Proċedura : 2018/2642(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0185/2018

Testi mressqa :

B8-0185/2018

Dibattiti :

PV 17/04/2018 - 11
CRE 17/04/2018 - 11

Votazzjonijiet :

PV 18/04/2018 - 12.13

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 407kWORD 49k
14.4.2018
PE618.432v01-00
 
B8-0185/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-progress rigward il-Patti Globali tan-NU għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari u dwar ir-Rifuġjati (2018/2642(RSP))


Auke Zijlstra, Nicolas Bay, Harald Vilimsky, Marcel de Graaff f'isem il-Grupp ENF

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-progress rigward il-Patti Globali tan-NU għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari u dwar ir-Rifuġjati  (2018/2642(RSP))  
B8-0185/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Abbozz Preliminari tal-Patt Globali tan-NU għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari tal-5 ta' Frar 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal-11 ta' Jannar 2018 dwar "Making migration work for all", li serviet ta' input għall-Abbozz Preliminari,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, tas-17 ta' April 2018, dwar il-progress rigward il-Patti Globali tan-NU għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari u dwar ir-Rifuġjati,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi n-NU jiddeskrivu l-migrazzjoni bħala fenomenu mixtieq u li ma jistax jitwaqqaf mingħajr ma jirrikonoxxu l-konsegwenzi dannużi u perikolużi tagħha;

B.  billi l-flussi tal-migrazzjoni kurrenti joħolqu soċjetajiet kulturali paralleli, ikkaratterizzati minn iżolament u inugwaljanza li għandhom riperkussjonijiet soċjoekonomiċi u kulturali fit-tul fl-istat ospitanti;

C.  billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU qed jipproponi d-dekriminalizzazzjoni tal-qsim illegali tal-fruntieri u, b'hekk, li jinkiser id-dritt sovran tal-istati nazzjon li jiddeterminaw id-dritt kriminali nazzjonali tagħhom;

D.  billi, skont il-Eurostat u l-UNHCR, bejn l-2014 u l-2017 l-UE laqgħet 3,6 miljun migrant(1);

E.  billi l-attakki terroristiċi, id-delitti vjolenti, l-aggressjonijiet, l-abbużi sesswali u l-istupri mmultiplikaw wara l-influss massiv ta' migranti illegali;

1.  Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Kunsill li l-Artikolu 2(1) tal-Karta tan-NU jistabbilixxi l-ugwaljanza sovrana tal-istati nazzjon u li għalhekk l-involviment tal-UE f'dan il-qasam għandu jiġi rrifjutat;

2.  Ifakkar li l-politika tal-migrazzjoni hija kompetenza ewlenija tal-Istati Membri;

3.  Jenfasizza li l-kontroll tal-fruntieri nazzjonali huwa element fundamentali tas-sovranità u għandu jibqa' r-responsabbiltà tal-istati nazzjon stess;

4.  Ifakkar li r-rwol prinċipali tal-istati nazzjon huwa li jipproteġu, jassistu u jirrappreżentaw liċ-ċittadini tagħhom stess;

5.  Jenfasizza l-importanza li tingħata assistenza lill-persuni li jfittxu asil in bona fede, u li dawk li ma jikkwalifikawx għal status ta' rifuġjat jintbagħtu lura fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom;

6.  Jiddeplora l-fatt li d-dritt għall-asil issa sar rotta migratorja oħra minflok għodda ta' protezzjoni internazzjonali, u, għaldaqstant, jistieden lill-Istati Membri jirrevedu l-politika kurrenti dwar l-asil, sabiex jirrispettaw l-ispirtu oriġinali tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951;

7.  Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Kunsill li hija l-prerogattiva ta' kull stat sovran li jiddeċiedi dwar l-istatus tal-migranti ekonomiċi;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa li fit-test tal-Patt Globali tan-NU jiġi inkluż b'mod espliċitu l-fatt li din hija proċedura mhux vinkolanti mmexxija mill-istati, li ma tistax tipprovdi bażi għall-ħolqien tad-dritt internazzjonali;

9.  Jistieden lill-komunità internazzjonali tieħu passi effikaċi biex telimina l-mudell kummerċjali tal-kuntrabandisti billi ma tintroduċix id-distribuzzjoni obbligatorja u billi tiġġieled kontra r-radikalizzazzjoni u l-kriminalità organizzata;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1)

http://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/show.do?dataset=migr_asyappctza&lang=en

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' April 2018Avviż legali