Proċedura : 2018/2711(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0252/2018

Testi mressqa :

B8-0252/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 31/05/2018 - 7.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0238

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 406kWORD 45k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0244/2018
28.5.2018
PE621.637v01-00
 
B8-0252/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa (2018/2711(RSP))


Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa (2018/2711(RSP))  
B8‑0252/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-SEAE tal-15 ta' Mejju 2018 dwar l-istabbiliment ta' djalogu nazzjonali fin-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' April 2018 tad-Delegazzjoni tal-UE fin-Nikaragwa dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tas-SEAE tat-22 ta' April 2018 dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra ż-żjara tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) fin-Nikaragwa u l-osservazzjonijiet preliminari minn din iż-żjara,

–  wara li kkunsidra r-rapport preliminari tal-IACHR dwar in-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar in-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) dwar in-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra il-Karta tal-OAS u l-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra t-talbiet tal-awtoritajiet tan-Nikaragwa maħruġa mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi f'Novembru 2016, Daniel Ortega rebaħ it-tielet mandat bħala President tan-Nikaragwa; billi l-kandidata għall-Viċi President hija martu, Rosario Murillo,

B.  billi f'April 2018 bdew il-protesti fin-Nikaragwa wara li tħabbret liġi li se żżid il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali filwaqt li tnaqqas il-pensjonijiet; billi r-riforma tas-sigurtà soċjali tista' titqies bħala "parti żgħira" biss ta' lista dejjem akbar ta' akkużi kontra Ortega, akkużat bi frodi elettorali, b'negliġenza dwar diżastru ambjentali u b'tentattiv li joħloq dinastija;

C.  billi l-protesti paċifiċi mmexxija mill-istudenti ntlaqgħu minn reazzjoni vjolenti mill-gvern u malajr eskalaw f'irvellijiet, u minn tal-anqas 76 persuna mejta u mijiet midruba jew arrestati;

D.  billi waqt id-dimostrazzjonijiet il-gvern għalaq il-media u ċċensura l-media online f'tentattiv biex jaħbi l-protesti;

E.  billi Ortega, wara pressjoni mill-protesti, waqqaf ir-riforma fit-22 ta' April u mbagħad qabel li jiftaħ djalogu nazzjonali ma' diversi setturi tal-pajjiż;

F.  billi minkejja li Ortega qabel li jinfetaħ djalogu, il-protesti komplew u fihom jitolbu ġustizzja għal dawk li nqatlu, restawr tad-demokrazija, il-paċi u l-ġustizzja kif ukoll ir-riżenja ta' Ortega;

G.  Billi fis-17 ta' Mejju, tnieda djalogu nazzjonali f'Managua bejn il-gvern, is-settur privat, il-gruppi tal-oppożizzjoni u l-NGOs, bil-medjazzjoni tal-Konferenza Episkopali tan-Nikaragwa;

H.  billi l-IACHR żaret in-Nikaragwa mis-17 sal-21 ta' Mejju; billi ddokumentat arresti illegali u arbitrarji, prattiki ta' tortura, trattament krudil, inuman u degradanti, ċensura tal-istampa u attakki kontriha, u forom oħra ta' intimidazzjoni bħal theddidiet u persekuzzjoni maħsuba biex ixejnu l-protesti u jinibixxu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini;

I.  billi d-djalogu nazzjonali issa ġie sospiż minħabba nuqqas ta' qbil dwar l-aġenda li għandha tiġi diskussa, filwaqt li qed ikomplu konfrontazzjonijiet vjolenti fil-pajjiż kollu;

J.  billi l-Avukat Ġenerali tan-Nikaragwa ħabbar il-ftuħ ta' investigazzjoni formali dwar l-imwiet, u l-Assemblea Nazzjonali tan-Nikaragwa stabbiliet kummissjoni nazzjonali għall-verità biex tinvestiga l-imwiet u l-allegazzjonijiet ta' ksur tad-drittijiet matul il-protesti; billi l-membri ta' din il-kummissjoni għandhom konnessjonijiet mal-gvern u s'issa ma ttieħdet l-ebda azzjoni;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu sproporzjonat u indiskriminat tal-forza kontra studenti, dimostranti, u ġurnalisti li wassal għal mill-inqas 76 persuna mejta u d-detenzjoni arbitrarja tad-dimostranti; bl-istess mod jikkundanna l-mewt ta' żewġ uffiċjali tal-pulizija u l-aggressjoni kontra l-uffiċjali pubbliċi; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi u jawgura fejqan ta' malajr lil dawk midruba;

