Proċedura : 2018/2711(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0251/2018

Testi mressqa :

B8-0251/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 31/05/2018 - 7.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0238

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 423kWORD 50k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0244/2018
28.5.2018
PE621.636v01-00
 
B8-0251/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa (2018/2711(RSP))


Dita Charanzová, Ali Nedzhmi, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Gérard Deprez, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Patricia Lalonde, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Pavel Telička, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa (2018/2711(RSP))  
B8-0251/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa, b'mod partikolari dik tas-16 ta' Frar 2017 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fin-Nikaragwa – il-każ ta' Francisca Ramirez(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kelliem tal-VP/RGħ tad-19 ta' Novembru 2016 dwar ir-riżultati finali tal-elezzjonijiet fin-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kelliem tal-VP/RGħ tat-22 ta' April 2018 dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa u tal-15 ta' Mejju 2018 dwar it-twaqqif ta' djalogu nazzjonali fin-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) tas-27 ta' April 2018, fejn ġew ċitati l-opinjonijiet tal-esperti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' April 2018 tal-kelliema tal-Uffiċċju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Liz Throssell dwar il-vjolenza relatata mal-protesti fin-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra ż-żjara tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) bejn is-17 u l-21 ta' Mejju 2018 biex tinvestiga s-sitwazzjoni fin-Nikaragwa u d-dikjarazzjoni preliminari tagħha tal-21 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarjat Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani dwar in-Nikaragwa tal-20 ta' Jannar 2017,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali tad-29 ta' Ġunju 2012, li daħal fis-seħħ f'Awwissu 2013, inklużi l-klawsoli tiegħu relatati mad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Ġunju 2004, u mbagħad aġġornati fl-2008,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Diċembru 1998,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li n-Nikaragwa hi firmatarja tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-istat tan-Nikaragwa ġarrab tnaqqis tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt f'dan l-aħħar deċennju; billi n-nuqqas ta' drittijiet ta' libertà ta' espressjoni u ta' protesta paċifika, rikonoxxuti bħala l-pilastru tas-soċjetajiet demokratiċi, jimpedixxi soluzzjoni paċifika u dejjiema għall-kunflitti fil-pajjiż;

B.  billi, skont ir-rapport preliminari tal-IACHR, tal-anqas 76 ċivili nqatlu, aktar minn 868 indarbu u 438 ġew detenuti arbitrarjament, inklużi studenti, attivisti tas-soċjetà ċivili u ġurnalisti, matul il-protesti kontra r-riformi fis-settur tas-sigurtà soċjali mħabbra mill-President Daniel Ortega fit-18 ta' April 2018; billi l-maġġoranza tal-vittmi ġarrbu ġrieħi minn tiri fir-ras, l-għonq, is-sider jew iż-żaqq, u dan iwassal għall-ħsieb li l-ordni lill-forzi tas-sigurtà kienet dik ta' qtil, u b'hekk ir-rapport preliminari tal-IACHR jindika l-possibbiltà li twettqu eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji; billi ġew dokumentati tortura, trattament krudil, inuman u degradanti, kampanji ta' kriminalizzazzjoni, theddid u fastidju u forom oħra ta' intimidazzjoni.

C.  billi, fit-23 ta' April 2018, il-President Ortega ħabbar il-kanċellazzjoni tar-riforma tas-sigurtà soċjali, iżda d-dimostrazzjonijiet inbidlu f'disturbi usa' kontra l-gvern tiegħu u kien hemm sejħiet għal gvern interim; billi l-awtoritajiet tan-Nikaragwa stigmatizzaw lid-dimostranti apertament bħala "vandali" filwaqt li akkużawhom b'"manipulazzjoni politika";

D.  billi l-għadd kbir ta' mwiet jagħti indikazzjoni ċara tal-forza eċċessiva min-naħa tal-awtoritajiet tal-istat, bi ksur tal-prinċipji ta' neċessità u ta' proporzjonalità stabbiliti mid-dritt u l-istandards internazzjonali li jiffissaw l-limiti għall-użu tal-forza; billi gruppi ta' ċivili marbuta mal-Juventud Sandinista qed jaġixxu b'impunità totali u bil-kompliċità u l-kunsens tal-pulizija; billi l-kap tal-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa, Aminta Granera, irriżenjat minħabba l-użu eċċessiv ta' vjolenza;

E.  billi fis-16 ta' Mejju 2018 tnieda djalogu nazzjonali taħt il-patroċinju tal-knisja Kattolika, iżda, skont uffiċjali tal-knisja, dan ingħalaq mingħajr kunsens bejn il-partijiet fit-23 ta' Mejju;

