Proċedura : 2018/2718(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0243/2018

Testi mressqa :

B8-0243/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 31/05/2018 - 7.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 415kWORD 51k
28.5.2018
PE621.627v01-00
 
B8-0243/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa wara l-2020 (2018/2718(RSP))


Michael Cramer, Reinhard Bütikofer f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa wara l-2020 (2018/2718(RSP))  
B8-0243/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 311, 312 u 323 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-ratifika tal-Ftehim ta' Pariġi mill-Parlament Ewropew fl-4 ta' Ottubru 2016 u mill-Kunsill fil-5 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE(1) u r-Regolament (UE) Nru 1316/2013/EU tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP 2014-2020(3),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-15 ta' Ġunju 2016 bl-isem "Reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP)"(4),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2016 dwar "it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: L-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni(6),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Riflessjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ġunju 2017 dwar il-Futur tal-Finanzi tal-UE (COM(2017)0358),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar id-Dokument ta' Riflessjoni dwar il-Futur tal-Finanzi tal-UE(7),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 għal emenda tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (COM(2016)0606),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) inħolqot bħala programm ta' finanzjament konġunt u ġestit ċentralment għall-infrastruttura tat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjonijiet, bħala parti mill-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u l-objettivi tal-UE 20-20-20 fil-qasam tal-politika dwar l-enerġija u l-klima;

B.  billi l-FNE tipprovdi sehem sostanzjali ta' finanzjament tal-UE għal proġetti ta' trasport u enerġija, u tagħti kontribut kbir għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea, u b'hekk tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-miri ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tal-UE skont il-Ftehim ta' Pariġi;

C.  billi, abbażi tal-linji gwida settorjali rispettivi, l-FNE jenħtieġ li tappoġġa l-iżvilupp ta' netwerks trans-Ewropej (TENs), bl-iskop li ttejjeb il-koeżjoni fis-suq intern u l-kompetittività tal-UE fis-suq globali, filwaqt li tindirizza n-nuqqasijiet tas-suq u tiffoka fuq il-proġetti ta' valur miżjud Ewropew għoli;

D.  billi t-tipi ta' proġetti kofinanzjati mill-FNE huma konformi mal-ambizzjoni tal-UE li ttejjeb l-integrazzjoni ta' netwerking tal-infrastruttura tat-trasport, ambizzjoni li tista' titwettaq billi tittejjeb l-interkonnettività, tissaħħaħ l-interoperabilità u tiġi appoġġata l-intermodalità, biex b'hekk isseħħ bidla lejn modi aktar sostenibbli, bħat-trasport ferrovjarju u t-trasport fuq l-ilma aktar nadif, fil-kuntest tas-suq uniku diġitali u t-tisħiħ tal-kompetittività globali tal-UE;

E.  billi l-Kummissjoni hija mistennija tippubblika l-proposti leġiżlattvi tagħha dwar l-Investiment Strateġiku Ewropew, inkluża FNE aġġornata, f'Mejju u f'Ġunju 2018;

1.  Jenfasizza li l-oneru fuq investiment fl-infrastruttura tat-trasport tal-UE għandu jkun l-ewwel u qabel kollox il-kwalità tal-proġetti, ibbażat fuq is-sostenibilità għall-klima, l-ambjent, is-sikurezza u l-inklużjoni tal-interessi lokali, fejn l-UE tipprovdi valur miżjud tanġibbli għaċ-ċittadini; jenfasizza li għandha ssir enfasi fuq proġetti ta' infrastruttura li jikkontribwixxu biex jitnaqqsu l-ispejjeż esterni fl-oqsma tas-sikurezza, l-ambjent u l-klima;

2.  Jilqa' l-introduzzjoni ta' sinerġiji bejn is-setturi tal-FNE; jistenna li l-linji gwida ta' politika settorjali futuri u l-istrument tal-FNE isiru aktar flessibbli sabiex jiġu ffaċilitati sinerġiji u jkun hemm aktar reattività għal żviluppi teknoloġiċi ġodda u l-prijoritajiet bħad-diġitalizzazzjoni, filwaqt li jiġu indirizzati l-isfidi soċjetali komuni bħalma huma ċ-ċibersigurtà, l-aċċellerazzjoni tad-dekarbonizzazzjoni, il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija rinnovabbli għal mezzi ta' mobilità elettrika sostenibbli u l-intensifikazzjoni tal-elettrifikazzjoni ulterjuri tal-infrastruttura ferrovjarja;

3.  Jemmen li fis-settur tat-trasport, għandha tingħata prijorità lil proġetti li joħolqu jew li jtejbu l-konnessjonijiet transfruntiera u jistabbilixxu mill-ġdid u jikkompletaw konnessjonijiet ferrovjarji reġjonali neqsin li ġew żarmati jew abbandunati preċedentement, b'tali mod li l-FNE tkun tista' tagħti kontribut konkret u aktar effiċjenti fuq żmien iqsar għall-ambizzjoni li tinkiseb żona Ewropea unika tat-trasport ferrovjarju;

