Proċedura : 2018/2770(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0316/2018

Testi mressqa :

B8-0316/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2018 - 6.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0313

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 431kWORD 48k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0315/2018
2.7.2018
PE621.744v01-00
 
B8-0316/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fil-fruntieri tagħha  (2018/2770(RSP))


Elena Valenciano, Francisco Assis, Ramón Jáuregui Atondo

f'isem il-Grupp S&D


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fil-fruntieri tagħha (2018/2770(RSP))  
B8‑0316/2018

Il-Parlament Ewropew,

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela, tat-12 ta' Marzu 2015, it-8 ta' Ġunju 2016, is-27 ta' April 2017, it-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela u tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Venezwela;

- wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tas-26 ta' Jannar 2018, tad-19 ta' April u tat-22 ta' Mejju 2018 dwar l-aħħar żviluppi fil-Venezwela;

- wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-13 ta' Novembru 2017, it-22 ta' Jannar, it-28 ta' Mejju u l-25 ta' Ġunju 2018,

 

- wara li kkunsidra l-missjoni uffiċjali tal-Kummissarju tal-UE għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, fil-Kolombja f'Marzu 2018,

 

- wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' April 2018 tal-Grupp tiegħu għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet,

- wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

- wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

- wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

- wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Frar 2018 tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, is-Sinjura Fatou Bensouda,

- wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-Venezwela tal-31 ta' Marzu 2017,

- wara li kkunsidra r-Rapport mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem "Human Rights Violations in the Bolivarian Republic of Venezuela" (Ksur tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela) tat-22 ta' Ġunju 2018,

- wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-28 ta' April 2017, mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, ir-Rapporteur Speċjali dwar il-libertà tal-għaqda paċifika u tal-assoċjazzjoni, ir-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u l-Grupp ta' Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja,

- wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja tal-G7 tat-23 ta' Mejju 2018,

- wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet ta' "El Grupo de Lima" tat-23 ta' Jannar 2018, l-14 ta' Frar 2018, il-21 ta' Mejju 2018 u t-2 ta' Ġunju 2018,

- wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' April 2018 tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) dwar is-sitwazzjoni umanitarja li sejra għall-agħar fil-Venezwela,

 

- wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem "Democratic Institutions, the Rule of Law and Human Rights in Venezuela" (L-Istituzzjonijiet Demokratiċi, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet tal-Bniedem fil-Venezwela), tat-12 ta' Frar 2018, kif ukoll ir-riżoluzzjoni tagħha tal-14 ta' Marzu 2018,

 

- wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

 

A.billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Venezwela qed tkompli sejra lura; billi għadd dejjem ikbar ta' persuni qed ikomplu jitilqu mill-Venezwela għal raġunijiet differenti, inklużi n-nuqqas ta' sigurtà u l-vjolenza, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u d-deterjorazzjoni tal-istat tad-dritt, in-nuqqas ta' ikel, mediċina jew aċċess għal servizzi soċjali essenzjali, kif ukoll telf ta' dħul finanzjarju u rati ta' faqar ogħla.

 

B.billi, skont l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, 87 % tal-popolazzjoni tal-Venezwela hija affettwata mill-faqar, b'faqar estrem li jammonta għal 61,2 %; billi l-mortalità materna żdiedet b'60 %, il-mortalità tat-trabi telgħet bi 30 %, u 80 % tat-tagħmir mediku mhuwiex disponibbli fil-pajjiż; billi fl-2017 il-marda tal-malarja żdiedet b'69 % mis-sena ta' qabel din, u dan ifisser l-akbar żieda fid-dinja kollha (WHO); billi mard ieħor bħat-tuberkulożi u l-ħosba waslu sal-punt li jsiru epidemiji; billi, minkejja n-numri allarmanti, il-Gvern Venezwelan jibqa' jiċħad l-eżistenza ta' kriżi umanitarja u jirrifjuta l-għajnuna internazzjonali;

 

C. billi s-sitwazzjoni ekonomika ħżienet b'mod sinifikanti; billi l-Fond Monetarju Internazzjonali jipprevedi li l-iperinflazzjoni fil-Venezwela se tispara sa 13 000 % fl-2018, 'il fuq mill-2 400 % stmata fl-2017, b'tali mod li l-prezzijiet, bħala medja, sejrin jiżdiedu bi kważi 1,5 % kull siegħa;

 

D. billi Kummissarju Għoli għar-Rapport tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ippubblikat fit-22 ta' Ġunju 2018 jirrileva li l-awtoritajiet tal-Venezwela naqsu milli jżommu responsabbli l-awturi ta' vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem li jinkludu każijiet ta' qtil, l-użu ta' forza eċċessiva kontra d-dimostranti, detenzjonijiet arbitrarji, maltrattament u tortura; billi l-impunità tidher ukoll li hija mifruxa favur uffiċjali tas-sigurtà ssuspettati bi qtil extraġudizzjarju ta' dimostranti; billi sejbiet bħal dawn ikomplu jkabbru s-sitwazzjoni ta' tensjoni fil-pajjiż;

 

E.billi din il-kriżi multidimensjonali attwali kkawżata mill-bniedem fil-Venezwela qed tiġġenera l-akbar spostament tal-popolazzjoni fir-reġjun; billi, skont figuri konservattivi tal-Gvern mogħtija mill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), 'il fuq minn 2 miljun ċittadin Venezwelan telqu mill-pajjiż mill-2014 u minnhom kważi miljun biss bejn l-2015 u l-2017; billi l-maġġoranza l-kbira tal-Venezwelani li ħarbu mill-pajjiż, 84 % skont l-IOM, marru lejn pajjiżi oħra tal-Amerika Latina.

