Proċedura : 2018/2891(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0351/2018

Testi mressqa :

B8-0351/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.20
CRE 25/10/2018 - 13.20

Testi adottati :

P8_TA(2018)0436

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 428kWORD 52k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0351/2018
22.10.2018
PE624.206v01-00
 
B8-0351/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2018/2891(RSP))


Esteban González Pons, Luis de Grandes Pascual, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Laima Liucija Andrikienė, Eduard Kukan, Nuno Melo, Francisco José Millán Mon, Cláudia Monteiro de Aguiar, Ivan Štefanec, Fernando Ruas, Anders Sellström f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2018/2891(RSP))  
B8-0351/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(1), tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela(2), tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(3), tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(4), tas-27 ta' April 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(5), tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(6), tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Venezwela(7) u tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela(8),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Frar 2018 tal-Prosekutur tal-QKI, Fatou Bensouda, dwar il-bidu ta' eżamijiet preliminari rigward is-sitwazzjoni fil-Venezwela, u tas-27 ta' Settembru 2018 dwar ir-riferiment minn grupp ta' sitt Stati Parti rigward is-sitwazzjoni fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-15 ta' Ottubru 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Ottubru 2018 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar il-mewt tal-kunsillier muniċipali Fernando Albán fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta' Ottubru 2018 tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tiegħu rigward il-mewt ta' Fernando Albán,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-missjoni tiegħu dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fil-fruntieri tal-art tagħha mal-Kolombja u mal-Brażil,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu li jagħti l-Premju Sakharov 2017 lill-oppożizzjoni demokratika u lill-priġunieri politiċi fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-Venezwela qiegħda tkompli tiddeterjora sew; billi l-Venezwela qiegħda tiffaċċja kriżi soċjali, ekonomika u umanitarja bla preċedent minħabba kriżi politika, li qeiegħda tikkawża għadd kbir ħafna ta' mwiet u li wasslet għal madwar 2,3 miljun migrant u rifuġjat;

B.  billi 87 % tal-popolazzjoni tal-Venezwela hija milquta mill-faqar, filwaqt li l-livell tal-faqar estrem huwa ta' 61,2 %; billi l-mortalità tal-ommijiet żdiedet b'60 %, filwaqt li dik tat-trabi żdiedet bi 30 %;

C.  billi, minkejja r-rieda tal-komunità internazzjonali, il-Gvern tal-Venezwela sfortunatament jibqa' determinat li jirrifjuta li b'mod miftuħ jirċievi u jiffaċilita d-distribuzzjoni tal-għajnuna umanitarja internazzjonali;

D.  billi, fit-8 ta' Ottubru 2018, il-politiku tal-oppożizzjoni Venezwelana Fernando Albán allegatament ġie ttorturat u maqtul fil-bini tas-Servizz Bolivarjan tal-Intelligence Nazzjonali (SEBIN), il-pulizija politika Venezwelana; billi, minkejja l-appelli tan-NU u tal-UE, l-awtoritajiet irrifjutaw li jippermettu investigazzjoni indipendenti dwar il-kawżi ta' mewtu, inkluża awtopsja internazzjonali mwettqa minn tim forensiku indipendenti; billi s-Sur Albán kien miżmum taħt arrest fil-bini tas-SEBIN; billi l-awtoritajiet tal-Venezwela għandhom għalhekk jinżammu responsabbli għal fejn jinsab;

E.  billi fit-13 ta' Ottubru 2018 Lorent Saleh, ir-rebbieħ tal-Premju Sakharov 2017, inħeles, ittieħed direttament l-ajruport bil-karozza u tkeċċa minnufih lejn Spanja f'att ta' eżilju furzat; billi kien ilu l-ħabs għal erba' snin fejn sofra tortura orribbli u nżamm mingħajr proċess kriminali filwaqt li s-smigħ ġudizzjarju tiegħu ġie pospost għal tal-inqas 53 darba; billi x-xhieda tiegħu jixhdu trattament krudil u inuman tal-priġunieri politiċi fil-Venezwela;

F.  billi aktar minn mitejn priġunier politiku għadhom il-ħabs fil-Venezwela; billi l-Membru tal-Assemblea Nazzjonali Juan Recasens għadu incommunicado, l-immunità politika tiegħu qiegħda tiġi miksura b'mod permanenti u illegali;