F.  billi fit-23 ta' Mejju, il-kap tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS), Luis Almagro appella għal "proċess elettorali ħieles, ġust u trasparenti" bħala l-unika soluzzjoni għas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa; billi l-awtoritajiet tan-Nikaragwa ddikjaraw li "elezzjonijiet ġodda se jiddistruġġu l-ordni kostituzzjonali u gvern elett b'mod demokratiku"; billi fid-19 ta' Novembru 2016 l-UE "[...]iddispjaċiha li l-proċess elettorali ma kienx jipprovdi l-kundizzjonijiet għal parteċipazzjoni mhux ristretta tal-forzi politiċi kollha fil-pajjiż, kif ukoll in-nuqqas ta' kemm osservaturi internazzjonali kif ukoll osseraturi lokali indipendenti akkreditati";

G.  billi l-mezzi tal-media li rrapportaw il-protesti ngħalqu mill-gvern b'mod arbitrarju u l-ġurnalisti li esprimew kwalunkwe forma ta' oppożizzjoni ġew ffastidjati, intimidati u detenuti;

H.  billi mill-2007, Daniel Ortega ġie elett fil-kariga ta' President tliet darbiet b'mod konsekuttiv minkejja l-fatt li l-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa tipprojbixxi l-elezzjoni mill-ġdid b'mod konsekuttiv, u dan juri l-korruzzjoni u awtoritarjaniżmu li l-istat irrikorra għalihom biex il-President u l-partit fil-gvern ikunu jistgħu jikkontrollaw is-setgħat, ir-riżorsi kif ukoll il-ġudikatura tal-istat;

I.  billi r-repressjoni mill-awtoritajiet tan-Nikaragwa fuq il-libertà ta' espressjoni u l-fastidju fil-konfront tal-mexxejja tal-oppożizzjoni ġew ikkundannati bħala attakk fuq il-libertajiet ċivili; billi gruppi tad-drittijiet tal-bniedem ikkundannaw il-konċentrazzjoni gradwali tal-poter ikkawżata mill-ħakma ta' partit wieħed u t-tidgħif tal-istituzzjonijiet;

J.  billi l-korruzzjoni fis-settur pubbliku, anke każijiet li jinvolvu l-qraba tal-President, għadha waħda mill-akbar sfidi; billi t-tixħim ta' uffiċjali pubbliċi, is-sekwestri illegali u l-valutazzjonijiet arbitrarji mill-awtoritajiet tad-dwana u tat-taxxa huma komuni ħafna; billi ġew espressi preokkupazzjonijiet leġittimi dwar nepotiżmu fi ħdan il-Gvern tan-Nikaragwa;

1.  Jikkundanna bil-qawwa r-repressjoni brutali tad-dimostrazzjonijiet li seħħew fin-Nikaragwa kontra riformi fis-settur tas-sigurtà soċjali u jesprimi t-tħassib serju tiegħu fir-rigward tar-rapporti tal-użu ta' munizzjon attiv biex jinterrompi l-protesti, li rriżultat f'mill-inqas 76 persuna mejta u kważi 900 midruba; jitlob lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jwaqqfu immedjatament kull att ta' vjolenza mill-forzi armati, il-pulizija u l-gruppi paramilitari marbuta mal-gvern fuq in-nies tan-Nikaragwa li qed jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom għal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jiggarantixxu dawn il-libertajiet f'konformità mal-ftehimiet internazzjonali li l-pajjiż huwa firmatarju tagħhom; jesprimi l-kondoljanzi u s-simpatija tiegħu lill-familji tal-vittmi kollha maqtula u midruba matul id-dimostrazzjonijiet;

2.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jeħilsu lill-persuni kollha li ġew detenuti b'mod arbitrarju u jipprovdu garanziji li mhi ser tittieħed ebda azzjoni kriminali fil-konfront tagħhom;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jerġgħu jinvolvu ruħhom, b'mod serju u kostruttiv, fi proċess ta' djalogu nazzjonali inklużiv, u jenfasizza l-importanza li tiġi evitata kwalunkwe eskalazzjoni ulterjuri tas-sitwazzjoni, li jintemmu l-awtoritarjaniżmu, ir-repressjoni u l-vjolenza li jippersistu fin-Nikaragwa, u li tali miżuri, biex tissolva l-kriżi, ikunu jinkludu l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet ħielsa, ġusti u trasparenti b'osservazzjoni internazzjonali indipendenti biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda frodi elettorali;

