MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 408kWORD 50k
16.4.2018
PE618.449v01-00
 
B8-0196/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt fil-każ taż-żewġ suldati Griegi arrestati u detenuti fit-Turkija (2018/2670(RSP))


Charles Tannock, Notis Marias, Monica Macovei, Valdemar Tomaševski, Raffaele Fitto, Ruža Tomašić f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt fil-każ taż-żewġ suldati Griegi arrestati u detenuti fit-Turkija (2018/2670(RSP))  
B8‑0196/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-arrest, fl-1 ta' Marzu 2018, u d-detenzjoni mill-awtoritajiet Torok ta' żewġ suldati Griegi, li jsostnu li bla ma riedu tilfu triqithom f'temp ħażin waqt li kienu qed jgħassu l-fruntiera Griega-Torka,

–  wara li kkunsidra l-fatt li inċidenti minuri ta' qsim tal-fruntiera mingħajr awtorizzazzjoni, li jinvolvu suldati Griegi u Torok, diġà seħħew bosta drabi f'diversi punti tul il-fruntiera bejn il-Greċja u t-Turkija, u li dawn il-każijiet normalment ġew riżolti malajr permezz ta' proċeduri li ma jinvolvux il-livell politiku,

–  wara li kkunsidra l-fatt li dik il-parti partikolari tal-fruntiera, fiż-żona forestali ta' Kastanies tul ix-Xmara Evros/Meriç, hija punt ta' qsim ewlieni għall-migranti, ir-rifuġjati u t-traffikanti, u li l-logutenent u s-surġent inkwistjoni kienu għaddejjin bir-ronda regolari tal-fruntiera,

–  wara li kkunsidra l-isforzi tal-Gvern Grieg biex jiżgura l-ħelsien u r-ritorn tas-suldati,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li jistqarr li "Kull min ikun arrestat għandu jiġi infurmat minnufih, b'lingwa li jifhem, dwar ir-raġunijiet tal-arrest tiegħu u dwar kull akkuża kontra tiegħu",

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra,

–  wara li kkunsidra l-fatt li l-Greċja u t-Turkija t-tnejn huma membri tan-NATO,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fl-1 ta' Marzu 2018, żewġ suldati Griegi lebsin l-uniformi u jintgħarfu b'mod ċar bħala membri tal-Forzi Armati Griegi, ġew arrestati mill-awtoritajiet Torok;

B.  billi ż-żewġ suldati bħalissa qed jinżammu f'ħabs Tork ta' sigurtà massima, u li ilhom fih għal aktar minn xahar mingħajr ma għaddew minn proċess ġudizzjarju;

C.  billi l-Qorti Suprema Griega mblokkat l-estradizzjoni ta' tmien suldati Torok, li Ankara ssostni li kienu involuti fit-tentattiv ta' kolp ta' stat tal-pajjiż fl-2016, u argumentat li dawn ma kienx se jkollhom proċess ġust f'pajjiżhom;

D.  billi l-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Marzu 2018 esprima t-tħassib serju tiegħu dwar id-detenzjoni kontinwa ta' ċittadini tal-UE fit-Turkija, inklużi ż-żewġ suldati Griegi, u jappella għal soluzzjoni rapida u pożittiva ta' dawn il-kwistjonijiet bi djalogu mal-Istati Membri;

E.  billi d-detenzjoni mtawla tas-suldati Griegi tqajmet waqt is-summit tas-26 ta' Marzu 2018 bejn l-UE u t-Turkija f'Varna, il-Bulgarija, fejn il-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker stieden lil Ankara biex teħles lis-suldati qabel l-Għid Grieg;

F.  billi Recep Tayyip Erdoğan, il-President tat-Turkija, ikkritika lill-UE talli għamlet pressjoni fuq Ankara dwar iż-żewġ suldati Griegi, u qal, "Ma għamiltu xejn dwar dawk it-terroristi", b'referenza għat-tmien suldati Torok li ħarbu lejn il-Greċja wara t-tentattiv ta' kolp ta' stat fl-2016;

G.  billi, fi Frar 2018, bastiment Tork daħal ġo bastiment tal-gwardja tal-kosta Griega kif it-tnejn kienu qed jgħassu l-ilmijiet li hemm tilwim dwarhom lil hinn mill-Isle of Imia; billi, fl-10 ta' April 2018, suldati Griegi sparaw tiri ta' twissija lejn ħelikopter Tork wara li avviċina l-gżira Griega ta' Ro fl-Eġew tal-Lvant;

1.  Jistieden lill-awtoritajiet Torok jeħilsu ż-żewġ suldati Griegi u jirritornawhom il-Greċja;

2.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri kollha tal-UE juru solidarjetà mal-Greċja, jappellaw għall-ħelsien immedjat taż-żewġ suldati Griegi u jsostnu kull sforz f'dan ir-rigward;

3.  Jistieden lit-Turkija tirrispetta d-dritt internazzjonali u r-relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien, u tinnormalizza r-relazzjonijiet mal-Greċja;

4.  Jistieden lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO jaġixxi bħala medjatur bejn it-Turkija u l-Greċja, li t-tnejn huma alleati tan-NATO, sabiex jiffaċilita l-ħelsien immedjat taż-żewġ suldati Griegi u b'hekk tissaħħaħ l-Alleanza u l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO fi żmien ta' tensjonijiet dejjem akbar marbuta mas-Sirja;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija u tal-Greċja, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO.

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' April 2018Avviż legali