G.  billi l-eks President tal-Assemblea Nazzjonali u r-Rebbieħ tal-Premju Sakharov 2017 Julio Borges, l-eks Prosekutur Ġenerali Luisa Ortega Diaz u l-eks Prosekutur tal-Ministeru Pubbliku għall-Venezwela Zair Mundaray Rodriguez huma soġġetti għal akkuża infondata ta' involviment f'tentattiv ta' qtil tal-President tal-Venezwela, Nicolás Maduro; billi l-awtoritajiet tal-Venezwela ħarġu, permezz tal-Interpol, mandati ta' arrest internazzjonali għat-tlieta li huma;

H.  billi hemm klima ta' aktar vjolenza u impunità totali fil-Venezwela, minħabba n-nuqqas tal-awtoritajiet li jżommu responsabbli lill-awturi ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-qtil, l-użu ta' forza eċċessiva kontra d-dimostranti, id-detenzjoni arbitrarja, it-tortura u trattament degradanti u inuman ieħor, iżda anke l-vjolenza kriminali;

I.  billi, fit-8 ta' Frar 2018, il-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali beda eżamijiet preliminari rigward is-sitwazzjoni fil-Venezwela; billi fis-27 ta' Settembru 2018, grupp ta' sitt Stati Partijiet għall-Istatut ta' Ruma tal-QKI (l-Arġentina, il-Kanada, il-Kolombja, iċ-Ċilì, il-Paragwaj u l-Perù) talbu li l-Prosekutur jibda investigazzjoni dwar id-delitti kontra l-umanità li twettqu fi ħdan it-territorju tal-Venezwela; billi Franza u l-Costa Rica appoġġjaw ukoll talbiet għal tali investigazzjonijiet; billi dan ikkostitwixxa l-ewwel riferiment li qatt ġie sottomess minn grupp ta' Stati partijiet rigward sitwazzjoni fit-territorju ta' Stat parti ieħor;

J.  billi fit-13 ta' Novembru 2017, il-Kunsill tal-UE ddeċieda li jadotta embargo fuq l-armi kontra l-Venezwela u projbizzjoni fuq materjal relatat li jaf jintuża għal repressjoni interna; billi fit-22 ta' Jannar 2018 iddeċieda, b'mod unanimu, li jimponi sanzjonijiet kontra seba' individwi Venezwelani li għandhom pożizzjonijiet uffiċjali, fil-forma ta' miżuri restrittivi bħal projbizzjonijiet tal-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi, b'reazzjoni għal għan-nuqqas ta' konformità mal-prinċipji demokratiċi; billi fil-25 ta' Ġunju 2018, is-sanzjonijiet ġew estiżi għal 11-il uffiċjal Venezwelan ieħor;

K.  billi l-UE, flimkien ma' entitajiet demokratiċi oħra, ma rrikonoxxietx l-elezzjonijiet presidenzjali u l-elezzjonijiet tal-Assemblea Nazzjonali Kostitwenti, u lanqas lill-awtoritajiet maħtura skont dawn il-proċessi illeġittimi;

L.  billi l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-15 ta' Ottubru 2018 inkludew referenza għal soluzzjoni politika għall-kriżi kurrenti, billi tiġi studjata l-possibbiltà li jiġi stabbilit grupp ta' kuntatt biex jiffaċilita proċess politiku;

M.  billi żewġ tentattivi biex jinbena djalogu nazzjonali bejn il-gvern u l-oppożizzjoni, iffaċilitati mill-Vatikan u minn medjaturi internazzjonali bil-għan li tinstab soluzzjoni għall-kriżi, fallew minħabba n-nuqqas ta' serjetà tal-awtoritajiet tal-Venezwela, li ffukaw esklużivament fuq li jippruvaw jiggwadanjaw iż-żmien u fuq ir-rikonoxximent internazzjonali;

1.  Jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familja u lill-ħbieb ta' Fernando Albán; jikkundanna, f'dan ir-rigward, id-delitti mwettqa mill-awtoritajiet tal-Venezwela u jappella, f'dan il-każ partikolari, għal investigazzjoni indipendenti immedjata dwar il-gvern, inkluża awtopsja internazzjonali mwettqa minn tim forensiku indipendenti;

2.  Ifakkar li ż-żewġ tentattivi preċedenti bil-għan li tinstab soluzzjoni politika għall-kriżi fil-Venezwela permezz ta' medjazzjoni mal-Vatikan u permezz ta' djalogu politiku nazzjonali li sar fir-Repubblika Dominicana, fallew b'mod ċar; ifakkar, f'dan ir-rigward, li r-rwol tal-medjazzjoni internazzjonali jew ta' grupp ta' kuntatt ta' faċilitazzjoni jrid ikun imparzjali u jrid jiġi aċċettat miż-żewġ naħat;

