Proċedura : 2018/2568(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0122/2018

Testi mressqa :

B8-0122/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 01/03/2018 - 8.9

Testi adottati :

P8_TA(2018)0051

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 448kWORD 74k
22.2.2018
PE616.051v01-00
 
B8-0122/2018

imressqa skont l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 59122 (DAS-59122-7) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (2018/2568(RSP))


Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Member responsible: Bart Staes, Lynn Boylan, Eleonora Evi, Guillaume Balas, Valentinas Mazuronis, Sirpa Pietikäinen

 


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 59122 (DAS-59122-7) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (2018/2568(RSP))  
B8-0122/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 59122 (DAS-59122-7) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 11(3) u 23(3) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, tas-16 ta' Jannar 2018, li matulha ma ngħatat l-ebda opinjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(2),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel fit-18 ta' Mejju 2017, u ppubblikata fid-29 ta' Ġunju 2017(3),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (COM(2017)0085, COD(2017)0035),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw l-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati(4),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/702/KE awtorizzat it-tqegħid fis-suq ta' ikel u għalf li jkun fihom, ikunu jikkonsistu minn jew li jkunu prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat 59122 ("Qamħirrum ĠM 59122"); billi, qabel dik id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, fit-23 ta' Marzu 2007, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adottat opinjoni favorevoli skont l-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li ġiet ippubblikata fit-3 ta' April 2007(5) ("l-ewwel opinjoni tal-EFSA");

B.  billi fid-19 ta' Lulju 2016, Pioneer Overseas Corporation u Dow AgroSciences Ltd. ("l-applikant") ippreżentaw b'mod konġunt applikazzjoni għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' ikel u għalf li fihom, li jikkonsistu minn, jew li ġew prodotti minn qamħirrum ĠM 59122 skont l-Artikoli 11 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003; billi dik l-applikazzjoni kopriet ukoll l-introduzzjoni fis-suq tal-qamħirrum ġenetikament modifikat 59122 fi prodotti li jikkonsistu minnu jew li jkun fihom dan il-qamħirrum għal użu ieħor għajr għall-ikel u għall-għalf bħal kwalunkwe tip ta' qamħirrum ieħor, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni;

C.  billi fit-18 ta' Mejju 2017, l-EFSA adottat opinjoni favorevoli, skont l-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li ġiet ippubblikata fid-29 ta' Ġunju 2017(6) ("it-tieni opinjoni tal-EFSA");

D.  billi l-qamħirrum ĠM 59122 jesprimi l-proteini CRY34Ab1 u CRY35Ab1 li jagħtu reżistenza għal pesti insetti koleotterani li jappartjenu għall-genus Diabrotica bħal-larva tad-dudu tal-għeruq tal-qamħirrum tal-Punent (western corn rootworm), u l-proteina PAT li tagħti tolleranza għall-erbiċidi li jkun fihom il-glufosinat;

E.  billi r-Regolament (UE) Nru 1829/2003 jiddikjara li ikel jew għalf ġenetikament modifikat ma għandux ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa umana, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent u li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħrajn li jkunu rilevanti għall-kwistjoni li tkun qed tiġi kkunsidrata fl-abbozzar tad-deċiżjoni tagħha;

F.  billi l-Istati Membri ppreżentaw bosta kummenti kritiċi fir-rigward tal-ewwel opinjoni tal-EFSA matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur(7) dwar, fost oħrajn, il-pjan ta' sorveljanza insuffiċjenti, ir-riskju ta' esponiment għat-tossini BT ta' organiżmi li mhumiex fil-mira, l-assenza ta' bażi għall-konklużjoni li prodotti tal-għalf minn qamħirrum ĠM 59122 huma sostanzjalment ekwivalenti, għandhom nutrizzjoni ekwivalenti u huma sikuri daqs prodotti tal-għalf minn qamħirrum kummerċjali u, fir-rigward tal-istudju fuq il-firien li dam 90 jum, il-fatt li l-qamħirrum ĠM 59122 ingħata f'livell ta' doża waħda biss għall-istudju kollu, bi ksur tar-rakkomandazzjoni fil-linji gwida rilevanti tal-OECD;

G.  billi, wara l-preżentazzjoni mill-applikant għall-awtorizzazzjoni mill-ġdid, l-EFSA ntalbet tivvaluta d-data ppreżentata mill-applikant, inklużi r-rapporti ta' monitoraġġ ambjentali ta' wara t-tqegħid fis-suq u 11-il studju ta' riċerka primarja li ġew ippubblikati bejn l-2007 u l-2016; billi, abbażi tal-valutazzjoni tagħha tad-data ppreżentata, l-EFSA adottat opinjoni favorevoli (it-tieni opinjoni tal-EFSA, kif imsemmi hawn fuq), fejn ikkonkludiet li ma ġie identifikat ebda periklu jew esponiment modifikat ġdid u ebda inċertezza xjentifika ġdida li setgħu jibdlu l-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tar-riskju oriġinali dwar il-qamħirrum 59122(8);

