Proċedura : 2018/2741(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0276/2018

Testi mressqa :

B8-0276/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/06/2018 - 7.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0266

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 420kWORD 48k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0275/2018
11.6.2018
PE621.674v01-00
 
B8-0276/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar it-territorji okkupati Georgjani għaxar snin wara l-invażjoni Russa (2018/2741(RSP))


Charles Tannock, Karol Karski, Urszula Krupa, Ryszard Antoni Legutko, Roberts Zīle, Anna Elżbieta Fotyga, Jadwiga Wiśniewska, Jan Zahradil f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-territorji okkupati Georgjani għaxar snin wara l-invażjoni Russa (2018/2741(RSP))  
B8‑0276/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008, iffirmat mill-Georgia u l-Federazzjoni Russa bil-medjazzjoni tal-UE, u l-ftehim ta' implimentazzjoni tat-8 ta' Settembru 2008,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tas-summits tas-Sħubija tal-Lvant, partikolarment dik maqbula fl-2017 fi Brussell,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet konġunti tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), partikolarment ir-rapport tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-implimentazzjoni tar-rieżami tal-PEV (JOIN(2017)0018) u d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tad-9 ta' Ġunju 2017 bit-titlu "Eastern Partnership – 20 Deliverables for 2020: Focusing on key priorities and tangible results" (SWD(2017)0300) (Is-Sħubija tal-Lvant – 20 Riżultat għall-2020: Enfasi fuq il-prijoritajiet ewlenin u r-riżultati tanġibbli), kif ukoll il-komunikazzjoni tal-2016 bit-titlu "Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Viċinat tal-Lvant u, partikolarment, ir-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi għaxar snin wara l-aggressjoni militari Russa fil-Georgia f'Awwissu 2008, il-Federazzjoni Russa għadha qed tokkupa illegalment it-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar – u b'hekk tkasbar id-dritt internazzjonali u s-sistema internazzjonali bbażata fuq ir-regoli – u qed tieħu passi lejn l-annessjoni sħiħa taż-żewġ reġjuni;

B.  billi r-Russja qiegħda ssaħħaħ kontinwament il-preżenza militari illegali tagħha fit-territorji okkupati tal-Georgia bil-bini ta' bażijiet ġodda, bl-introduzzjoni ta' truppi ġodda u tagħmir ġdid, u bit-twettiq ta' eżerċizzji militari;

C.  billi r-Russja qed tkompli tikser l-obbligi internazzjonali tagħha u tirrifjuta li timplimenta l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied iffirmat fit-12 ta' Awwissu 2008 bil-medjazzjoni tal-UE;

D.  billi r-Russja qed tkompli tiżola liż-żewġ reġjuni mill-bqija tal-pajjiż bl-għeluq ta' punti ta' qsim addizzjonali, bil-ħolqien ta' ostakli fiżiċi tul il-linja ta' demarkazzjoni amministrattiva (ABL) u bit-twettiq ta' kampanja biex tiġi eliminata l-kultura Georgjana;

E.  billi din il-linja qiegħda tidħol, b'mod gradwali iżda kostanti, 'il ġewwa fit-territorju kkontrollat minn Tbilisi fi proċess magħruf bħala "frunterizzazzjoni", u f'xi postijiet qed tgħaddi viċin ħafna ta' infrastruttura kritika bħal pipelines tal-gass;

F.  billi mijiet ta' eluf ta' persuni spostati internament u rifuġjati mkeċċija bil-forza mit-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar – ir-riżultat ta' mewġa wara l-oħra ta' tindif etniku – għadhom qed jiġu mċaħħda mid-dritt fundamentali tagħhom li jerġgħu lura lejn djarhom b'mod sikur u dinjituż;

G.  billi fir-reġjuni okkupati tal-Georgia qed jinkisru d-drittijiet bażiċi tal-bniedem, fosthom id-dritt għall-moviment liberu u r-residenza, id-dritt għall-proprjetà u d-dritt ta' aċċess għall-edukazzjoni bil-lingwa materna; billi diversi persuni għadhom qed jinħatfu u jinżammu illegalment;

H.  billi l-Federazzjoni Russa, bħala potenza li teżerċita l-kontroll effettiv fuq it-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, hija responsabbli għalkollox mill-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u mis-sitwazzjoni umanitarja fil-post;

I.  billi l-invażjoni tal-2008 kienet l-ewwel attakk importanti tar-Russja fuq l-ordni Ewropew bil-miftuħ; billi aktar tard saru attakki oħra, fosthom l-annessjoni tal-Krimea u l-gwerra fil-Lvant tal-Ukrajna;

J.  billi wieħed mill-għanijiet tal-invażjoni Russa kien li tinbidel is-sitwazzjoni fil-post u jiġi evitat li l-Georgia ssir membru tan-NATO kif imwiegħed waqt is-Summit ta' Bucharest aktar kmieni dik is-sena; billi l-eżitazzjoni tan-NATO li taċċetta lill-Georgia u lill-Ukrajna ġiet interpretata mir-Russja bħala opportunità biex taggredixxi bil-libertà kollha;