2.  Jitlob lill-Gvern tan-Nikaragwa jiżgura li ma jintużawx armi letali kontra d-dimostranti, u jfakkar li l-użu tal-forza, fiċ-ċirkostanzi kollha, irid ikun konformi mal-prinċipji ta' eċċezzjonalità, legalità, neċessità u proporzjonalità u mal-istandards internazzjonali dwar l-użu tal-forza minn aġenti tal-infurzar tal-liġi;

3.  Jappella lill-Gvern tan-Nikaragwa jtemm minnufih ir-repressjoni vjolenti tal-protesti u jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiggarantixxi l-eżerċizzju sħiħ u liberu tad-dritt għall-protesta, id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, id-dritt tal-għaqda paċifika u d-dritt għal parteċipazzjoni politika tal-popolazzjoni;

4.  Ifakkar lill-partijiet kollha li l-vjolenza hija inaċċettabbli u li d-differenzi jistgħu jiġu solvuti biss permezz ta' djalogu inklużiv; jistieden lill-partijiet kollha jaġixxu b'moderazzjoni, iwaqqfu l-vjolenza u jagħmlu kull sforz possibbli biex is-sitwazzjoni ma tkomplix tiggrava; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-istat joqogħdu lura milli jagħmlu dikjarazzjonijiet pubbliċi li jistigmatizzaw lid-dimostranti, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-ġurnalisti, u milli jużaw il-media statali biex jagħmlu kampanji pubbliċi li jistgħu jinkoraġġixxu l-vjolenza;

5.  Jikkundanna l-miżuri ta' ċensura meħuda kontra l-istampa u tal-media online, kif ukoll l-intimidazzjoni u l-aggressjoni lejn il-ġurnalisti; itenni li l-libertà u l-indipendenza tal-media huma komponenti kruċjali tad-dritt tal-libertà u tal-espressjoni u għandha rwol essenzjali f'soċjetà demokratika, u bħala tali għandha dejjem tiġi rrispettata;

6.  Jappella biex jinħoloq mekkaniżmu internazzjonali ħalli jinvestiga l-vjolenza u l-imwiet li seħħew waqt il-protesti, sabiex dawk responsabbli jiġu identifikati u jinżammu responsabbli; jitlob li jingħata kumpens lill-vittmi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

7.  Jitlob li l-Gvern tan-Nikaragwa jiffaċilita ż-żjarat tal-organi kollha tad-drittijiet tal-bniedem tas-Sistema Inter-Amerikana u tan-NU, kif ukoll tal-atturi rilevanti oħra tal-komunità internazzjonali;

8.  Jilqa' l-bidu ta' djalogu nazzjonali mmexxi mill-knisja Kattolika, iżda huwa mħasseb li diġà kien hemm imblokk fil-kompożizzjoni tal-aġenda u d-diskussjonijiet ġew sospiżi; ifakkar lill-partijiet li d-djalogu nazzjonali huwa l-unika soluzzjoni possibbli għall-kriżi attwali, u jappellalhom sabiex jimpenjaw ruħhom f'dan il-proċess bil-għan li jintlaħaq ftehim sodisfaċenti;

9.  Jemmen bil-qawwa li d-djalogu huwa l-uniku mod biex jirrikonċilja l-aspirazzjonijiet ta' kulħadd u l-unika soluzzjoni għall-kriżi, iżda jqis li dan jirnexxi biss jekk ikun inklużiv u jekk l-partijiet kollha juru bona fede u rieda tajba biex jilħqu ftehim; jappoġġa l-idea li tiġi stabbilita kummissjoni mħallta sabiex jinstab kunsens u jingħeleb l-imblokk;

10.  Jistieden lill-Gvern tan-Nikaragwa jadotta u jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-IACHR u jwettaq mekkaniżmu ta' monitoraġġ ta' segwitu, kif ukoll jiddeċiedi dwar kalendarju konkret ta' żjarat ġodda mal-IACHR; jitlob li l-awtoritajiet tan-Nikaragwa jipproteġu l-persuni li xehdu quddiem l-IACHR u li joqogħdu lura milli jinvolvu ruħhom jew li jippermettu ritaljazzjoni kontrihom;

11.  Itenni li l-atti ta' vjolenza u l-attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jimminaw serjament ir-rwol fundamentali tas-soċjetà u l-istat tad-dritt; ifakkar lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa li jridu jiggarantixxu li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom mingħajr ebda restrizzjoni u mingħajr biża' ta' rappreżalji; jiddeplora, f'dan ir-rigward, il-kampanji ta' diffamazzjoni kontra CENIDH (Centro Nicaragüense de los Derechos Humanos/Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nikaragwa) u assoċjazzjonijiet oħra tad-drittijiet tal-bniedem;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa.

 

Aġġornata l-aħħar: 30 ta' Mejju 2018Avviż legali