Proċedura : 2017/2951(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0195/2018

Testi mressqa :

B8-0195/2018

Dibattiti :

PV 18/04/2018 - 26
CRE 18/04/2018 - 26

Votazzjonijiet :

PV 19/04/2018 - 10.17
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 412kWORD 50k
16.4.2018
PE618.448v01-00
 
B8-0195/2018

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0011/2018 u B8-0012/2018

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-retiċenza dwar it-tilqim u t-tnaqqis fir-rati ta' tilqim fl-Ewropa (2017/2951(RSP))


Joëlle Mélin f'isem il-Grupp ENF

<<<


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-retiċenza dwar it-tilqim u t-tnaqqis fir-rati ta' tilqim fl-Ewropa (2017/2951(RSP))  
B8-0195/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar "L-immunizzazzjoni tat-tfal: suċċessi u sfidi tal-immunizzazzjoni Ewropea tat-tfal u t-triq 'il quddiem", adottati mill-Ministri tas-Saħħa tal-Istati Membri tal-UE fis-6 ta' Ġunju 2011(1),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta' Diċembru 2014 dwar it-tilqim bħala għodda effettiva fis-saħħa pubblika,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2017 intitolata "Pjan ta' Azzjoni Saħħa Waħda Ewropew kontra r-Reżistenza Antimikrobika (RAM)" (COM(2017)0339),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Globali dwar it-Tilqim (GVAP) tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), approvat mill-194 stat membru tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa f'Mejju 2012,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 68.6 tad-WHO, adottata mill-194 stat membru tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa fis-26 ta' Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar it-Tilqim 2015-2020 tad-WHO, adottat fit-18 ta' Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tekniku taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) tas-27 ta' April 2017 intitolat "Immunisation information systems in the EU and EEA" ("Sistemi ta' informazzjoni dwar l-immunizzazzjoni fl-UE u fiż-ŻEE"),

–  wara li kkunsidra r-rapport tekniku tal-ECDC tal-14 ta' Ġunju 2017 intitolat "Vaccine-preventable diseases and immunisation: Core competencies" ("Mard li jista' jiġi evitat permezz tat-tilqim u l-immunizzazzjoni: Kompetenzi ewlenin"),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni politika tal-laqgħa ta' livell għoli tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li saret New York fil-21 ta' Settembru 2016 dwar ir-reżistenza antimikrobika,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Dinji ta' Marzu 2017 intitolat "Drug-Resistant Infections: A Threat to Our Economic Future" ("Infezzjonijiet Reżistenti għall-Mediċini: Theddida għall-Futur Ekonomiku Tagħna"),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 2009 dwar it-tilqim kontra l-influwenza tal-istaġun(2),

–  wara li kkunsidra n-numru dejjem jikber ta' vjaġġaturi interkontinentali;

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar ir-retiċenza dwar it-tilqim u t-tnaqqis fir-rati ta' tilqim fl-Ewropa (O-000008/2018 – B8-0011/2018 u O-000009/2018 – B8-0012/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-teknika tat-tilqim preventiv immirata lejn ċertu mard bħat-tetnu, il-poljomelite, il-ġidri u t-tuberkulożi s'issa tat riżultati eċċellenti, mingħajr effetti sekondarji sinifikanti, la fil-livell Ewropew u lanqas fil-livell globali, u mingħajr ma qajmet tħassib dwar rata minima ta' kopertura tat-tilqim;

B.  billi issa, fl-Ewropa, dawn il-patoloġiji qed jerġgħu jitfaċċaw f'forma reżistenti, b'rabta diretta u ppruvata mal-flussi kbar ta' migrazzjoni;

C.  billi f'seba' snin, huwa stmat li fl-UE ġew irreġistrati 215 000 każ ta' mard li jista' jiġi evitat permezz tat-tilqim, bl-esklużjoni tal-influwenza, jiġifieri 30 000 fis-sena, jew 0,0055 % tal-popolazzjoni Ewropea, u din ir-rata hija baxxa ħafna f'termini xjentifiċi ta' benefiċċji mqabbla mar-riskji(3);