H.  billi l-Istati Membri ressqu bosta kummenti kritiċi fir-rigward tat-tieni opinjoni tal-EFSA matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur(9) inkluż, fost oħrajn, li l-monitoraġġ li sar għall-qamħirrum ĠM 59122 ma jistax jipprovdi riżultati sinifikanti għall-valutazzjoni attwali u jsolvi l-inċertezzi assoċjati mal-valutazzjoni tar-riskju mwettqa qabel l-awtorizzazzjoni, pereżempju fir-rigward tal-esponiment tal-ambjent u li l-approċċ ta' monitoraġġ implimentat għall-qamħirrum ĠM 59122 mhuwiex konformi mar-rekwiżiti tal-Anness VII tad-Direttiva 2001/18/KE;

I  billi Stat Membru staqsa għala diversi studji pubbliċi li juru l-immunoġeniċità tal-proteini Cry fil-ġrieden ma ġewx ippreżentati mill-applikant, u għaldaqstant ivvalutati mill-EFSA, u rrakkomanda li t-tħassib dwar l-immunoġeniċità u l-aġġuvantiċità tal-proteini Cry li jidhru fil-qamħirrum ĠM 59122 għandhom jissolvew qabel ma tingħata l-awtorizzazzjoni għat-tiġdid;

J.  billi kien hemm Stat Membru li nnota li l-Unjoni approvat il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, li tqiegħed responsabbiltajiet internazzjonali kemm fuq pajjiżi esportaturi kif ukoll fuq dawk importaturi fir-rigward tad-diversità bijoloġika u li għaldaqstant huwa importanti li jitqiesu l-impatti tal-importazzjoni tal-qamħirrum ĠM 59122 fl-Unjoni, kemm fuq il-bijodiversità tal-Unjoni kif ukoll fuq il-bijodiversità fil-pajjiżi ta' kultivazzjoni;

K.  billi l-glufosinat huwa klassifikat bħala sustanza tossika għar-riproduzzjoni u għalhekk jaqa' taħt il-kriterji ta' esklużjoni stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(10); billi l-approvazzjoni tal-glufosinat tiskadi fil-31 ta' Lulju 2018(11);

L.  billi l-applikazzjoni tal-erbiċidi komplementari hija parti minn prattika agrikola regolari fil-kultivazzjoni ta' pjanti reżistenti għall-erbiċidi u għalhekk jista' jkun mistenni li r-residwi mill-bexx dejjem ser ikunu preżenti fil-ħsad u huma kostitwenti inevitabbli; billi ntwera li għelejjel ġenetikament modifikati tolleranti għall-erbiċidi jwasslu għal użu akbar ta' erbiċidi komplementari minn dawk tal-kontropartijiet konvenzjonali tagħhom(12);

M.  billi r-residwi mill-bexx bil-glufosinat ma ġew ivvalutati fl-ebda opinjoni tal-EFSA; billi r-residwi tal-glufosinat ser ikunu fl-għelejjel tal-qamħirrum ĠM 59122 importati fl-Unjoni għal użu fl-ikel u fl-għalf;

N.  billi jkun kemm inaċċettabbli mill-perspettiva tas-sikurezza tal-ikel, kif ukoll ferm inkonsistenti, li tiġi awtorizzata l-importazzjoni ta' qamħirrum ĠM li huwa tolleranti għall-glufosinat meta jitqies li l-awtorizzazzjoni għall-użu tal-glufosinat fl-Unjoni tiskadi fil-31 ta' Lulju 2018 minħabba t-tossiċità riproduttiva tiegħu(13);

O.  billi l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, imsemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, fis-16 ta' Jannar 2018, ma rriżultat fl-ebda opinjoni; billi 12-il Stat Membru vvutaw kontra, filwaqt li 12-il Stat Membru – li jirrappreżentaw 38,83 % biss tal-popolazzjoni tal-Unjoni – ivvutaw favur, u erba' Stati Membri astjenew;

P.  billi f'diversi okkażjonijiet il-Kummissjoni ddeplorat il-fatt li mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, id-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni ġew adottati mill-Kummissjoni mingħajr l-appoġġ tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, u li r-ritorn tad-dossier lill-Kummissjoni għal deċiżjoni finali, li huwa verament l-eċċezzjoni għall-proċedura kollha kemm hi, sar in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet tal-ikel u l-għalf ġenetikament modifikati; billi anke l-President Juncker iddeplora din il-prattika bħala waħda mhux demokratika(14);

Q.  billi, fit-28 ta' Ottubru 2015, il-Parlament ċaħad fl-ewwel qari l-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u talab lill-Kummissjoni tirtiraha u tressaq proposta ġdida;

R.  billi l-premessa 14 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tiddikjara li jenħtieġ li l-Kummissjoni, kemm jista' jkun, timxi b'tali mod li topponi kwalunkwe pożizzjoni predominanti li tista' tqum fil-kumitat ta' appell kontra l-idoneità ta' att ta' implimentazzjoni, speċjalment dwar kwistjonijiet sensittivi bħalma huma s-saħħa tal-konsumatur, is-sikurezza tal-ikel u l-ambjent;

