Proċedura : 2018/2711(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0248/2018

Testi mressqa :

B8-0248/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 31/05/2018 - 7.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0238

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 411kWORD 46k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0244/2018
28.5.2018
PE621.632v01-00
 
B8-0248/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa (2018/2711(RSP))


Elena Valenciano, Ramón Jáuregui Atondo, Francisco Assis f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa (2018/2711(RSP))  
B8‑0248/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa, b'mod partikolari dawk tat-18 ta' Diċembru 2008(1), tas-26 ta' Novembru 2009(2) u tas-16 ta' Frar 2017(3) dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fin-Nikaragwa – il-każ ta' Francisca Ramírez,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-Unjoni Ewropea tal-15 ta' Mejju 2018 dwar l-istabbiliment ta' djalogu nazzjonali fin-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tat-22 ta' April 2018 tas-Segretarjat Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani li tikkundanna l-vjolenza fin-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' April 2018 attribwibbli lill-Kelliem għas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-aħħar żvluppi fin-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili dwar ir-ripressjoni vjolenti tad-dimostrazzjonijiet fin-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra r-rapporti taċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nikaragwa (CENIDH) tal-4 ta' Mejju 2018 u tas-17 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra l-komunikati maħruġa mill-Konferenza Episkopali tan-Nikaragwa, u b'mod partikolari dik l-aktar reċenti, tat-23 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-osservazzjonijiet preliminari tal-21 ta' Mejju 2018 tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-2012 bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali, li daħal fis-seħħ f'Awwissu 2013, inklużi l-klawsoli tiegħu relatati mad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Ġunju 2004, u aġġornati fl-2008,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-1969,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, skont l-IACHR, 76 persuna inqatlu, 868 sfaw midruba, ħamsa minnhom sejrament, u 438 ġew arrestati matul il-protesti reċenti fin-Nikaragwa li bdew fit-18 ta' April wara li l-gvern tal-President Daniel Ortega introduċa bidliet għas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż, żied il-kontribuzzjonijiet għall-impjegati u għal min iħaddem, u naqqas il-benefiċċji għall-pensjonanti; billi r-riforma proposta ġiet irtirata fit-23 ta' April;

B.  billi fl-20 ta' April 2018, 600 student ġew attakkati fil-Katidral ta' Managua mill-qawwiet kontra l-irvelli; billi l-IACHR iddokumentat attakki fuq erba' siti universitarji (UCA, UPOLL, UNA u UNAN);

C.  billi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-media tnaqqsu b'mod serju, bl-għeluq u l-ibblukkar ta' erba' stazzjonijiet tat-TV li kienu qegħdin ixandru l-protesti – Canal 12, Canal de Noticias de Nicaragua (CDNN23), Telenorte u Canal 51, dan tal-aħħar huwa stazzjon tal-Konferenza Episkopali ta' Nikaragwa; billi dan l-att ta' ċensura statali ġie kkundannat mill-IACHR fl-24 ta' April; billi l-istazzjon 100% Noticias ġie bblukkjat u ma setax ixandar għal sitt ijiem; billi l-ġurnalist Ángel Eduardo Gahona kien fost dawk li nqatlu matul il-protesti; billi l-qtil, li seħħ matul xandira diretta, ta n-nar għal protesti u rvellijiet akbar;

D.  billi l-IACHR irrapportat wkoll każijiet ta' detenzjoni arbitrarja, tortura, trattament inuman, ċensura, attakki mifruxa kontra l-media u intimidazzjoni kontra l-ġurnalisti, kif ukoll attakki bl-għan li jimpedixxu d-dimostranti milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jipprotestaw paċifikament; billi l-IACHR tagħraf in-nuqqas ta' newtralità u l-użu eċċessiv ta' forza mill-forzi tas-sigurtà tal-istat;

E.  billi organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem irreġistraw bosta allegazzjonijiet dwar nuqqas ta' assistenza u ta' trattament lil dimostranti midruba fl-isptarijiet pubbliċi;

F.  billi fis-6 ta' Mejju ġiet stabbilita Kummissjoni għall-Verità u fid-19 ta' Mejju tnieda wkoll djalogu nazzjonali, bil-parteċipazzjoni tal-isqfijiet tan-Nikaragwa bħala medjaturi; billi fit-23 ta' Mejju l-isqfijiet iddikjaraw li d-djalogu nazzjonali ġie sospiż sakemm jingħata avviż ieħor minħabba nuqqas ta' kunsens; billi huma pproponew li jinħoloq kumitat konġunt magħmul minn sitt min-nies – tlieta mill-gvern u tlieta mill-pjattaforma "Alianza Cívica por la Justicia y la Democracia";