K.  billi ż-żjara ad hoc konġunta li għamlu l-mexxejja tal-Ewropa tal-Lvant Lech Kaczyński, President tal-Polonja, Toomas Hendrik Ilves, President tal-Estonja, Valdas Adamkus, President tal-Litwanja, Ivars Godmanis, Prim Ministru tal-Latvja, u Viktor Yushchenko, President tal-Ukrajna, fil-Georgia nhar it-12 ta' Awwissu 2008, hija ġeneralment meqjusa bħala fattur importanti biex ġie evitat li r-Russja tavvanza lejn Tbilisi u biex ġew iffaċilitati n-negozjati għall-waqfien mill-ġlied bil-medjazzjoni tal-Presidenza Franċiża tal-Kunsill tal-UE;

L.  billi l-Federazzjoni Russa qed tkompli tiċħad l-aċċess tal-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE (EUMM) għat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, bi ksur tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied iffirmat fit-12 ta' Awwissu 2008 bil-medjazzjoni tal-UE, u b'hekk mhix tħalli lill-missjoni timplimenta bis-sħiħ il-mandat tagħha;

1.  Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu, bla riżervi, għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia;

2.  Jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi kollha tal-kunflitt;

3.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-UE fin-negozjati għall-waqfien mill-ġlied u fl-appoġġ għan-naħa Georgjana, partikolarment bit-twaqqif tal-EUMM; jitlob lill-UE, madankollu, tieħu rwol saħansitra aktar attiv u tkompli timpenja ruħha attivament fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt, permezz tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia, bħala kopresident fid-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra, kif ukoll permezz tal-EUMM;

4.  Ifaħħar l-azzjoni deċiżiva meħuda mill-mexxejja tal-Ewropa tal-Lvant li żaru Tbilisi f'Awwissu 2008 meta t-truppi Russi kienu 50 kilometru biss 'il bogħod mill-belt kapitali Georgjana;

5.  Itenni l-appell tiegħu lir-Russja biex tirrispetta bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia, kif ukoll l-invjolabbiltà tal-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment, treġġa' lura r-rikonoxximent tas-separazzjoni tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, ittemm l-okkupazzjoni tagħhom u tirreċiproka l-impenn li ma tintużax il-forza fil-konfront tal-Georgia;

6.  Jikkundanna lir-Russja, lill-Venezwela, lin-Nikaragwa, lis-Sirja u lil Nauru talli rrikonoxxew lill-Abkażja u lill-Ossezja tan-Nofsinhar, u jistidinhom jirtiraw dan ir-rikonoxximent;

7.  Jikkundanna bil-qawwa l-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fil-konfront taċ-ċittadini tal-Georgia min-naħa ta' rappreżentanti tal-forzi okkupanti tal-Federazzjoni Russa, inklużi l-qtil, it-tortura u l-ħtif ta' persuni; jilqa', f'dan ir-rigward, l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni bipartitika min-naħa tal-Parlament tal-Georgia li tistabbilixxi "lista sewda" ta' persuni responsabbli minn dan il-ksur jew mill-ħabi tiegħu (lista Otkhozoria-Tatunashvili) u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kunsill jinkludu f'lista sewda lill-persuni li jidhru jew li għandhom mnejn jidhru fuq il-lista Otkhozoria-Tatunashvili u jimponu sanzjonijiet fuqhom kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE;

8.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa timplimenta bis-sħiħ il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008 billi twaqqaf immedjatament il-proċess ta' "frunterizzazzjoni" u t-tisħiħ tal-preżenza militari tagħha fiż-żewġ reġjuni okkupati;

9.  Ifakkar lill-Federazzjoni Russa li, bħala potenza okkupanti, għandha obbligi lejn il-popolazzjoni u li jeħtiġilha ttemm il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' moviment u ta' residenza, id-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' etniċità, u l-ksur tad-dritt għall-proprjetà u l-aċċess għall-edukazzjoni bil-lingwa materna fit-territorji okkupati tal-Georgia;

10.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa tippermetti lill-EUMM tikseb aċċess inkondizzjonat għat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, kif previst mill-mandat tagħha;

11.  Jikkundanna, f'dan ir-rigward, il-passi kollha meħuda mir-Russja għall-annessjoni totali tat-territorji tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar;

12.  Jirrikonoxxi li n-nuqqas ta' tweġiba adegwata għall-aggressjoni Russa kontra l-Georgia fl-2008 inkoraġġixxa lir-Russja tkompli bil-kampanji militari u politiċi aggressivi tagħha fil-pajjiżi tal-inħawi u lil hinn minnhom u, b'dan il-mod, iddgħajjef u timmina l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u l-istabbiltà fl-Ewropa u fi bnadi oħra;

13.  Jenfasizza li l-komunità internazzjonali jeħtiġilha tieħu pożizzjoni konsistenti, koordinata, magħquda u soda kontra l-politika tal-okkupazzjoni u l-annessjoni tar-Russja bħala l-uniku mezz biex ikunu żgurati r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt fil-Georgia u l-prevenzjoni ta' kunflitti simili fl-inħawi;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Parlament tal-Georgia u lill-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

 

(1)

ĠU C 11, 12.1.2018, p. 82.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2017)0493.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2017)0440.

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Ġunju 2018Avviż legali