4.  Jissottolinja l-ħtieġa għal fokus imsaħħaħ fuq proġetti orizzontali intelliġenti, bħas-sistemi ta' trasport intelliġenti (ITS), is-Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS), is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS), it-trasport marittimu fuq distanzi qosra (SSS) fi ħdan il-kunċett tal-awtostradi tal-baħar (MoS) u t-tnaqqis tal-istorbju mis-sors tal-merkanzija ferrovjarja; jenfasizza l-ħtieġa urġenti biex isir investiment aktar qawwi fil-manutenzjoni tal-infrastruttura eżistenti;

5.  Jenfasizza l-potenzjal ta' ġid għal kulħadd fis-setturi tat-turiżmu u tat-trasport tal-integrazzjoni tan-netwerk EuroVelo fin-Netwerk Ferrovjarju Trans-Ewropew permezz ta' kofinanzjament ta' infrastruttura u miżuri ta' sinjali u ta' promozzjoni;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm f'moħħha li t-tlestija tat-TENs, kif definiti fil-prijoritajiet ta' politika tal-UE, se teħtieġ il-parteċipazzjoni mtejba taċ-ċittadini, aktar trasparenza u stħarriġ kontinwu taż-żmien u l-finanzjament ta' proġetti tat-trasport, b'mod partikolari proġetti kbar b'volum ta' investiment ta' iktar minn EUR 1 biljun, li parti minnhom se jiddependu mill-appoġġ kontinwu taċ-ċittadini tal-UE sabiex il-proġetti jitwettqu b'suċċess; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti iktar attenzjoni lil każijiet possibbli ta' korruzzjoni li fihom ammonti kbar ta' flus jiġu diretti lejn proġetti kbar;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa għal appoġġ adegwat għall-iskjerament ta' netwerks tal-broadband b'veloċità għolja, bil-ħsieb li tinkiseb konnettività sħiħa u jiġu eliminati d-distakki diġitali; ifakkar li nuqqas ta' konnettività u differenzi sostanzjali bejn il-veloċitajiet tal-konnessjoni offruti huma fatturi importanti fid-distakk tal-għarfien u tal-parteċipazzjoni, u dan jagħmel ħsara lis-suq intern u joħloq aktar frammentazzjoni;

8.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-fondi tal-FNE għall-infrastruttura tal-elettriku meħtieġa għat-tranżizzjoni tal-enerġija jkunu allinjati mal-pakkett "Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha", mal-impenji skont il-Ftehim ta' Pariġi u mal-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni fit-tul, jiġifieri l-perfezzjonament u d-diġitalizzazzjoni tal-grilji, biex jinkisbu l-miri ta' interkonnessjoni għall-2030 (inkluż għal Stati Membri periferali), biex jiġu żviluppati grilji offshore interkonnessi u biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista, permezz ta' effiċjenza enerġetika, reazzjoni għad-domanda, enerġija rinnovabbli u sinkronizzazzjoni tal-grilji fost l-Istati Membri kollha; jissottolinja l-potenzjal sinifikanti, iżda li għadu ma ġiex sfruttat, tal-FNE bħala katalizzatur tan-netwerks ta' tranżizzjoni lejn ekonomija Ewropea b'żero emissjonijiet tal-karbonju;

9.  Jinnota l-proposti tal-Kummissjoni dwar il-mobilità militari; ifakkar il-kompiti militari tal-Unjoni kif minquxa fl-Artikolu 43(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u jenfasizza li l-organizzazzjoni ta' difiża territorjali kollettiva, li tkun tirrikjedi l-moviment ta' tagħmir u persunal militari mingħajr ostakli bejn stati, huwa kompitu tan-NATO, iżda mhux tal-UE; jemmen li ma hemm l-ebda raġuni biex jiġu investiti sa massimu ta' EUR 6.5 biljun ta' riżorsi tal-FNE ta' wara l-2010 mill-baġit tal-UE għall-mobilità militari; jemmen li r-riżorsi baġitarji tal-UE li diġà huma skarsi għandhom jintnefqu fuq il-kompiti u l-objettivi ċivili tal-UE; jistieden lill-Istati Membri u lin-NATO jiżviluppaw pjanijiet dwar kif għandha tkun indirizzata l-kwistjoni tal-mobilità militari bejn l-istati; ifakkar li l-politika ta' sigurtà u difiża komuni (PSDK) għad m'għandhiex il-mezzi xierqa għal operazzjonijiet ta' trasport bil-baħar jew bl-ajru, kif previst mit-TUE; iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u lill-Istati Membri jżidu b'mod sinifikanti l-mobilità u l-interoperabilità ta' forzi armati Ewropej bl-inkarigu li jwettqu operazzjonijiet militari tal-UE bħaż-żamma tal-paċi u l-istabilizzazzjoni;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

 

 

(1)

ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1.

(2)

ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2016)0412.

(4)

ĠU C 17, 18.1.2017, p. 20.

(5)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2016)0309.

(7)

Test adottati, P8_TA(2017)0401.

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Settembru 2018Avviż legali