1.  Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu mal-familji tal-vittmi; jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza li faqqgħet fin-Nikaragwa u li wasslet għall-mewt ta' mill-inqas 76 persuna; jiddeplora l-użu ta' forza eċċessiva mill-awtoritajiet biex iwaqqfu l-protesti; jistieden lill-Gvern iwaqqaf immedjatament kwalunkwe ripressjoni u detenzjoni arbitrarja u jżarma kwalunkwe grupp vjolenti;

2.  Jappella lill-Gvern jipproteġi d-dritt li wieħed jipparteċipa f'dimostrazzjoni billi jiżgura s-sigurtà tad-dimostranti paċifiċi kollha; jistieden lill-Gvern japplika standards internazzjonali dwar l-użu tal-forza mill-forzi tas-sigurtà tal-istat u biex jaċċetta mekkaniżmu ta' inkjesta internazzjonali indipendenti biex jinvestiga l-imwiet ta' dawk li nqatlu matul il-protesti; jappella wkoll biex id-dimostranti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jmexxu l-protesti joqogħdu lura milli jużaw il-vjolenza huma u jeżerċitaw drittijiethom;

3.  Jistieden lill-Gvern jagħmel kull ma jista' biex jiżgura li ma jkun hemm l-ebda impunità għal dawk li wettqu d-delitti u biex jipprovdi aċċess imtejjeb lix-xhieda u lill-informaturi għal mekkaniżmi ta' protezzjoni; jitlob li jinħoloq reġistru pubbliku tal-attendenza fl-isptarijiet, kif talbet l-IACHR;

4.  Jiddeplora l-vjolazzjoni tal-libertà tal-media fin-Nikaragwa, sew qabel u sew wara l-protesti; iqis li s-sekwestru ta' stabbilimenti tal-media mill-awtoritajiet matul il-protesti mhuwiex aċċettabbli; jistieden lill-Gvern ireġġa' lura fil-pajjiż il-libertà sħiħa tal-media u l-libertà tal-espressjoni, u jtemm il-fastidju lill-ġurnalisti;

5.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa li qiegħda tiddeterjora u l-erożjoni kostanti tad-demokrazija fin-Nikaragwa u tad-drittijiet ċivili u politiċi tan-Nikaragwani; jirrikonoxxi li d-dimostrazzjonijiet urew l-ansjetà taċ-ċittadini fil-konfront tal-poteri politiċi fin-Nikaragwa; ifakkar li aktar mistoqsijiet dwar il-funzjonament tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt żdiedu mal-protesti inizjali kontra r-riforma tas-sistema tas-sigurtà soċjali; jirrimarka li d-djalogu nazzjonali għandu jinkludi wkoll riformi politiċi fil-pajjiż, b'mod partikolari riforma tas-sistema elettorali u, possibbilment, qbil dwar il-kalendarju elettorali;

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' djalogu nazzjonali u l-Kummissjoni għall-Verità; ifakkar li l-unika soluzzjoni għall-kriżi hija permezz tad-djalogu u tan-negozjati; jappella b'mod urġenti għall-ħolqien ta' kumitat konġunt u biex jerġgħu jibdew in-negozjati; jenfasizza li d-djalogu għandu jsir fl-assenza ta' kull vjolenza u repressjoni, bir-rispett tad-dritt u tal-kostituzzjoni, u tal-prinċipju li kwalunkwe bidla fil-liġijiet għandha ssir bi qbil mal-proċeduri stabbiliti f'dawn tal-aħħar;

7.  Jitlob lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jkompli jikkoopera man-Nikaragwa biex tinstab soluzzjoni paċifika u nnegozjata għall-kriżi u biex jipprovdi pariri u medjazzjoni jekk jintalab jagħmel dan;

8.  Jirrimarka li, fid-dawl tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali, in-Nikaragwa trid tiġi mfakkra fil-ħtieġa li tirrispetta l-prinċipji tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem, kif osservati u promossi mill-UE; iħeġġeġ lill-UE tissorvelja s-sitwazzjoni u, jekk ikun meħtieġ, tivvaluta l-miżuri potenzjali li jkunu jridu jittieħdu;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa.

 

(1)

ĠU C 45E, 23.2.2010, p. 89.

(2)

ĠU C 285E, 21.10.2010, p. 74.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2017)0043.

Aġġornata l-aħħar: 30 ta' Mejju 2018Avviż legali