Proċedura : 2018/2711(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0249/2018

Testi mressqa :

B8-0249/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 31/05/2018 - 7.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0238

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 411kWORD 44k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0244/2018
28.5.2018
PE621.633v01-00
 
B8-0249/2019

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa  (2018/2711(RSP))


Charles Tannock, Karol Karski, Ruža Tomašić, Raffaele Fitto, Monica Macovei, Valdemar Tomaševski, Jana Žitňanská, Pirkko Ruohonen-Lerner, Jadwiga Wiśniewska, Anna Elżbieta Fotyga f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa  (2018/2711(RSP))  
B8‑0249/2019

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali tad-29 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kelliem tal-VP/RGħ tat-22 ta' April 2018 dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa u tal-15 ta' Mejju 2018 dwar it-twaqqif ta' djalogu nazzjonali fin-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Strateġija tal-UE dwar il-Pajjiż u l-Programm Pluriennali Indikattiv 2014-2020 dwar in-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li n-Nikaragwa rratifikat fl-1980,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (UNDRIP) tal-2007, li tagħha n-Nikaragwa hija parti kontraenti,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi n-Nikaragwa inħakmet minn inkwiet politiku mit-18 ta' April, wara li l-President Daniel Ortega ppropona miżuri ta' awsterità b'rabta mas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż; billi lejn l-aħħar ta' April, il-President Ortega reġa' lura mill-proposti tiegħu dwar il-miżuri tas-sigurtà soċjali;

B.  billi r-reazzjoni tal-gvern kienet vjolenti, u l-forzi tas-sigurtà madwar il-pajjiż sparaw munizzjon attiv biex jisparpaljaw id-dimostrazzjonijiet;

C.  billi l-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR), fuq stedina mill-gvern, wettqet żjara ta' ħidma fin-Nikaragwa f'Mejju sabiex tosserva s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż fil-kuntest tal-ġrajjiet li kienu seħħew minn nofs April;

D.  billi f'rapport preliminari dwar is-sejbiet tagħha, l-IACHR iddikjarat li, mit-18 ta' April, kienet iddokumentat li tal-anqas 76 persuna kienu sfaw maqtula u 868 midruba;

E.  billi fid-19 ta' April, ġew sospiżi temporanjament it-trażmissjonijiet ta' erba' stazzjonijiet tal-aħbarijiet tat-TV sabiex jitwaqqfilhom ix-xandir dirett tal-protesti; billi xi ġurnalisti kienu allegatament attakkati waqt li kienu qed jagħmlu servizz dwar il-protesti;

F.  billi fis-27 ta' April 2018, il-President tal-Asamblea Nacional, Gustavo Porras, ħabbar li kienet se tinħoloq Kummissjoni tal-Verità biex tinvestiga dak li kien ġara waqt il-protesti; billi, fis-6 ta' Mejju 2018, bord ta' seba' leġiżlaturi – li ħamsa minnhom jappartjenu għall-partit tal-President Ortega – għażlu l-ħames membri tal-Kummissjoni u billi l-Asamblea Nacional irratifikat il-ħatra tagħhom;

G.  billi fis-16 ta' Mejju ngħata bidu għal djalogu nazzjonali, fejn il-Knisja Kattolika qed taġixxi bħala medjatur, u li fih hu maħsub li jipparteċipaw il-forzi politiċi kollha; billi fit-23 ta' Mejju, id-diskussjonijiet waslu f'imblokk u l-proċess ġie sospiż indefinittivament, peress li n-negozjaturi tal-gvern irrifjutaw li jiddiskutu l-aġenda b'40 punt ippreżentata mill-medjaturi, li kienet tinkludi pjan direzzjonali li jwassal għal elezzjonijiet demokratiċi, inklużi riformi fil-liġi elettorali, li l-elezzjonijiet presidenzjali jitmexxew 'il quddiem u li jiġi pprojbit li l-president jiġi elett mill-ġdid;

H.  billi d-demokrazija u l-istat tad-dritt fin-Nikaragwa marru għall-agħar f'dawn l-aħħar snin, minħabba li l-President saħħaħ il-ħakma tiegħu fuq il-parlament, il-ġudikatura, l-armata, il-pulizija u l-midja, u l-ispazju għas-soċjetà ċivili ċċekken b'mod kostanti;

I.  billi l-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali jridu jkunu parti integrali mill-politiki esterni tal-UE, inkluż tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali tal-2012;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-ġlied vjolenti bejn id-dimostranti u l-forzi tas-sigurtà fin-Nikaragwa, li ħalla ħafna nies mejta u midruba;

2.  Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu mal-familji tal-vittmi;

3.  Jenfasizza li jeħtieġ li l-protesti jitwettqu b'mod paċifiku, u li l-forzi tas-sigurtà pubblika jeħtiġilhom jaġixxu bl-akbar rażan;

4.  Iħeġġeġ lill-Gvern iniedi investigazzjoni imparzjali u indipendenti, u jressaq quddiem il-ġustizzja lil dawk involuti fit-twettiq ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem matul il-protesti; huwa mħasseb li l-Membri tal-Kummissjoni tal-Verità l-ġdida li twaqqfet mill-Asamblea Nacional kollha għandhom rabtiet mill-qrib mal-partit fil-gvern, li jipperikola serjament kull dehra ta' imparzjalità; jilqa' d-deċiżjoni tal-gvern li jistieden lill-IACHR iżżur il-pajjiż;

5.  Jistieden lill-gvern jirrispetta l-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda b'mod paċifiku, f'konformità mad-dritt nazzjonali u internazzjonali, bħala element essenzjali ta' soċjetà demokratika; barra minn hekk, jistieden lill-awtoritajiet jirrispettaw il-libertà tal-istampa u tal-midja bħala element fundamentali ta' soċjetà miftuħa, kif iggarantit mill-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa;

6.  Jilqa' t-twaqqif ta' djalogu nazzjonali; jiddeplora, madankollu, il-fatt li, ġimgħa biss wara l-bidu tat-taħditiet, il-proċess kien diġà mblukkat; jenfasizza l-appoġġ tiegħu għal djalogu inklużiv dwar il-ġustizzja u d-demokrazija u jemmen li dan huwa l-uniku mod kif il-pajjiż joħroġ mill-kriżi; jistieden lill-gvern jipparteċipa fid-djalogu b'manjiera miftuħa u responabbli u jagħmel l-almu tiegħu biex jiżgura eżitu b'suċċess tad-djalogu;

7.  Jesprimi t-tħassib tiegħu għas-sitwazzjoni li kostantement sejra għall-agħar tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa; jistieden lill-gvern jirrispetta bis-sħiħ il-valuri demokratiċi, inkluża s-separazzjoni tal-poteri; ifakkar li l-parteċipazzjoni sħiħa tal-oppożizzjoni, id-depolarizzazzjoni tal-ġudikatura, it-tmiem tal-impunità, u soċjetà ċivili indipendenti huma fatturi essenzjali għas-suċċess ta' demokrazija;

8.  Jirrimarka li, fid-dawl tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali, in-Nikaragwa trid tiġi mfakkra fil-ħtieġa li tirrispetta l-prinċipji tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem, kif osservati u promossi mill-UE; iħeġġeġ lill-UE tissorvelja s-sitwazzjoni u, jekk ikun meħtieġ, tivvaluta l-miżuri potenzjali li jkunu jridu jittieħdu;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tan-Nikaragwa.

 

Aġġornata l-aħħar: 30 ta' Mejju 2018Avviż legali