3.  Jitlob lill-UE, b'mod partikolari lill-Kunsill u lill-VP/RGħ, tiżgura li kwalunkwe pass ulterjuri lejn soluzzjoni politika jinkludi l-obbligi irrevokabbli li ġejjin: il-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi kollha u t-tmiem tat-tortura, tal-maltrattament u tal-fastidju tal-avversarji politiċi u l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem; Kunsill Elettorali Nazzjonali indipendenti ġdid elett mill-Assemblea Nazzjonali; l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet liberi u ġusti b'konformità mal-istandards internazzjonali għal proċess kredibbli li jirrispetta l-pluraliżmu politiku, bil-preżenza ta' osservaturi internazzjonali demokratiċi; ir-rikonoxximent tas-setgħa tal-Assemblea Nazzjonali leġittima; u x-xoljiment tal-Assemblea Nazzjonali Kostitwenti;

4.  Jappoġġja bis-sħiħ l-investigazzjonijiet tal-QKI dwar l-atti ta' ripressjoni u d-delitti estensivi mwettqa mir-reġim Venezwelan; iħeġġeġ lill-UE tingħaqad mal-inizjattiva tal-Istati Partijiet tal-QKI biex tinvestiga r-reati kontra l-umanità li twettqu mill-Gvern tal-Venezwela fi ħdan it-territorju tal-Venezwela bil-għan li dawk responsabbli jagħtu rendikont ta' għemilhom;

5.  Jilqa' l-impożizzjoni rapida mill-UE ta' sanzjonijiet addizzjonali mmirati u reversibbli, li ma jikkawżaw ebda ħsara lill-popolazzjoni Venezwelana, minħabba l-elezzjonijiet li saru fl-20 ta' Mejju 2018 li kienu illeġittimi u mhux rikonoxxuti internazzjonalment; jitlob biex dawn is-sanzjonijiet jissaħħu jekk is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fil-pajjiż tkompli tmur għall-agħar;

6.  Ifaħħar lill-Gvern Kolombjan għar-reazzjoni pronta tiegħu u għall-appoġġ li ta lill-Venezwelani kollha li daħlu fil-pajjiż; ifaħħar ukoll lill-Brażil u lil pajjiżi oħra fir-reġjun, b'mod partikolari lill-Perù, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, lill-entitajiet privati u pubbliċi, lill-Knisja Kattolika u liċ-ċittadini ordinarji fir-reġjun kollu kemm huwa għall-għajnuna u s-solidarjetà attivi li wrew fil-konfront tal-migranti u tar-rifuġjati Venezwelani; jappella lill-Istati Membri tal-UE li qegħdin jiffaċċjaw influss ta' Venezwelani sabiex jipprovdulhom aċċess għas-servizzi bażiċi u jagħtuhom status temporanju ta' protezzjoni;

7.  Itenni s-sejbiet inkwetanti ħafna tal-missjoni tiegħu ta' Ġunju 2018 fil-fruntieri tal-art tal-Kolombja u l-Brażil mal-Venezwela; itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet tal-Venezwela biex, b'urġenza, jippermettu l-għajnuna umanitarja tidħol fil-pajjiż sabiex jiġi evitat li l-kriżijiet umanitarji u tas-saħħa pubblika jaggravaw;

8.  Jappella lill-Kunsill u lill-VP/RGħ biex jimmobilizzaw aktar fondi u assistenza b'koordinazzjoni mar-Rappreżentant Speċjali Konġunt Eduardo Stein, li nħatar reċentement, tal-Aġenzija tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR) u tal-Aġenzija tan-NU għall-Migrazzjoni (IOM) għar-rifuġjati u l-migranti Venezwelani fir-reġjun;

9.  Ifakkar li l-Interpol hija l-organizzazzjoni internazzjonali tal-pulizija inkarigata primarjament bil-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali; jappella lill-Interpol biex ma tindirizzax it-talbiet tal-Gvern tal-Venezwela kontra s-Sur Borges, is-Sinjura Ortega Diaz u s-Sur Mundaray Rodriguez, peress li l-akkużi huma għalkollox bla bażi u purament motivati politikament;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tar-Repubblika tal-Kolombja, tar-Repubblika tal-Brażil u tar-Repubblika tal-Perù, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani u lill-Grupp ta' Lima.

 

 

 

(1)

ĠU C 285, 29.8.2017, p. 145.

(2)

ĠU C 294, 12.8.2016, p. 21.

(3)

ĠU C 316, 30.8.2016, p. 190.

(4)

ĠU C 86, 6.3.2018, p. 101.

(5)

ĠU C 298, 23.8.2018, p. 137.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2018)0041.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2018)0199.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2018)0313.

Aġġornata l-aħħar: 24 ta' Ottubru 2018Avviż legali