner Kılıç, u l-hekk imsejħa Istanbul 10: Idil Eser, Özlem Dalkıran, Günal Kurşun, Veli Acu, Ali Gharavi, Peter Steudtner, İlknur Üstün, Şeyhmus Özbekli, Nejat Taştan and Nalan Erkem;

D.  billi d-detenzjoni reċenti tal-attivist tal-paċi Osman Kavala, promotur ta' relazzjonijiet tajbin bejn l-UE u t-Turkija, hija l-aħħar fost każijiet inkwetanti;

E.  billi Leyla Zana, membru tal-Parlament Tork u Rebbieħa tal-Premju Sakharov fl-1995, b'dispjaċir tneħħiela l-istatus tagħha ta' Membru tal-Parlament, b'vot fil-Parlament Tork, għar-raġuni li hija ma ħaditx il-ġurament parlamentari tagħha skont l-Artikolu 81 tal-Kostituzzjoni u ma attendietx 212-il sessjoni minn mindu ġiet eletta f'Novembru 2015;

F.  billi l-viċi president tal-Partit Demokratiku tal-Poplu (HDP) Selahattin Demirtaş, li jinsab taħt detenzjoni flimkien mal-viċi president tal-HDP Figen Yüksekda, ma tħalliex jidher quddiem il-qorti għal raġunijiet ta' sigurtà;

G.  billi l-ġurnalist Deniz Yücel (Die Welt) inżamm il-ħabs mis-27 ta' Frar 2017 mingħajr akkuża;

H.  billi fit-18 ta' Jannar 2018, il-Parlament Tork estenda l-istat ta' emerġenza fit-Turkija għal tliet xhur oħra; billi l-miżuri repressivi tal-Gvern Tork taħt l-istat ta' emerġenza huma sproporzjonati u jmorru kontra d-drittijiet u l-libertajiet bażiċi protetti mill-Kostituzzjoni Torka, tal-valuri demokratiċi li fuqhom tissejjes l-Unjoni Ewropea, u tal-ICCPR;

I.  billi, fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Turkija fir-rigward tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-istampa, il-fondi ta' qabel l-adeżjoni tat-Turkija tnaqqsu b'EUR 105 miljun meta mqabbel mal-proposta inizjali tal-Kummissjoni għall-baġit tal-UE għall-2018, b'ammont addizzjonali ta' EUR 70 miljun f'riżerva sakemm il-pajjiż jagħmel "titjib suffiċjenti u kwantifikabbli" f'dawn l-oqsma;

J.  billi l-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew ikkundannaw bil-qawwa l-kolp ta' stat militari fallut fit-Turkija u rrikonoxxew ir-responsabbiltà leġittima tal-awtoritajiet Torok li jipprosegwixxu lil dawk responsabbli u involuti f'dan l-attentat;

K.  billi t-Turkija nediet operazzjoni ġdida tal-art u tal-ajru, imsejħa "Operation Olive Branch" (Operazzjoni Fergħa taż-Żebbuġa), f'Afrin fis-Sirja fid-19 ta' Jannar sabiex jitkeċċew l-Unitajiet ta' Protezzjoni tal-Poplu Kurd (YPG); billi l-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà qalet li kienet inkwetata għal żewġ raġunijiet ewlenin: "naħa waħda hija dik umanitarja – jeħtieġ li niżguraw li l-aċċess umanitarju huwa ggarantit u li l-popolazzjoni ċivili u n-nies m'humiex qed isofru minn attivitajiet militari fuq il-post", u li l-operazzjoni "tista' tfixkel serjament it-tkomplija tat-taħdidiet f'Ġinevra, li huwa dak li, aħna nemmnu, jista' verament iġib paċi u sigurtà sostenibbli għas-Sirja";

1.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija; jenfasizza li l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-għaqda u ta' assoċjazzjoni huma pilastri fundamentali ta' soċjetà demokratika, u li l-libertajiet fundamentali għandhom ikunu rispettati bis-sħiħ;

2.  Jikkundanna l-użu tad-detenzjoni arbitrarja u tal-fastidju ġudizzjarju u amministrattiv; jistieden lill-Gvern Tork biex ireġġa' lura x-xejra kontinwa ta' tkeċċijiet, sospensjonijiet u arresti, inkluż dawk ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti, rappreżentanti eletti, avukati, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u akkademiċi; jenfasizza li dawn il-persuni għandhom ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom;

3.  Jinsab tassew imħasseb dwar ir-rapporti ta' trattament ħażin u ta' tortura ta' priġunieri;

4.  Iħeġġeġ lill-Gvern Tork ineħħi immedjatament l-istat ta' emerġenza;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet Torok biex jirrispettaw il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza;

6.  Huwa serjament imħasseb dwar id-deċiżjoni li tiġi injorata d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tat-Turkija rigward il-ħelsien tal-ġurnalisti Mehmet Altan u Sahin Alpay; jinnota li dan jikkostitwixxi deterjorazzjoni ulterjuri tal-istat tad-dritt;

7.  Jikkundanna bil-qawwa t-tentattiv ta' kolp ta' stat fit-Turkija tal-15 ta' Lulju 2016; jirrikonoxxi d-dritt u r-responsabbiltà tal-Gvern Tork li jirreaġixxi għat-tentattiv ta' kolp ta' stat;

8.  Jenfasizza, madankollu, li t-tentattiv ta' kolp ta' stat militari fallut ma jistax jintuża bħala skuża mill-Gvern Tork biex joħnoq l-oppożizzjoni leġittima u paċifika u biex, permezz ta' azzjonijiet u miżuri sproporzjonati u illegali, iżomm lill-ġurnalisti u lill-midja milli jeżerċitaw b'mod paċifiku l-libertà tal-espressjoni;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet Torok jeħilsu minnufih u jwaqqfu l-prosekuzzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi tal-ġurnalisti, inkluż ta' Taner Kılıç, tal-ġurnalisti, inkluż ta' Deniz Yücel, tar-rappreżentanti eletti, tal-avukati u tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, inkluż ta' Osman Kavala, u ta' akkademiċi, li qed jinżammu mingħajr evidenza ċara ta' attività kriminali; jistieden lill-awtoritajiet Torok biex jilliberaw lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Idil Eser, Özlem Dalkıran, Günal Kurşun, Veli Acu, Ali Gharavi, Peter Steudtner, İlknur Üstün, Şeyhmus Özbekli, Nejat Taştan u Nalan Erkem;

10.  Huwa mħasseb serjament dwar in-nuqqas ta' rispett għal-libertà tar-reliġjon u dwar iż-żieda tad-diskriminazzjoni kontra l-Insara; jiddeplora l-intenzjoni tal-Gvern Tork biex tinbena l-hekk imsejħa "Ilısudam" fir-rotta superjuri tat-Tigris, li se tpoġġi l-belt ta' Hasankeyf li oriġinarjament kienet Aramej-Nisranija taħt l-ilma; jikkundanna l-konfiska ta' 50 knisja Aramej, monasteri u ċimiterji f'Mardin; jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod urġenti tindirizza dawn il-kwistjonijiet mal-awtoritajiet Torok;

11.  Jinnota bi tħassib li kwart mill-imħallfin u mill-prosekuturi, wieħed minn kull għaxra tal-korp tal-pulizija, 110 000 uffiċjal u kważi 5 000 akkademiku tkeċċew mill-impjieg tagħhom minn Lulju 2016, li qed ifixkel il-funzjonament tal-amministrazzjoni, tas-servizzi ċivili ta' kuljum u tal-universitajiet;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija.

 

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Frar 2018Avviż legali