1.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (UE) Nru 1829/2003;

2.  Iqis li d-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi din mhijiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(15), huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe deċiżjoni ta' implimentazzjoni rigward l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati sa ma l-proċedura ta' awtorizzazzjoni tkun ġiet riveduta b'tali mod li tindirizza n-nuqqasijiet tal-proċedura attwali, li wriet li mhix adegwata;

5.  Jistieden lil-leġiżlaturi responsabbli jkomplu b'urġenza l-ħidma fuq il-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 u jiżguraw li, fost l-oħrajn, jekk il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali ma jagħti l-ebda opinjoni fir-rigward ta' approvazzjonijiet ta' OĠM, sew għall-kultivazzjoni u sew għall-ikel u l-għalf, il-Kummissjoni tirtira l-proposta;

6.  Jistieden, b'mod partikolari, lill-Kummissjoni biex ma tawtorizza l-importazzjoni ta' ebda pjanta ġenetikament modifikata għal użu fl-ikel u fl-għalf li tkun saret tolleranti għal erbiċida komplementari li jkun ipprojbit, jew li ser jiġi pprojbit fil-futur qarib, fl-Unjoni;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

 

 

(1)

ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.

(2)

ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(3)

http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/4861

(4)

– Riżoluzzjoni tas-16 ta' Jannar 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta' prodott tal-qamħirrum (Zea mays L., il-linja 1507) ġenetikament modifikat għar-reżistenza għal ċerti organiżmi ta' ħsara lepidopterani (ĠU C 482, 23.12.2016, p. 110).

– Riżoluzzjoni tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar id-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tal-4 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 (P8_TA(2015)0456).

– Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, qamħirrum modifikat ġenetikament MON 87705 × MON 89788 (P8_TA(2016)0040).

– Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87708 × MON 89788 (P8_TA(2016)0039).

Riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mis-sojja ġenetikament modifikata FG72 (MST-FGØ72-2)(P8_TA(2016)0038).

– Riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti milll-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × GA21, u qamħirrun ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn jew tlieta minn dawk l-events (P8_TA(2016)0271).

– Riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tqegħid fis-suq ta' qronfla mmodifikata ġenetikament (Dianthus caryophyllus L., linja SHD-27531-4) (P8_TA(2016)0272).

– Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (P8_TA(2016)0388).

– Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti ta' qamħirrum ġenetikament modifikat MON 810 (P8_TA(2016)0389).

– Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 (P8_TA(2016)0386).

– Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni fis-suq għall-kultivazzjoni ta' żerriegħa ta' qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (P8_TA(2016)0387).

– Riżoluzzjoni tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat 281-24-236 × 3006-210-23 × MON 88913 (P8_TA(2016)0390).

– Riżoluzzjoni tal-5 ta' April 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21, u qamħirrun ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-events Bt11, 59122, MIR604, 1507 u GA21, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (P8_TA(2017)0123).

– Riżoluzzjoni tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat DAS-40278-9, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (P8_TA(2017)0215).

– Riżoluzzjoni tas-17 ta' Mejju 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qoton ġenetikament modifikat GHB119 (BCS-GHØØ5-8) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (P8_TA(2017)0214).

– Riżoluzzjoni tat-13 ta' Settembru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-68416-4, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0341).

– Riżoluzzjoni tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata FG72 × A5547-127, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0377).

– Riżoluzzjoni tal-4 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata DAS-44406-6, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0378).

– Riżoluzzjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat 1507 (DAS-Ø15Ø7-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0396).

– Riżoluzzjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata 305423 x 40-3-2 (DP-3Ø5423-1 × MON-Ø4Ø32-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (Testi adottati, P8_TA(2017)0397).

– Riżoluzzjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-kolza ġenetikament modifikata MON 88302 x Ms8 x Rf3 (MON-883Ø2-9 × ACSBNØØ5-8 × ACS-BNØØ3-6), MON 88302 x Ms8 (MON-883Ø2-9 × ACSBNØØ5-8) u MON 88302 x Rf3 (MON-883Ø2-9 × ACS-BNØØ3-6) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (Testi adottati, P8_TA (2017)0398).

(5)

https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/470

(6)

https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/470

(7)

Anness G - Kummenti tal-Istati Membri u tweġibiet tal-Bord tal-OĠM http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2016-00526

(8)

http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/4861

(9)

Anness G - Kummenti tal-Istati Membri u tweġibiet tal-Bord tal-OĠM http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2016-00526

(10)

ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(11)

http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:32015R0404&from=MT

(12)

https://link.springer.com/article/10.1007%2Fs00267-015-0589-7

(13)

Anness G - Kummenti tal-Istati Membri u tweġibiet tal-Bord tal-OĠM http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2013-01002

(14)

Pereżempju, fid-dikjarazzjoni inawgurali fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew inkluża fil-linji gwida politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss (Strasburgu, il-15 ta' Lulju 2014), jew fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2016 (Strasburgu, l-14 ta' Settembru 2016).

(15)

ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' Frar 2018Avviż legali