Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0314/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0314/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar linji gwida għall-Istati Membri biex jiġi evitat li l-assistenza umanitarja tiġi kriminalizzata

29.6.2018 - (2018/2769(RSP))

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0034/2018
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

Claude Moraes f'isem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern


Proċedura : 2018/2769(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0314/2018
Testi mressqa :
B8-0314/2018
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-0314/2018

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar linji gwida għall-Istati Membri biex jiġi evitat li l-assistenza umanitarja tiġi kriminalizzata

(2018/2769(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE tat-28 ta' Novembru 2002 li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta' dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati ("Direttiva dwar l-Iffaċilitar")[1],

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2002 dwar it-tisħiħ tal-qafas penali biex ikun impedut it-tħaffif tad-dħul, it-transitu u r-residenza mhux awtorizzati ("Deċiżjoni Qafas")[2],

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2015 li jistabbilixxi Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti (2015-2020) (COM(2015)0285),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-22 ta' Marzu 2017 dwar il-valutazzjoni, taħt il-programm REFIT, tal-qafas ġuridiku tal-UE kontra l-iffaċilitar ta' dħul, transitu u residenza mhux awtorizzati: il-Pakkett dwar il-Faċilitaturi (id-Direttiva 2002/90/KE u d-Deċiżjoni Qafas 2002/946/ĠAI) (SWD(2017)0117),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2018 dwar il-progress rigward il-Patti Globali tan-NU għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari u dwar ir-Rifuġjati[3],

–  wara li kkunsidra l-istudju bil-titlu "Fit for purpose? The Facilitation Directive and the criminalisation of humanitarian assistance to irregular migrants" ("Tgħodd għall-għan li għalih hi maħsuba? Id-Direttiva dwar l-Iffaċilitar u l-kriminalizzazzjoni tal-assistenza umanitarja lill-migranti irregolari"), ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali tiegħu għall-Politiki Interni fl-2016,

–  wara li kkunsidra l-istudju li sar mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali dwar il-kriminalizzazzjoni tal-migranti li jinsabu f'qagħda irregolari u tal-persuni li jkollhom x'jaqsmu magħhom, ippubblikat fl-2014,

–  wara li kkunsidra d-Dokument dwar Kwistjoni tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa bit-titlu "Criminalisation of migration in Europe: Human rights implications" ("Il-kriminalizzazzjoni tal-migrazzjoni fl-Ewropa: implikazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem"), ippubblikat fl-4 ta' Frar 2010,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll tan-NU kontra l-Kuntrabandu tal-Migranti bl-Art, bil-Baħar u bl-Ajru, li Jissupplementa l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, adottat permezz tar-riżoluzzjoni 55/25 tal-15 ta' Novembru 2000 waqt il-55 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU ("il-Protokoll tan-NU dwar il-Kuntrabandu"),

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti tal-24 ta' April 2013 bit-titlu "Regional Study: management of the external borders of the European Union and its impact on the human rights of migrants" ("Studju Reġjonali: il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea u l-impatt tagħha fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti"),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija li saret lill-Kummissjoni dwar linji gwida għall-Istati Membri biex jiġi evitat li l-assistenza umanitarja tiġi kriminalizzata (O-000065/2018 – B8-0034/2018),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti (2015-2020), il-Kummissjoni saħqet fuq il-ħtieġa li "tiżgura li jkun hemm sanzjonijiet kriminali xierqa filwaqt li jiġu evitati r-riskji tal-kriminalizzazzjoni ta' dawk li jipprovdu għajnuna umanitarja lill-migranti f'diffikultà" u li ttejjeb il-Pakkett tal-UE dwar il-Faċilitaturi, li jiġbor fih id-Direttiva dwar l-Iffaċilitar u d-Deċiżjoni Qafas li takkumpanjaha;

B.  billi l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva dwar l-Iffaċilitar tiddisponi għal eżenzjoni mhux vinkolanti tal-assistenza umanitarja, li tagħti lill-Istati Membri l-għażla li ma jikkriminalizzawx l-iffaċilitar meta jkun ta' natura umanitarja;

C.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2018 dwar il-progress rigward il-Patti Globali tan-NU għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari u dwar ir-Rifuġjati, il-Parlament appella għan-nonkriminalizzazzjoni tal-assistenza umanitarja, għal kapaċitajiet akbar ta' tfittxija u salvataġġ għall-persuni li jkunu jinsabu f'diffikultà, biex l-istati kollha jibdew jużaw kapaċitajiet akbar, u biex l-appoġġ mogħti minn atturi privati u NGOs fit-twettiq ta' operazzjonijiet ta' salvataġġ fuq il-baħar u fuq l-art jiġi rikonoxxut;

