Proċedura : 2018/2711(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0244/2018

Testi mressqa :

B8-0244/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 31/05/2018 - 7.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0238

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 413kWORD 51k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0244/2018
28.5.2018
PE621.628v01-00
 
B8-0244/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa  (2018/2711(RSP))


Luis de Grandes Pascual, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Gabriel Mato, Cristian Dan Preda, Lorenzo Cesa, Esteban González Pons, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Tunne Kelam, Ivan Štefanec, Eduard Kukan f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa  (2018/2711(RSP))  
B8-0244/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa b'mod partikolari dik tas-16 ta' Frar 2017(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tat-22 ta' April 2018 u tal-15 ta' Mejju 2018 dwar in-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) tas-27 ta' April 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra ż-żjara Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) bejn is-17 u l-21 ta' Mejju 2018 biex tinvestiga s-sitwazzjoni f'Nikaragwa u d-dikjarazzjoni preliminari tagħha tal-21 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' April 2018 tal-Kelliema tal-Uffiċċju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Liz Throssell dwar il-vjolenza fin-Nikaragwa relatata mal-protesti,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) tal-14 ta' Mejju 2018 dwar iż-żjara għal investigazzjoni tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarjat Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani dwar in-Nikaragwa tal-20 ta' Jannar 2017,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, skont xi rapporti, tal-anqas 76 ruħ inqatlu u aktar minn 868 indarbu u 438 ġew arrestati b'riżultat tal-protesti li bdew fit-18 ta' April 2018 bħala oppożizzjoni għar-riformi fis-sigurtà soċjali mħabbra mill-President Daniel Ortega; billi l-Viċi President tan-Nikaragwa Rosario Murillo stigmatizzat b'mod miftuħ lid-dimostranti bħala "vandali" u akkużathom b'"manipulazzjoni politika";

B.  billi n-numru għoli ta' mwiet juri r-repressjoni brutali użata mill-awtoritajiet tal-istat, bi ksur tal-prinċipji ta' neċessità u ta' proporzjonalità kif meħtieġ fl-ambitu tad-dritt u l-istandards internazzjonali li jistabbilixxu limitazzjonijiet fuq l-użu tal-forza; billi l-kap tal-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa, Aminta Granera, irriżenjat minħabba l-użu eċċessiv ta' vjolenza;

C.  billi l-mezzi tal-media li koprew il-protesti ngħalqu mill-gvern b'mod arbitrarju u l-ġurnalisti li esprimew kwalunkwe forma ta' oppożizzjoni ġew intimidati u detenuti; billi r-repressjoni mill-awtoritajiet tan-Nikaragwa fuq il-libertà tal-espressjoni u l-intimidazzjoni tal-mexxejja tal-oppożizzjoni ġiet ikkundannata bħala attakk fuq il-libertajiet ċivili; billi l-ġurnalist Angel Gahona nqatel waqt li ppreżenta xandira diretta;

D.  billi d-djalogu nazzjonali bejn is-Sur Ortega u l-oppożizzjoni tan-Nikaragwa u l-gruppi ċiviċi, bil-medjazzjoni tal-Knisja Kattolika, imniedi fis-16 ta' Mejju 2018, naqas milli jsib soluzzjoni għall-kriżi u ġie sospiż b'mod indefinit; billi r-rifjut tal-gvern għal elezzjonijiet bikrija hija l-ostaklu prinċipali;

E.  billi mindu ħa l-kariga fl-2007, is-Sur Ortega ġie rielett fi tliet elezzjonijiet konsekuttivi, minkejja l-fatt li l-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa tipprojbixxi rielezzjonijiet konsekuttivi, juru biċ-ċar il-korruzzjoni u l-awtoritariżmu li ħakmu l-Istat; billi l-elezzjonijiet fl-2011 u fl-2016 ġew ikkritikati ferm għall-irregolaritajiet tagħhom mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-OAS, wara saru mingħajr il-preżenza ta' osservaturi minn ebda waħda mill-organizzazzjonijiet jew kwalunkwe osservatur ieħor internazzjonali kredibbli;

