Proċedura : 2018/2752(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0308/2018

Testi mressqa :

B8-0308/2018

Dibattiti :

PV 11/09/2018 - 15
CRE 11/09/2018 - 15

Votazzjonijiet :

PV 12/09/2018 - 6.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0341

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 406kWORD 46k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0308/2018
5.9.2018
PE621.719v01-00
 
B8-0308/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sistemi ta' armi awtonomi (2018/2752(RSP))


Reinhard Bütikofer, Bodil Valero, Max Andersson, Barbara Lochbihler, Monika Vana, Philippe Lamberts f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sistemi ta' armi awtonomi (2018/2752(RSP))  
B8‑0308/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu tat-3 ta' Mejju 2013 intitolat "L-implikazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem mill-użu ta' drones u ta' robots awtonomi fil-gwerer",

–  wara li kkunsidra d-diversi rapporti, rakkomandazzjonijiet u riżoluzzjonijiet tiegħu li jagħmlu sejħa għall-projbizzjoni tas-sistemi ta' armi awtonomi, bħall-mandat biex jinbdew negozjati adottat fil-plenarja fit-13 ta' Marzu 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża, ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2016 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(1), ir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-71 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti(2), u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar drones armati(3);

–  wara li kkunsidra rapporti rilevanti tan-NU, b'mod partikolari r-rapport tad-9 ta' April 2013 mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, Christof Heyns (UN A/HRC/23/47),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE dwar is-Sistemi ta' Armi Awtonomi Letali (LAWS) lill-Grupp ta' Esperti Governattivi tal-partijiet għall-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar Ċerti Armi Konvenzjonali tat-13 sas-17 ta' Novembru 2017 u tad-9 sat-13 ta' April 2018,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-31 ta' Mejju 2017 li ssejjaħ għal approċċ "bniedem fil-kmand" għall-intelliġenza artifiċjali (AI) u għal projbizzjoni tal-armi awtonomi,

–  wara li kkunsidra l-kontributi li saru minn Stati differenti, fosthom Stati Membri tal-UE, qabel il-laqgħat tal-2017 u tal-2018 tal-Grupp ta' Esperti Governattivi,

–  wara li kkunsidra l-ittra miftuħa ta' Lulju 2015 iffirmata minn aktar minn 3 000 riċerkatur fl-Intelliġenza Artifiċjali u r-robotika, u dik tal-21 ta' Awwissu 2017 iffirmata minn 116-il fundatur ta' kumpaniji ewlenin tar-robotika u tal-intelliġenza artifiċjali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet rilevanti mill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, u l-inizjattivi tas-soċjetà ċivili, bħall-Kampanja għal Tmiem tar-Robots Letali li tirrappreżenta 70 organizzazzjoni, fosthom Human Rights Watch, Article 36 u Amnesty International, fi 30 pajjiż,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi ġie rrappurtat li xi pajjiżi u industriji qed jiżviluppaw sistemi tal-armi b'diversi funzjonijiet awtonomi;

B.  billi sistemi ta' armi awtonomi letali (LAWS) għandhom il-potenzjal li jibdlu l-gwerra b'mod fundamentali, jaċċeleraw b'mod drammatiku l-ħeffa u l-iskala ta' żmien tal-interazzjonijiet militari ostili, u jagħtu lok għal tlielaq tal-armi bħal qatt qabel;

C.  billi l-użu ta' sistemi ta' armi awtonomi letali jqajjem mistoqsijiet etiċi u legali fundamentali dwar il-kontroll mill-bniedem, b'mod partikolari rigward funzjonijiet ta' importanza kritika, bħalma huma l-għażla tal-objettivi u l-attakk fuqhom;

D.  billi l-użu ta' sistemi awtonomi ta' armi letali jqajjem mistoqsijiet ċentrali dwar l-applikabbiltà tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, tal-liġi umanitarja internazzjonali u tan-normi u tal-valuri Ewropej fir-rigward ta' azzjonijiet militari futuri;

E.  billi, f'Awwissu 2017, 116-il fundatur ta' kumpaniji ewlenin tar-robotika u tal-intelliġenza artifiċjali bagħtu ittra miftuħa lin-NU, li fiha talbu li l-gvernijiet "jipprevjenu t-tellieqa tal-armi f'dawn l-armamenti" u "jevitaw l-effetti destabilizzanti ta' dawn it-teknoloġiji"; billi din l-ittra stqarret ukoll li "l-armi awtonomi letali jheddu li jsiru t-tielet rivoluzzjoni fil-gwerra" li sejra "tħalli li l-ġlied f'kunflitti armati jsir fuq skala akbar minn qatt qabel, u fuq skala ta' żmien wisq aktar rapida minn dik li jistgħu jifhmuha l-bnedmin";

1.  Jenfasizza l-ħtieġa li tittieħed azzjoni urġenti sabiex tevita l-proliferazzjoni ta' sistemi ta' armi awtonomi letali; jissottolinja li azzjoni komuni fil-livell tal-UE potenzjalment issaħħaħ lill-UE bħala attur internazzjonali, billi jkollha impatt fuq sfida ewlenija tas-sigurtà militari;

2.  Jitlob li l-Viċi President tal-Kummisjsoni / Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), l-Istati Membri u l-Kunsill jiżviluppaw u jadottaw b'urġenza pożizzjoni komuni dwar sistemi ta' armi awtonomi li tiżgura kontroll mill-bniedem fuq il-funzjonijiet kritiċi fl-użu, qabel il-laqgħa f'Novembru 2018 tal-Partijiet Kontraenti Għolja għall-Konvenzjoni dwar Ċerti Armi Konvenzjonali, u jitlobhom jitkellmu b'leħen wieħed f'fora rilevanti u jaġixxu skont dan;

3.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ, lill-Istati Membri u lill-Kunsill jaħdmu favur projbizzjoni internazzjonali ta' sistemi tal-armi neqsin minn kontroll sinifikanti mill-bniedem fil-funzjoni kritika li jagħżlu l-objettivi u jattakkawhom, kif talab il-Parlament f'diversi okkażjonijiet; jisħaq fuq l-importanza ċentrali li ssir prevenzjoni wkoll tar-riċerka, l-iżvilupp u l-produzzjoni ta' sistemi tal-armi neqsin mill-kontroll mill-bniedem, b'mod partikolari rigward funzjonijiet ta' importanza kritika, bħalma huma l-għażla tal-objettivi u l-attakk fuqhom;

4.  Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu tat-13 ta Marzu 2018 rigward ir-Regolament dwar l-Iżvilupp Industrijali Ewropew tad-Difiża, b'mod partikolari l-Artikolu 6 (azzjonijiet eliġibbli), u jenfasizza r-rieda tiegħu li jadotta pożizzjoni simili fil-kuntest tal-programm ta' riċerka tad-difiża li ġej, il-programm ta' żvilupp fl-industrija tad-difiża u karatteristiċi rilevanti oħra tal-Fond Ewropew għad-Difiża ta' wara l-2020;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2017)0494.

(2)

ĠU C 101, 16.3.2018, p. 166.

(3)

ĠU C 285, 29.8.2017, p. 110.

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Settembru 2018Avviż legali