Proċedura : 2018/2752(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0361/2018

Testi mressqa :

B8-0361/2018

Dibattiti :

PV 11/09/2018 - 15
CRE 11/09/2018 - 15

Votazzjonijiet :

PV 12/09/2018 - 6.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0341

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 422kWORD 52k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0308/2018
5.9.2018
PE624.070v01-00
 
B8-0361/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar sistemi ta' armi awtonomi (2018/2752(RSP))


Sabine Lösing, Patrick Le Hyaric, Neoklis Sylikiotis, Takis Hadjigeorgiou, Paloma López Bermejo, Ángela Vallina, Merja Kyllönen, Nikolaos Chountis, Dennis de Jong, Anne-Marie Mineur f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sistemi ta' armi awtonomi (2018/2752(RSP))  
B8-0361

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu tat-3 ta' Mejju 2013 intitolat "L-implikazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem mill-użu ta' drones u ta' robots awtonomi fil-gwerer",

–  wara li kkunsidra d-diversi rapporti, rakkomandazzjonijiet u riżoluzzjonijiet tiegħu li jagħmlu sejħa għall-projbizzjoni tas-sistemi ta' armi awtonomi, bħall-mandat biex jinbdew negozjati adottat fil-plenarja fit-13 ta' Marzu 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp Industrijali fil-Qasam tad-Difiża, ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2016 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(1), ir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-71 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti(2), u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar drones armati(3),

–  wara li kkunsidra r-rapport tad-9 ta' April 2013 mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, Christof Heyns (UN A/HRC/23/4),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-UE dwar is-Sistemi ta' Armi Awtonomi Letali (LAWS) li saru lill-Grupp ta' Esperti Governattivi tal-partijiet fil-Konvenzjoni dwar Ċerti Armi Konvenzjonali f'Ġinevra, fil-laqgħat tiegħu tat-13-17 ta' Novembru 2017(4), tad-9-13 ta' April 2018(5) u tas-27-31 ta' Awwissu 2018(6),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-31 ta' Mejju 2017(7) li ssejjaħ għal approċċ "bniedem fil-kmand" għall-intelliġenza artifiċjali (AI) u għal projbizzjoni tal-armi awtonomi,

–  wara li kkunsidra l-kontributi(8) li saru minn Stati differenti, inkluż mill-Istati Membri tal-UE, qabel il-laqgħat tal-2017 u tal-2018 tal-Grupp ta' Esperti Governattivi,

–  wara li kkunsidra l-ittra miftuħa ta' Lulju 2015(9) iffirmata minn aktar minn 3 000 riċerkatur fl-Intelliġenza Artifiċjali u r-robotika, u dik tal-21 ta' Awwissu 2017(10) iffirmata minn 116-il fundatur ta' kumpaniji ewlenin tar-robotika u tal-intelliġenza artifiċjali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar(11), u l-inizjattivi tas-soċjetà ċivili, bħall-Kampanja għal Tmiem tar-Robots Letali(12), li tirrappreżenta 70 organizzazzjoni fi 30 pajjiż, fosthom Human Rights Watch, Article 36, u Amnesty International,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi ġie rrappurtat li xi pajjiżi u industriji qegħdin jiżviluppaw sistemi tal-armi b'diversi funzjonijiet awtonomi;

B.  billi sistemi ta' armi awtonomi letali (LAWS) għandhom il-potenzjal li jibdlu l-gwerra b'mod fundamentali, jaċċelera b'mod drammatiku l-ħeffa u s-sekwenza tal-interazzjonijiet militari ostili, u jagħtu lok għal tlielaq tal-armi bħal qatt qabel;

C.  billi l-użu ta' LAWS iqajjem mistoqsijiet etiċi u legali fundamentali dwar il-kontroll mill-bniedem, b'mod partikolari rigward funzjonijiet ta' importanza kritika, bħalma huma l-għażla tal-objettivi u l-attakk fuqhom;

D.  billi l-użu ta' LAWS iqajjem ukoll mistoqsijiet ċentrali dwar l-applikabbiltà tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, tad-dritt umanitarju internazzjonali u tan-normi u tal-valuri Ewropej fir-rigward ta' azzjonijiet militari futuri;