F.  billi l-korruzzjoni fis-settur pubbliku, inkluża l-korruzzjoni li tinvolvi lill-qraba tas-Sur Ortega, għadha waħda mill-akbar sfidi; billi t-tixħim ta' uffiċjali pubbliċi, il-qbid illegali u l-valutazzjonijiet arbitrarji mill-awtoritajiet tad-dwana u tat-taxxa huma komuni ħafna;

1.  Jikkundanna r-repressjoni brutali u l-intimidazzjoni tad-dimostranti, li rriżultaw f'ħafna mwiet, għajbien u arresti arbitrarji mill-awtoritajiet tan-Nikaragwa u l-grupp ta' membri tal-Front ta' Liberazzjoni Nazzjonali Sandinista;

2.  Jesprimi l-kondoljanzi u s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-vittmi kollha maqtula u midruba matul id-dimostrazzjonijiet;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa biex iwaqqfu kull att ta' vjolenza kontra l-persuni li jeżerċitaw id-dritt għal-libertà ta' espressjoni u d-dritt tal-għaqda; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jeħilsu lill-persuni kollha detenuti b'mod arbitrarju u jipprovdu garanziji li mhi ser tittieħed ebda azzjoni kontrihom;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa biex minnufih jippermettu investigazzjoni internazzjonali, indipendenti u trasparenti sabiex issir prosekuzzjoni kriminali ta' dawk responsabbli għar-repressjoni u l-imwiet matul il-protesti; jilqa', f'dan ir-rigward, iż-żjara tal-IACHR fin-Nikaragwa u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-konklużjonijiet tar-rapport preliminari; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex ikollha rwol attiv sabiex dawk responsabbli jagħtu rendikont;

5.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa biex jipprovdu lill-atturi kollha tas-soċjetà, inklużi lill-forzi tal-oppożizzjoni, lill-ġurnalisti u lis-soċjetà ċivili, spazju adegwat biex joperaw liberament, fl-ambitu tad-dritt internazzjonali, sabiex titwitta t-triq għan-naħat kollha tal-oppożizzjoni biex jiddiskutu s-sitwazzjoni fin-Nikaragwa u jirrispettaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; ifakkar li id-depolarizzazzjoni tal-ġudikatura, it-tmiem tal-impunità u l-pluralità tal-media huma fatturi essenzjali sabiex terġa' tinġieb lura l-ordni demokratika fil-pajjiż;

6.  Jiddispjaċih li d-djalogu nazzjonali falla minħabba r-restrizzjonijiet imposti mill-Gvern tan-Nikaragwa;

7.  Jiddenunzja l-passi illegali meħuda bi vjolazzjoni tas-sistema ġudizzjarja li wasslu għal bidliet kostituzzjonali li neħħew il-limiti tal-kariga presidenzjali u b'hekk ippermettew il-presidenza kontinwa tas-Sur Ortega, bi ksur ċar tad-dritt għal elezzjonijiet demokratiċi; jisħaq fuq il-bżonn ta' istituzzjonijiet demokratiċi b'saħħithom, il-libertà tal-għaqda u l-pluralità politika; jappella, f'dan ir-rigward, għal riforma elettorali li twassal għal elezzjonijiet ġusti, trasparenti u kredibbli li jirrispettaw l-istandards internazzjonali, bħala l-mod biex tissolva l-kriżi politika;

8.  Jappella lill-awtoritajiet jiġġieldu kontra l-korruzzjoni mifruxa fi ħdan iċ-ċrieki politiċi tan-Nikaragwa, li xxekkel il-ħidma tal-istituzzjonijiet kollha tal-istat u tillimita l-investiment barrani; jappella għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tan-Nikaragwa kontra l-korruzzjoni, inkluża dik dwar it-tixħim, l-abbuż tal-kariga u l-pagamenti ta' faċilitazzjoni;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali, lill-Grupp Lima u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa.

 

 

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2017)0043.

Aġġornata l-aħħar: 30 ta' Mejju 2018Avviż legali