 

F. billi skont l-IOM, il-Kolombja qed tospita l-akbar sehem b'aktar minn 820 000 Venezwelan li jgħixu fit-territorju tagħha, segwita mill-Perù bi kważi 350 000, l-Arġentina b'95 000 u l-Brażil b'50 000; billi 520 000 Venezwelan fir-reġjun kellhom aċċess għal forom legali alternattivi biex jibqgħu hemm; billi aktar minn 280 000 Venezwelan talbu status ta' rifuġjat madwar id-dinja; billi huwa stmat li aktar minn 60 % tal-Venezwelani għadhom f'sitwazzjoni irregolari; billi r-rotot marittimi huma dejjem aktar sinifikanti, b'mod partikolari fil-gżejjer tal-Karibew bħal Aruba, Curaçao, Bonaire u Trinidad u Tobago; billi l-pressjoni fuq il-pajjiżi ospitanti qed tiżdied dejjem aktar f'termini ta' għoti ta' assistenza lil min ikun għadu jasal fil-pajjiż;

 

G.billi tal-UNCHR nediet Appell Supplimentari għal 46,1 miljun dollaru sabiex ikopru r-reazzjoni inizjali f'disa' operazzjonijiet tal-UNHCR b'enfasi fuq il-pajjiżi ospitanti prinċipali: il-Brażil, il-Kolombja, il-Costa Rica, l-Ekwador, il-Messiku, il-Panama, il-Perù u n-Nofsinhar tal-Karibew; billi l-appell ikopri wkoll interventi fil-Venezwela; billi mit-13 ta' Ġunju 44 % biss, 20,5 miljun dollaru kienu ġew żborżati, li jfisser li d-diskrepanza fil-finanzjament tlaħħaq is-56 %.

 

H.billi fis-7 ta' Ġunju 2018 l-UE ħabbret pakkett ta' EUR 35,1 miljun f'għajnuna għall-iżvilupp ta' emerġenza biex tappoġġa lill-poplu Venezwelan u lill-pajjiżi tal-viċinat affettwati minn din il-kriżi; billi dan il-kontribut finanzjarju se jiżdied mat-EUR 37 miljun li l-UE diġà impenjat fi proġetti ta' kooperazzjoni u għajnuna umanitarja fil-pajjiż;

 

I.billi l-elezzjonijiet li saru fil-Venezwela fl-20 ta' Mejju 2018 la kienu liberi u lanqas ġusti u l-eżitu tagħhom kien nieqes minn kull kredibbiltà peress li l-proċess elettorali ma żgurax il-garanziji neċessarji biex dawn ikunu inklużivi u demokratiċi.

 

J.billi kull xahar aktar minn 12 000 Venezwelan jidħlu fl-Istat Brażiljan ta' Roraima, li minnhom madwar 2 700 joqogħdu fil-belt ta' Boa Vista; billi l-Venezwelani diġà jirrappreżentaw aktar minn 7 % tal-popolazzjoni ta' din il-belt u b'dan ir-ritmu sa tmiem is-sena se jkunu aktar minn 60 000; billi dan l-influss demografiku jirrappreżenta pressjoni enormi fuq is-servizzi pubbliċi tal-belt, jiġifieri s-saħħa pubblika u l-edukazzjoni, u billi Roraima huwa wieħed mill-ifqar stati tal-Brażil b'suq tax-xogħol dejjaq ħafna u ekonomija dgħajfa li hija ostaklu ieħor għall-integrazzjoni tal-migranti u r-rifuġjati;

 

K.billi l-Parlament Ewropew bagħat delegazzjoni ad hoc lejn il-fruntieri tal-Venezwela mal-Kolombja u l-Brażil mill-25 sat-30 ta' Ġunju sabiex jivvaluta l-impatt tal-kriżi fuq il-post;

 

 

1.Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-Venezwelani kollha li huma sfurzati jaħarbu minn pajjiżhom minħabba n-nuqqas ta' kundizzjonijiet tal-għajxien ferm bażiċi bħall-ikel, is-servizzi tas-saħħa u l-mediċini; jinsab ugwalment imħasseb profondament dwar is-sitwazzjoni umanitarja devastanti fil-Venezwela li qed tirriżulta f'influss bla preċedent ta' rifuġjati fil-pajjiżi ġirien u lil hinn minnhom;