E.  billi, f'Awwissu 2017, 116-il fundatur ta' kumpaniji ewlenin tar-robotika tal-intelliġenza artifiċjali bagħtu ittra miftuħa lill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Ċerti Armi Konvenzjonali, li fiha talbu li l-gvernijiet "jipprevjenu t-tellieqa tal-armi f'dawn l-armamenti, biex jevitaw l-effetti destabbilizzanti ta' dawn it-teknoloġiji"; billi din l-ittra stqarret ukoll li "l-armi awtonomi letali jheddu li jsiru t-tielet rivoluzzjoni fil-gwerra" li sejra "tħalli li l-ġlied f'kunflitti armati jsir fuq skala akbar minn qatt qabel, u fuq skala ta' żmien wisq aktar rapida minn dik li jistgħu jifhmuha l-bnedmin";

1.  Jisħaq fuq il-bżonn ta' azzjoni urġenti għall-prevenzjoni tal-proliferazzjoni ta' LAWS; jissottolinja li azzjoni komuni fil-livell tal-UE għandha l-potenzjal issaħħaħ lill-UE bħala entità li toffri sigurtà billi tiżgura l-impatt tagħha fuq l-isfida ewlenija tal-militar u tas-sigurtà;

2.  Jappella lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), l-Istati Membri u l-Kunsill jiżviluppaw u jadottaw b'urġenza pożizzjoni komuni dwar sistemi ta' armi awtonomi li tiżgura l-kontroll uman fuq il-funzjonijiet kritiċi matul l-iskjerament; jiddispjaċih li l-laqgħa tal-Grupp ta' Esperti Governattivi tal-partijiet għall-Konvenzjoni dwar Ċerti Armi Konvenzjonali dwar Sistemi ta' Armi Awtonomi Letali li saret f'Ġinevra bejn is-27 u l-31 ta' Awwissu 2018 ma rriżultatx f'dikjarazzjoni ċar dwar projbizzjoni kompleta tal-armi awtonomi;

3.  Jiddispjaċih bil-kbir li xi Stati Membri, bħal Franza u l-Ġermanja, ma jappoġġawx u mhumiex qegħdin jaħdmu għall-projbizzjoni stretta u sħiħa tal-armi awtonomi;

4.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ, lill-Istati Membri u lill-Kunsill jaħdmu favur projbizzjoni internazzjonali ta' sistemi tal-armi neqsin minn kontroll sinifikanti mill-bniedem fil-funzjoni kritika li jagħżlu l-objettivi u jattakkawhom, kif talab il-Parlament f'diversi okkażjonijiet; jisħaq fuq l-importanza ċentrali li ssir prevenzjoni wkoll tar-riċerka dwar u l-iżvilupp u l-produzzjoni ta' sistemi tal-armi neqsin mill-kontroll mill-bniedem, b'mod partikolari rigward funzjonijiet ta' importanza kritika, bħalma huma l-għażla tal-punti ta' mira u l-attakk fuqhom;

5.  Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu tat-13 ta Marzu 2018 rigward ir-Regolament dwar l-Iżvilupp Industrijali Ewropew tad-Difiża, b'mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu (azzjonijiet eliġibbli), u jenfasizza r-rieda tiegħu li jadotta pożizzjoni simili fil-kuntest tal-programm ta' riċerka tad-difiża li ġej, il-programm ta' żvilupp fl-industrija tad-difiża u karatteristiċi rilevanti oħra tal-Fond Ewropew għad-Difiża ta' wara l-2020;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2017)0494.

(2)

ĠU C 101, 16.3.2018, p. 166.

(3)

ĠU C 285, 29.8.2017, p. 110.

(4)

https://eeas.europa.eu/headquarters/headquarters-homepage/35508/convention-certain-conventional-weapons-eu-statement-lethal-autonomous-weapons-systems-laws_en

(5)

http://reachingcriticalwill.org/images/documents/Disarmament-fora/ccw/2018/gge/statements/9April_EU.pdf

(6)

https://eeas.europa.eu/headquarters/headquarters-homepage/49820/convention-certain-conventional-weapons-group-governmental-experts-lethal-autonomous-weapons_en

(7)

https://www.eesc.europa.eu/en/news-media/press-releases/artificial-intelligence-europe-needs-take-human-command-approach-says-eesc

(8)

https://www.unog.ch/80256EE600585943/(httpPages)/F027DAA4966EB9C7C12580CD0039D7B5

(9)

https://futureoflife.org/open-letter-autonomous-weapons/

(10)

https://www.cse.unsw.edu.au/~tw/ciair//open.pdf

(11)

https://www.unog.ch/80256EDD006B8954/(httpAssets)/42010361723DC854C1258264005C3A7D/$file/CCW_GGE.1_2018_WP.5+ICRC+final.pdf

(12)

https://www.stopkillerrobots.org/wp-content/uploads/2018/03/KRC_Briefing_CCWApr2018.pdf

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Settembru 2018Avviż legali