Proċedura : 2018/2752(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0360/2018

Testi mressqa :

B8-0360/2018

Dibattiti :

PV 11/09/2018 - 15
CRE 11/09/2018 - 15

Votazzjonijiet :

PV 12/09/2018 - 6.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0341

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 410kWORD 52k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0308/2018
5.9.2018
PE624.069v01-00
 
B8-0360/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sistemi ta' armi awtonomi (2018/2752(RSP))


Fabio Massimo Castaldo, Dario Tamburrano, Isabella Adinolfi, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sistemi ta' armi awtonomi (2018/2752(RSP))  
B8‑0360/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu tat-3 ta' Mejju 2013 intitolat "L-implikazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem mill-użu ta' drones u ta' robots awtonomi fil-gwerer",

–  wara li kkunsidra d-diversi rapporti, rakkomandazzjonijiet u riżoluzzjonijiet tiegħu li jagħmlu sejħa għall-projbizzjoni tas-sistemi ta' armi awtonomi, bħall-mandat biex jinbdew negozjati adottat fil-plenarja fit-13 ta' Marzu 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża, ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2016 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(1), ir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-71 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti(2), u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar drones armati(3);

–  wara li kkunsidra l-opinjoni mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-31 ta' Mejju 2017(4) li ssejjaħ għal approċċ "bniedem fil-kmand" għall-intelliġenza artifiċjali u projbizzjoni tal-armi awtonomi,

–  wara li kkunsidra is-sejħa mis-Santa Sede għal projbizzjoni tal-armi awtonomi(5),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet rilevanti mill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar(6),(7) u l-inizjattivi tas-soċjetà ċivili, bħall-Kampanja għal Tmiem tar-Robots Letali(8) li tirrappreżenta 70 organizzazzjoni, fosthom Human Rights Watch, Article 36 u Amnesty International, fi 30 pajjiż,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-iżviluppi fl-intelliġenza artifiċjali (AI) qed jinfluwenzaw id-difiża u jiftħu oqsma ġodda ta' riċerka li jistgħu jwasslu għall-ħolqien ta' sistemi ta' difiża għalkollox awtomatizzati, inklużi dawk b'karatteristiċi letali;

B.  billi dawn is-sistemi tal-armi ġodda se jqajmu firxa wiesgħa ta' mistoqsijiet morali u etiċi, u se jkollhom ukoll implikazzjonijiet għall-industrija, għar-riċerka u l-iżvilupp u għall-militar; billi dawn is-sistemi teknoloġiċi se jkunu kapaċi jimmiraw fuq kwalunkwe objettiv u jattakkawh mingħajr ebda tip ta' superviżjoni mill-bniedem, jiġifieri b'mod għalkollox awtonomu;

C.  billi l-iżvilupp ta' sistemi ta' dan it-tip se jiftaħ kamp ġdid tar-riċerka u l-iżvilupp għas-settur tad-difiża, li jwassal għal awtomatizzazzjoni gradwali tas-sistemi tal-armi, bħal tankijiet, ajruplani, drones, u bastimenti marittimi, hekk li jkollu impatt f'kull sfera tal-gwerra moderna;

D.  billi sistema tad-difiża għalkollox awtomatizzata tippreżenta problema serja ta' responsabbiltà għall-azzjonijiet tagħha, minħabba li jista' jkun hemm nuqqas ta' kontroll mill-bniedem;

E.  billi l-iżvilupp ta' dawn is-sistemi se jwassal biex ir-regoli internazzjonali relatati mal-gwerra u mad-drittijiet tal-bniedem jiġu mdgħajfa jew rikunsidrati;

F.  billi atturi differenti tas-soċjetà ċivili (fl-Istati Membri tal-UE u lil hinn minnha) diġà huma impenjati fil-ġlieda kontra l-iżvilupp ta' "robots letali"; billi dan it-tħassib jaqsmuh ukoll xjenzati u riċerkaturi attivi f'dan il-qasam;

G.  billi żviluppi ulterjuri fil-qasam ċibernetiku jistgħu jdgħajfu wkoll is-sigurtà u s-sikurezza ta' sistemi tal-armi bbażati fuq l-AI;

1.  Ifakkar fil-ħtieġa li jinbeda b'urġenza dibattitu komprensiv dwar il-proliferazzjoni ta' sistemi ta' armi awtonomi letali, u jenfasizza li kwalunkwe dewmien f'dan ir-rigward jista' jqawwi l-impatt tagħhom fuq is-sigurtà internazzjonali;

2.  Jitlob li l-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), l-Istati Membri u l-Kunsill jiżviluppaw u jadottaw b'urġenza pożizzjoni komuni dwar is-sistemi ta' armi awtonomi, filwaqt li jiżguraw li l-aspetti etiċi u morali jitqiesu sewwa; ifakkar fir-riskju li jiġu żviluppati sistemi ta' armi għalkollox indipendenti minn kwalunkwe kontroll mill-bniedem, speċjalment għall-fini li jattakkaw l-objettivi;

3.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ, lill-Istati Membri u lill-Kunsill, ukoll f'koordinament ma' sħab barranin u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, jiżviluppaw projbizzjoni internazzjonali ta' sistemi ta' armi neqsin minn kontroll sinifikanti mill-bniedem fil-funzjoni kritika li jagħżlu l-objettivi u jattakkawhom, kif talab il-Parlament f'diversi okkażjonijiet; jisħaq fuq l-importanza ċentrali li jkun hemm monitoraġġ u regolazzjoni stretti tar-riċerka, l-iżvilupp u l-produzzjoni ta' sistemi ta' armi neqsin mill-kontroll mill-bniedem, b'mod partikolari rigward funzjonijiet ta' importanza kritika, bħalma huma l-għażla tal-objettivi u l-attakk fuqhom;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lin-Nazzjonijiet Uniti.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2017)0494.

(2)

ĠU C 101, 16.3.2018, p. 166.

(3)

ĠU C 285, 29.8.2017, p. 110.

(4)

https://www.eesc.europa.eu/en/news-media/press-releases/artificial-intelligence-europe-needs-take-human-command-approach-says-eesc

(5)

https://zenit.org/articles/holy-see-to-un-lethal-autonomous-weapon-systems-should-be-prohibited/

(6)

https://www.icrc.org/en/publication/4283-autonomous-weapons-systems#

(7)

 https://www.unog.ch/80256EDD006B8954/(httpAssets)/42010361723DC854C1258264005C3A7D/$file/CCW_GGE.1_2018_WP.5+ICRC+final.pdf

(8)

https://www.stopkillerrobots.org/wp-content/uploads/2018/03/KRC_Briefing_CCWApr2018.pdf

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Settembru 2018Avviż legali