D.  billi 95 % ta' dan il-mard, li wħud minnu huwa potenzjalment fatali u li jista' jiġi evitat permezz tat-tilqim, ġie essenzjalment eradikat fl-Ewropa esklużivament permezz ta' tekniki ta' iġjene, b'mod partikolari l-ħosba;

E.  billi għad hemm 2,5 miljun każ ta' mewt fid-dinja, mhux direttament minħabba nuqqas ta' tilqim, iżda minħabba t-tixrid ta' ċertu mard esklużivament permezz ta' nuqqas ta' iġjene;

F.  billi, fl-1 ta' Jannar 2018, is-sitwazzjoni tat-tilqim fit-28 Stat Membru kienet differenti immens u kien hemm skarsezzi ta' tilqim fl-Ewropa tul dawn l-aħħar għaxar snin;

G.  billi, minkejja dan, ma faqqgħet l-ebda pandemija fl-Ewropa jew fid-dinja li tiġġustifika d-diskorsi allarmisti li qed isiru favur it-tilqim;

H.  billi huma preċiżament dawn id-diskorsi allarmisti orkestrati illi jikkostitwixxu tabilħaqq aħbarijiet foloz;

I.  billi, barra minn hekk, ma sar l-ebda esperiment dwar il-vaċċini polivalenti ta' diversi razez minkejja l-fatt li l-użu tal-vaċċini polivalenti bħalissa jinsab fil-proċess li jiġi impost f'diversi pajjiżi tal-Unjoni;

J.  billi r-rabta bejn il-vaċċini u r-reżistenza antimikrobika mhijiex diretta; billi r-reżistenza antimikrobika tista' tiġi affrontata biss permezz tal-użu xieraq tal-antibijotiċi fil-livell globali, u mhux sempliċement permezz tal-użu xieraq tal-vaċċini;

K.  billi l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem jiddisponi li: "1. Kulħadd għandu d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu u tal-familja tiegħu, ta' daru u tal-korrispondenza tiegħu. 2. Ma għandux ikun hemm indħil minn awtorità pubblika dwar l-eżerċizzju ta' dan id-dritt ħlief dak li jkun skont il-liġi u li jkun meħtieġ f'soċjetà demokratika fl-interessi tas-sigurtà nazzjonali, is-sigurtà pubblika jew il-ġid ekonomiku tal-pajjiż, biex jiġi evitat id-diżordni jew l-għemil ta' delitti, għall-protezzjoni tas-saħħa jew tal-morali, jew għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta' ħaddieħor."

1.  Jappella biex isiru kontrolli bir-reqqa ħafna fil-konfront tal-migranti fil-fruntieri esterni tal-UE sabiex jiġi stabbilit jekk dawn jistgħux ikunu qed iġorru mikrobi reżistenti;

2.  Jappella biex l-istess kontrolli jsiru fil-fruntieri ta' kull Stat Membru;

3.  Jistieden lil kull Stat Membru biex ivara esperiment maġġuri dwar il-vaċċini polivalenti qabel ma jiġu kkummerċjalizzati u imposti bil-liġi u biex iqabbel il-proporzjonijiet ta' benefiċċji mqabbla mar-riskji tagħhom ma' tekniki preventivi oħrajn;

4.  Jappella għall-pubblikazzjoni – bl-akbar trasparenza – tal-informazzjoni kollha dwar is-sejħa għal offerti Ewropea mnedija u approvata mill-24 Stat Membru mgħammrin b'laboratorji li jipproduċu vaċċini;

5.  Jappella biex il-konformità mad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar ir-rispett tal-privatezza(4) tiġi estiża, b'estrapolazzjoni, għat-tilqim obbligatorju;

6.  Jappella għaż-żamma tal-kompetenza tal-Istati Membri li jistabbilixxu skedi għat-tilqim;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

 

(1)

ĠU C 202, 8.7.2011, p. 4.

(2)

ĠU L 348, 29.12.2009, p. 71.

(3)

Council on Foreign Relations, "Vaccine-Preventable Outbreak Maps", 2015.

(4)

QEDB, Nru 32647/96, D.R. 94, p. 91-93.

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' April 2018Avviż legali