 

2.Jitlob li jintlaħaq ftehim immedjat dwar pjan ta' aċċess umanitarju ta' emerġenza għall-pajjiż, u jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jippermettu l-għajnuna umanitarja mingħajr xkiel bħala kwistjoni ta' urġenza, u biex jagħtu permess lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li jixtiequ jgħinu lill-pubbliku; jitlob li tiġi implimentata malajr miżura fuq perjodu qasir ta' żmien kontra l-malnutrizzjoni fost il-gruppi l-aktar vulnerabbli;

 

3.Jirrikonoxxi u jfaħħar l-importanza tal-miżuri adottati minn bosta pajjiżi fir-reġjun biex jindirizzaw is-sitwazzjoni, b'mod partikolari r-regolarizzazzjoni tal-istatus tal-migranti permezz ta' viżi u permessi ta' residenza temporanja, u rikonoxximenti bħala rifuġjati taħt id-Dikjarazzjoni ta' Kartaġni dwar ir-Rifuġjati 1984; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jipprovdu reazzjonijiet immedjati orjentati lejn il-protezzjoni lill-migranti jew ir-rifuġjati Venezwelani f'arthom, bħal viżi umanitarji, arranġamenti speċjali ta' residenza jew oqfsa reġjonali migratorji oħra, bis-salvagwardji ta' protezzjoni rilevanti;

 

4. Jistieden lill-komunità internazzjonali tistabbilixxi reazzjoni kkoordinata, komprensiva u reġjonali għall-kriżi u tintensifika l-għajnuna finanzjarja u materjali tagħha lill-pajjiżi riċevituri billi jwettqu l-impenji tagħhom; ifakkar li hemm 25,6 miljun dollaru nieqsa fil-finanzjament, kif intalab mill-Appell Supplementari tal-UNCHR;

5.Jistieden lill-UE tkompli bl-appoġġ finanzjarju tagħha u żżidu, jekk meħtieġ, fid-dawl tad-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni attwali u l-impatt tagħha fuq il-flussi tar-rifuġjati.

 

6.Itenni li l-kriżi umanitarja ġejja minn waħda politika; ifakkar li l-unika soluzzjoni għall-kriżi hija permezz tad-djalogu u tan-negozjati; jesprimi l-appoġġ tiegħu għal soluzzjoni politika negozjata bħala l-uniku mod li jġib stabbiltà sostenibbli fil-pajjiż u biex ikun jista' jindirizza l-kriżi profonda u l-ħtiġijiet urġenti tal-popolazzjoni;

 

7.Jistieden lis-SEAE jagħmel l-almu tiegħu rigward l-isforzi ta' medjazzjoni internazzjonali meħtieġa biex jinfetħu spazji sabiex jiġi żgurat li jinbeda djalogu politiku u li dan ikun vijabbli.

 

8. Jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jtemmu immedjatament kull ksur tad-drittijiet tal-bniedem, biex iwaqqfu kwalunkwe vjolazzjoni kontra ċ-ċittadini, u biex jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha, inklużi l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-istampa u l-libertà tal-għaqda; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Venezwelani biex jerġgħu jġibu l-ordni demokratiku, li hija kundizzjoni indispensabbli biex tintemm il-kriżi li qiegħda dejjem tiggrava;

9.Jappella biex isiru elezzjonijiet presidenzjali ġodda f'konformità ma' standards demokratiċi rikonoxxuti internazzjonalment u l-ordni kostituzzjonali Venezwelan; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu rispettati l-istituzzjonijiet kollha eletti demokratikament, b'mod partikolari l-Assemblea Nazzjonali, li jinħelsu l-priġunieri politiċi kollha u biex jiġu rrispettati l-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem.

 

10.Jirrimarka li din is-sejħa għal elezzjonijiet ġodda għandha tkun immirata biex teleġġi mill-ġdid l-istituzzjonijiet tal-pajjiż u l-Presidenza tal-Assemblea Nazzjonali; ifakkar li l-kundizzjonijiet għandhom jiġu miftiehma bejn il-gvern u l-oppożizzjoni f'qafas ta' osservazzjoni internazzjonali trasparenti, ugwali u ġust, mingħajr ebda limitazzjoni għall-partiti politiċi jew kandidati u fir-rispett sħiħ tad-drittijiet politiċi tal-Venezwelani kollha.

 

11.jappoġġa t-talba tal-Kummissarju Għoli tal-UNHCR biex tiġi stabbilita Kummissjoni ta' Inkjesta dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela u biex tapprofondixxi l-involviment tal-Qorti Kriminali Internazzjonali; jistieden lill-UE tiżvolġi rwol attiv f'dan ir-rigward;

 

12.Itenni t-talba tiegħu li tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-Venezwela u li jkun hemm djalogu mas-setturi kollha involuti fil-kunflitt mill-aktar fis possibbli;

 

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lir-Repubblika tal-Kolombja, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

 

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Lulju 2018Avviż legali