D.  billi fid-dokument ta' ħidma tal-persunal tagħha dwar il-valutazzjoni, taħt il-programm REFIT, tal-Pakkett dwar il-Faċilitaturi, il-Kummissjoni enfasizzat li skambju msaħħaħ ta' għarfien u ta' prattiki tajba bejn il-prosekuturi, l-infurzar tal-liġi u s-soċjetà ċivili jista' jikkontribwixxi għat-titjib tas-sitwazzjoni attwali u jipprevjeni l-kriminalizzazzjoni tal-assistenza umanitarja ġenwina;

E.  billi l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva dwar l-Iffaċilitar ma jimponix fuq l-Istati Membri l-obbligu li jżommu lura milli jikkastigaw l-iffaċilitar ta' residenza irregolari meta ma hemm l-ebda element ta' intenzjoni ta' gwadann finanzjarju, u billi d-Deċiżjoni Qafas ma tinkludix dispożizzjonijiet obbligatorji li jipprevjenu l-ikkastigar ta' atti mwettqa għal finijiet umanitarji jew f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza;

1.  Ifakkar li skont id-Direttiva dwar l-Iffaċilitar u d-Deċiżjoni Qafas li takkumpanjaha, l-Istati Membri huma mitluba jimplimentaw leġiżlazzjoni li tintroduċi sanzjonijiet kriminali kontra l-iffaċilitar tad-dħul, it-transitu u r-residenza irregolari;

2.  Jesprimi tħassib dwar il-konsegwenzi mhux intenzjonati li għandu l-Pakkett dwar il-Faċilitaturi fuq iċ-ċittadini li jagħtu assistenza umanitarja lill-migranti u fuq il-koeżjoni soċjali tas-soċjetà akkoljenti b'mod ġenerali;

3.  Jenfasizza li b'konformità mal-Protokoll tan-NU dwar il-Kuntrabandu, l-atti ta' assistenza umanitarja ma għandhomx jiġu kriminalizzati;

4.  Jinnota li l-atturi li huma involuti fl-assistenza umanitarja jagħtu appoġġ lill-awtoritajiet nazzjonali fl-iżgurar li tali assistenza tingħata lil dawk li jinsabu fil-bżonn u jitlob li jkun hemm kooperazzjoni u koordinazzjoni operattiva ma taqta' xejn, b'konformità mal-qafas ġuridiku applikabbli, bejn l-atturi li jagħtu assistenza umanitarja u l-awtoritajiet kompetenti;

5.  Jiddispjaċih minħabba t-traspożizzjoni limitata ħafna min-naħa tal-Istati Membri tal-eżenzjoni tal-assistenza umanitarja li tiddisponi għaliha d-Direttiva dwar l-Iffaċilitar u jinnota li l-eżenzjoni għandha tiġi implimentata biex timblokka l-prosekuzzjoni, biex jiġi żgurat li ma jittiħdux passi legali kontra l-individwi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jagħtu assistenza lill-migranti għal raġunijiet umanitarji;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jittrasponu l-eżenzjoni tal-assistenza umanitarja li tiddisponi għaliha d-Direttiva dwar l-Iffaċilitar u jistabbilixxu sistemi adegwati għall-monitorjaġġ tal-infurzar u tal-applikazzjoni prattika effettiva tal-Pakkett dwar il-Faċilitaturi, billi jiġbru u jirreġistraw ta' kull sena informazzjoni dwar il-għadd ta' persuni arrestati għall-iffaċilitar fuq il-fruntieri u fil-pajjiż, il-għadd ta' proċedimenti ġudizzjarji li jkunu nbdew, il-għadd ta' kundanni, flimkien ma' informazzjoni dwar kif jiġu deċiżi s-sentenzi, u r-raġunijiet għala investigazzjoni titwaqqaf milli titkompla;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta linji gwida għall-Istati Membri li jispeċifikaw liema huma s-suriet ta' faċilitazzjoni li ma għandhomx jiġu kriminalizzati, sabiex jiġu żgurati ċ-ċarezza u l-uniformità fl-implimentazzjoni tal-acquis kurrenti, inkluż l-Artikolu 1(1)(b) u (2) tad-Direttiva dwar l-Iffaċilitar, u jisħaq li ċ-ċarezza tal-parametri se tiżgura konsistenza akbar fir-regolamentazzjoni kriminali tal-iffaċilitar fl-Istati Membri kollha u se tillimita l-kriminalizzazzjoni mhix mistħoqqa;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 4 ta' Lulju 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza