Proċedura : 2018/2752(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0362/2018

Testi mressqa :

B8-0362/2018

Dibattiti :

PV 11/09/2018 - 15
CRE 11/09/2018 - 15

Votazzjonijiet :

PV 12/09/2018 - 6.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0341

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 421kWORD 49k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0308/2018
5.9.2018
PE624.071v01-00
 
B8-0362/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sistemi ta' armi awtonomi (2018/2752(RSP))


Ana Gomes, Arne Lietz, Clare Moody, Victor Boştinaru, Knut Fleckenstein f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sistemi ta' armi awtonomi (2018/2752(RSP))  
B8‑0362/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Titolu V u l-Artikoli 21 u 21.2(c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Klawżola Martens inkluża fil-Protokoll 1 tal-1977 addizzjonali għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra,

–  wara li kkunsidra l-Parti IV tal-Aġenda għad-Diżarm 2018 tan-NU intitolata "Securing Our Common Future" (Niżguraw il-Futur Komuni Tagħna)(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-3 ta' Lulju 2018 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża(2), ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2016(3) u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni, u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar l-użu ta' drones armati(4),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2018 lill-Kunsill dwar it-73 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar regoli ta' dritt ċivili dwar ir-robotika(6),

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu tal-2013 intitolat "Human rights implications of the usage of drones and unmanned robots in warfare" (L-implikazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem mill-użu ta' drones u robots awtonomi fil-gwerer), u l-istudju tiegħu tal-2017 intitolat "Towards an EU common position on the use of armed drones" (Lejn pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-użu ta' drones armati),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-UE dwar is-Sistemi ta' Armi Awtonomi Letali (LAWS) lill-Grupp ta' Esperti Governattivi tal-partijiet għall-Konvenzjoni dwar Ċerti Armi Konvenzjonali f'Ġinevra, fil-laqgħat tagħha tad-9 sat-13 ta' April(7) u tas-27 sal-31 ta' Awwissu 2018(8), u s-sommarju tad-diskussjonijiet f'dawk il-laqgħat,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-31 ta' Mejju 2017 dwar l-Intelliġenza Artifiċjali(9), li appellat għal projbizzjoni tal-armi awtonomi,

–  wara li kkunsidra l-ittra miftuħa tat-28 ta' Lulju 2015 dwar l-Intelliġenza Artifiċjali(10) ffirmata minn aktar minn 3 900 riċerkatur tal-intelliġenza artifiċjali u r-robotika, li tappella għal projbizzjoni tal-armi awtonomi offensivi li jiffunzjonaw lil hinn minn kontroll umani sinifikanti, l-ittra miftuħa tal-21 ta' Awwissu 2017(11) iffirmata minn 116-il fundatur ta' kumpaniji tar-robotika u tal-intelliġenza artifiċjali minn 26 pajjiż, li tappella għall-prevenzjoni ta' tellieqa tal-armi fil-qasam tal-LAWS, u l-Impenn rigward l-Armi Awtonomi Letali ffirmat minn 240 organizzazzjoni u 3 049 individwu li impenjaw ruħhom li qatt ma jipparteċipaw fi, jew jappoġġjaw, l-iżvilupp u l-manifattura tal-armi awtonomi letali, kif ukoll il-kummerċ jew l-użu tagħhom(12),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, u l-inizjattivi tas-soċjetà ċivili, bħall-Kampanja għal Tmiem tar-Robots Letali, li tirrappreżenta 70 organizzazzjoni fi 30 pajjiż, fosthom Human Rights Watch, Article 36, PAX u Amnesty International,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-politiki u l-azzjonijiet tal-UE huma ggwidati mill-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, kif ukoll mill-prinċipji tal-Karta tan-NU u d-dritt internazzjonali; billi dawn il-prinċipji għandhom jiġu applikati sabiex titħares il-paċi, jiġu evitati l-kunflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali;

B.  billi t-teknoloġiji emerġenti li mhumiex koperti mid-dritt internazzjonali għandhom jiġu ġġudikati skont il-prinċipju tal-umanità u l-prinċipji tal-kuxjenza pubblika;

C.  billi l-fatt li l-magni jingħataw id-diskrezzjoni u l-poter li jtemmu l-ħajja tal-bniedem iqajjem kwistjonijiet legali, etiċi u morali qawwija; billi l-magni u r-robots ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet bħal dawk li jieħdu l-bnedmin li jinvolvu l-prinċipji legali ta' distinzjoni, proporzjonalità u prekawzjoni;