4.  Jieħu att tad-diffikultà li din il-kriżi tiġi riżolta għal tul ta' żmien twil minħabba n-nuqqas ta' separazzjoni tas-setgħat u istituzzjonijiet indipendenti fil-pajjiż; jemmen li, f'dan il-kuntest, it-twaqqif ta' Kummissjoni għall-Verità, bil-parteċipazzjoni ta' atturi nazzjonali u internazzjonali indipendenti, jista' jikkontribwixxi għal rikonċiljazzjoni fil-livell nazzjonali; jistieden lill-Unjoni Ewropea timpenja ruħha b'mod attiv biex tgħin ħalli tinkiseb soluzzjoni demokratika għall-kriżi;

5.  Jilqa' ż-żjara tal-IACHR fin-Nikaragwa u jesprimi tħassib dwar il-konklużjonijiet tar-rapport preliminari; jitlob lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jippermettu li ssir investigazzjoni internazzjonali, indipendenti u trasparenti mingħajr dewmien sabiex jiġu identifikati ċ-ċirkustanzi tar-repressjoni u l-imwiet matul il-protesti, u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja, kif ukoll dawk responsabbli għat-tortura u għall-abbużi fil-konfront tad-detenuti matul id-detenzjoni;

6.  Jikkundanna l-kampanji ta' malafama mwettqa mill-istat, kif ukoll it-theddid, l-attakki l-intimidazzjoni kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem minħabba r-rwol ta' sostenn u ta' monitoraġġ tagħhom waqt il-protesti; huwa estremament imħasseb għas-sikurezza tal-ġurnalisti li jirraportaw il-protesti, peress li r-rapporti indikaw attakki kontinwi fuq il-ġurnalisti u l-aġenziji tax-xandir, li jeħtieġ li jintemmu immedjatament;

7.  Jafferma mill-ġdid li l-libertà tal-istampa u tal-media huma elementi vitali tad-demokrazija u soċjetà miftuħa, u jitlob lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jerġgħu jdaħħlu l-pluralità tal-media; jitlob lill-awtoritajiet jirrispettaw il-ħidma mwettqa mid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-media u jiggarantixxu li dawn jiġu protetti b'mod adegwat; ifakkar lill-forzi tas-sigurtà tan-Nikaragwa li dmirhom, qabel kollox, huwa li jiddefendu liċ-ċittadini minn kull ħsara;

8.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jipprovdu lill-atturi kollha tas-soċjetà, inklużi lill-forzi tal-oppożizzjoni u lis-soċjetà ċivili, spazju adegwat biex joperaw liberament, b'mod konformi mad-dritt internazzjonali, sabiex titwitta t-triq għan-naħat kollha tal-oppożizzjoni biex jiddiskutu s-sitwazzjoni tan-Nikaragwa u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; ifakkar li d-depolarizzazzjoni tal-ġudikatura u t-tmiem tal-impunità huma fatturi essenzjali għas-suċċess ta' kwalunkwe demokrazija;

9.  Jiddenunzja l-passi illegali meħuda bi vjolazzjoni tas-sistema ġudizzjarja li rriżultaw f'bidliet kostituzzjonali li eliminaw il-limiti tal-mandat presidenzjali u ppermettew il-presidenza kontinwa ta' Daniel Ortega, u b'hekk kisru b'mod ċar id-dritt għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti; jisħaq fuq il-bżonn ta' istituzzjonijiet demokratiċi b'saħħithom, tal-libertà ta' għaqda u ta' pluralità politika;

10.  Huwa mħasseb dwar il-kollużjoni u l-kunflitti ta' interess bejn il-membri tal-Kunsill Għoli ta' Impriżi Privati (COSEP) u l-gvern; jappella lil dawn il-membri biex jirriżenjaw mill-bordijiet eżekuttivi ta' entitajiet statali u ma jibqgħux jipparteċipaw fihom, b'mod partikolari l-parteċipazzjoni tal-membri tal-COSEP fl-Istitut tas-Sigurtà Soċjali (INSS) tan-Nikaragwa;

11.  Jirrimarka li, fid-dawl tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali, in-Nikaragwa trid tiġi mfakkra fil-ħtieġa li tirrispetta l-prinċipji tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem, kif osservati u promossi mill-Unjoni Ewropea;

12.  Jinsab imħasseb dwar ir-rabtiet bejn il-President Ortega u konflitti oħra fir-reġjun, pereżempju l-kompliċità tiegħu mar-reġim tal-Venezwela, il-protezzjoni tad-dħul min-narkotiċi tal-Forzi Armati Rivoluzzjonarji tal-Kolombja (FARC), u d-dipendenza politika tal-pajjiż fuq Kuba;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2017)0043.

Aġġornata l-aħħar: 30 ta' Mejju 2018Avviż legali