Proċedura : 2018/2670(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0194/2018

Testi mressqa :

B8-0194/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 19/04/2018 - 10.14

Testi adottati :

P8_TA(2018)0185

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 413kWORD 50k
16.4.2018
PE618.447v01-00
 
B8-0194/2018/REV

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt fil-każ ta' żewġ suldati Griegi arrestati u detenuti fit-Turkija  (2018/2670(RSP))


Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Renate Sommer, Manolis Kefalogiannis, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Sandra Kalniete, David McAllister, f'isem il-Grupp PPE
Kati Piri, Victor Boştinaru, Elena Valenciano, Knut Fleckenstein, Eva Kaili, Nikos Androulakis, Miltiadis Kyrkos f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Notis Marias, Ruža Tomašić, Eleni Theocharous, Raffaele Fitto f'isem il-Grupp ECR
Nadja Hirsch, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Gérard Deprez, María Teresa Giménez Barbat, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Elsi Katainen, Patricia Lalonde, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans f'isem il-Grupp ALDE
Bodil Valero, Igor Šoltes f'isem il-Grupp Verts/ALE
Takis Hadjigeorgiou, Dimitrios Papadimoulis, Patrick Le Hyaric, Merja Kyllönen, Neoklis Sylikiotis, Stelios Kouloglou, Sofia Sakorafa, Nikolaos Chountis, Paloma López Bermejo, Kostadinka Kuneva f'isem il-Grupp GUE/NGL
Fabio Massimo Castaldo, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt fil-każ ta' żewġ suldati Griegi arrestati u detenuti fit-Turkija  (2018/2670(RSP))  
B8‑0194/2018/REV

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-arrest, fl-1 ta' Marzu 2018, u t-tkomplija tad-detenzjoni mill-awtoritajiet Torok ta' żewġ suldati Griegi, li sostnew li tilfu triqithom f'temp ħażin,

–  wara li kkunsidra l-fatt li dik il-parti partikolari tal-fruntiera, fiż-żona forestali ta' Kastanies tul ix-Xmara Evros/Meriç, hija punt ta' qsim ewlieni għall-migranti, ir-rifuġjati u t-traffikanti, u li l-logutenent u s-surġent inkwistjoni kienu għaddejjin bir-ronda regolari tal-fruntiera,

–  wara li kkunsidra l-appelli minn uffiċjali tal-UE u tan-NATO, b'mod partikolari mill-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Marzu 2018 u matul il-Laqgħa tal-Mexxejja tal-UE u tat-Turkija tas-26 ta' Marzu 2018, biex is-suldati jinħelsu,

–  wara li kkunsidra l-isforzi tal-Gvern Grieg biex jiżgura l-ħelsien u r-ritorn tas-suldati,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li jistqarr li "Kull min ikun arrestat għandu jiġi infurmat minnufih, b'lingwa li jifhem, dwar ir-raġunijiet tal-arrest tiegħu u dwar kull akkuża kontra tiegħu",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fl-4 ta' Marzu 2018, qorti Torka f'Edirne ddeċidiet li ż-żewġ suldati, li bħalissa qed jinżammu f'ħabs b'sigurtà massima u li huma akkużati li daħlu fit-Turkija illegalment, għandhom jibqgħu detenuti;

B.  billi ż-żewġ suldati Griegi ilhom miżmuma f'ħabs Tork għal aktar minn xahar mingħajr ma tressqu akkużi kontrihom, u għalhekk għadhom ma jafux b'liema reat qed jiġu akkużati;

C.  billi fil-passat każijiet simili ta' qsim aċċidentali tal-fruntiera minn suldati Griegi jew Torok ġew solvuti fuq il-post fil-livell tal-awtoritajiet militari lokali taż-żewġ naħat;

1.  Jistieden lill-awtoritajiet Torok jikkonkludu l-proċess ġudizzjarju malajr u jeħilsu ż-żewġ suldati Griegi u jirritornawhom il-Greċja;

2.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri kollha tal-UE juru solidarjetà mal-Greċja u jappellaw għall-ħelsien immedjat taż-żewġ suldati Griegi fi kwalunkwe kuntatt jew komunikazzjoni mal-mexxejja u l-awtoritajiet Torok, fl-ispirtu tad-dritt internazzjonali u tar-relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Torok jsegwu skrupolożament il-proċedimenti ġudizzjarji u jirrispettaw bis-sħiħ, għal dawk kollha kkonċernati, id-drittijiet tal-bniedem minquxa fid-dritt internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni ta' Ġinevra;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Presidenti, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tat-Turkija u tal-Greċja, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u lin-NATO.

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' April 2018Avviż legali