Proċedura : 2018/2714(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0240/2018

Testi mressqa :

B8-0240/2018

Dibattiti :

PV 29/05/2018 - 2
CRE 29/05/2018 - 2

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 399kWORD 49k
25.5.2018
PE621.623v01-00
 
B8-0240/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji (2018/2714(RSP))


Bernd Kölmel f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji (2018/2714(RSP))  
B8‑0240/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u r-riżorsi proprji;

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi ċ-ċittadini tal-Istati Membri jistennew baġit adegwat għall-futur;

B.  billi l-uniku mod kif il-baġit tal-UE jista' jitqies li jkun irnexxa huwa jekk dan jagħti riżultati tanġibbli fil-prattika;

C.  billi baġit tal-UE sostenibbli, ibbilanċjat u trasparenti, abbażi ta' politika baġitarja effiċjenti u ibbażata fuq il-prestazzjoni u li tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, huwa essenzjali għal sħubija dejjiema u għal titjib fil-kooperazzjoni u fil-fiduċja bejn l-Istati Membri;

D.  billi l-prestazzjoni, il-kosteffettività u r-riżultati miksuba permezz ta' finanzjament mill-UE għandhom dejjem jiġu skrutinizzati permezz ta' sistema ta' kontroll baġitarju bil-għan li jkunu aċċertati l-effetti sostenibbli u fit-tul tan-nefqa tal-UE;

E.  billi ħafna oqsma ta' politika tal-UE għandhom jiġu riveduti sabiex jilqgħu għall-isfidi tas-seklu 21;

F.  billi d-dewmien burokratiku u l-ġestjoni ħażina qed iżommu lill-baġit tal-UE milli jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu, u billi regolamentazzjoni aħjar li tiżgura kompetizzjoni ġusta hija kruċjali għall-isforzi biex l-ekonomiji jissaħħu b'mod sostenibbli;

1.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' ċarezza u komparabilità taċ-ċifri mressqa mill-Kummissjoni bħala parti mill-proposti tagħha għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss (QFP);

2.  Jinnota li d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni huwa intitolat "Rieżami tal-infiq"; jiddispjaċih li mhumiex inklużi r-riżultati tar-rieżami komprensiv tal-infiq li twettaq mis-servizzi tal-Kummissjoni u li fuqu huwa bbażat id-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni; jiddispjaċih li dan ir-rieżami komprensiv tal-infiq li jevalwa b'mod sistematiku kull qasam politiku tal-baġit tal-UE sar biss fi ħdan id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni bla ma involva partijiet interessati oħra; jemmen li l-politiki, il-programmi u l-istrumenti individwali kollha ma jkunux kredibbli u leġittimi għaċ-ċittadini tal-UE jekk ma jkunux ibbażati fuq ħtieġa oġġettiva;

3.  Jilqa' l-enfasi akbar fuq il-valur miżjud Ewropew bħala prinċipju gwida; iqis li l-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni jridu jkunu bbażati fuq definizzjoni ċara u li tinftiehem faċilment ta' "valur miżjud Ewropew", li waħda mill-karatteristiċi ewlenin tiegħu hija d-determinazzjoni li azzjoni mwettqa fil-livell tal-UE tipproduċi riżultati aħjar mill-istess azzjoni mwettqa fil-livell nazzjonali;

4.  Itenni l-ħtieġa li tissaħħaħ l-enfasi fuq il-prestazzjoni fil-programmi kollha billi jiġu stabbiliti objettivi aktar ċari u tingħata enfasi fuq għadd iżgħar ta' indikaturi tal-prestazzjoni ta' kwalità ogħla; jisħaq fuq l-importanza ta' "kultura ta' prestazzjoni" fid-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li r-regoli jsiru aktar koerenti u li tnaqqas b'mod drastiku l-piż amministrattiv għall-benefiċjarji u għall-awtoritajiet ta' ġestjoni sabiex tiffaċilita l-parteċipazzjoni fil-programmi tal-UE u taċċelera l-implimentazzjoni;

5.  Jilqa' l-fatt li fil-proposta tal-QFP 2021-2027 tqiesu sfidi bħall-flussi migratorji fuq skala kbira u t-theddidiet għas-sigurtà; jemmen fil-promozzjoni ta' kooperazzjoni aktar fil-fond bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-organizzazzjonijiet internazzjonali, fosthom in-NU, in-NATO, u l-Commonwealth, sabiex jintlaħqu l-isfidi globali komuni rigward il-politika estera, is-sigurtà u l-isfidi umanitarji, filwaqt li titqies il-kompetenza nazzjonali f'dawn l-oqsma;

6.  Jinnota l-introduzzjoni tal-Funzjoni ta' Stabbilizzazzjoni tal-Investiment Ewropew bħala mekkaniżmu li jtaffi l-iskossi; jopponi l-entużjażmu eċċessiv għall-ħolqien ta' istituzzjonijiet ġodda filwaqt li r-regoli stretti fis-seħħ biex jiġu indirizzati l-problemi ekonomiċi u monetarji qed jiġu injorati b'mod persistenti jew saħansitra jiġu miksura b'mod sfaċċat; jemmen li l-ispinta lill-investiment m'għandhiex titqies bħala alternattiva għar-riformi strutturali meħtieġa;

7.  Jinnota li, filwaqt li l-proposta tal-Kummissjoni għall-QFP 2021-2027 tiddeskrivi wħud mill-għażliet wiesgħa għall-futur u tħabbar ir-riforma ta' ħafna oqsma ta' politika, l-impatt tal-għażliet ta' politika l-ġodda mistenni jsir ċar biss wara l-introduzzjoni tal-leġiżlazzjoni settorjali korrispondenti; għalhekk qed jistenna bil-ħerqa l-pubblikazzjoni tal-bażijiet ġuridiċi tal-programmi ta' infiq fil-ġimgħat li ġejjin sabiex ikunu jistgħu jiġu vvalutati l-kwalitajiet globali tal-QFP 2021-2027 propost;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

Aġġornata l-aħħar: 28 ta' Mejju 2018Avviż legali