D.  billi l-użu potenzjali tal-LAWS iqajjem mistoqsijiet dwar l-applikabbiltà tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali, u r-rispett tagħhom; billi l-bnedmin għandu jibqa' jkollhom il-kontroll tal-armi u għandhom jibqgħu responsabbli għall-użu ta' forza letali u għal deċiżjonijiet dwar ħajja u mewt;

E.  billi l-Parlament ripetutament appella għall-iżvilupp u l-adozzjoni urġenti ta' pożizzjoni komuni dwar is-sistemi ta' armi awtonomi, għal projbizzjoni tal-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu tal-armi kompletament awtonomi li jippermettu li jitwettqu attakki mingħajr intervent uman sinifikanti, u għall-bidu ta' negozjati effettivi għall-projbizzjoni tagħhom;

F.  billi numru jikber ta' stati appellaw għal projbizzjoni preventiva tal-LAWS u għal moratorju fuq l-użu u l-produzzjoni ta' tali sistemi awtonomi;

G.  billi xjentisti, inġiniera, riċerkaturi u imprendituri fil-qasam tar-robotika u tal-intelliġenza artifiċjali ilhom isemmgħu leħinhom kontra tellieqa tal-armi militari bbażati fuq l-intelliġenza artifiċjali u ilhom jenfasizzaw il-perikli mill-użu bħala armi tal-intelliġenza artifiċjali u tas-sistemi awtonomi;

1.  Ifakkar fl-ambizzjoni tal-UE li tkun attur globali għall-paċi, u jappella għat-twessigħ tar-rwol tagħha fl-isforzi globali ta' diżarm u nonproliferazzjoni, u biex l-azzjonijiet u l-politiki tagħha jagħmlu minn kollox biex jinżammu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali, filwaqt li jiġu żgurati r-rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll il-protezzjoni taċ-ċivili u tal-infrastruttura ċivili;

2.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' definizzjoni operattiva tal-LAWS miftiehma f'livell internazzjonali, u jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), lill-Istati Membri u lill-Kunsill Ewropew jadottaw pożizzjoni komuni dwar is-sistemi ta' armi awtonomi li tiżgura kontroll uman sinifikanti fuq il-funzjonijiet kritiċi tas-sistemi ta' armi, inkluż waqt li jkunu qed jintużaw, qabel il-laqgħa f'Novembru 2018 tal-partijiet għall-Konvenzjoni tan-NU dwar Ċerti Armi Konvenzjonali (CCW); jeżiġi li jinbdew negozjati internazzjonali għal strument legalment vinkolanti li jipprojbixxi l-armi kompletament awtonomi;

3.  Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-ħidma tal-Grupp ta' Esperti Governattivi tal-partijiet għas-CCW dwar il-LAWS, li għadu l-forum internazzjonali rilevanti għad-diskussjoni u n-negozjati dwar l-isfidi soċjetali, etiċi u legali li s-sistemi ta' armi awtonomi jġibu magħhom; iħeġġeġ lin-NU jrawmu d-djalogu fost l-Istati Membri, ir-riċerkaturi, l-akkademiċi, l-atturi umanitarji tas-soċjetà ċivili u s-settur privat sabiex jiġu żviluppati proċessi inklużivi ta' tfassil tal-politika għal dispożizzjonijiet internazzjonali ġodda sabiex jiġu evitati l-iżvilupp, l-użu u l-proliferazzjoni tal-LAWS; jappella biex jitħaffu l-isforzi multilaterali eżistenti kollha sabiex l-oqfsa mormattivi u regolatorji ma jibqgħux lura meta mqabbla mal-iżviluppi teknoloġiċi u mal-metodi ġodda ta' gwerra;

4.  Ifakkar il-pożizzjoni tiegħu dwar projbizzjoni tal-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu ta' armi kompletament awtonomi li jippermettu li jsiru attakki mingħajr intervent uman sinifikanti;

5.  Jissottolinja n-noneliġibbiltà ta' prodotti jew teknoloġiji li l-użu, l-iżvilupp jew il-produzzjoni tagħhom huma pprojbiti mid-dritt internazzjonali skont il-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża; jenfasizza l-ħtieġa, sakemm jiġi adottat strument internazzjonali legalment vinkolanti, ta' projbizzjoni preventiva tar-riċerka dwar prodotti u teknoloġiji għad-difiża li jkunu ddiżinjati speċifikament biex jitwettqu attakki letali mingħajr kontroll uman fuq deċiżjonijiet ta' azzjoni;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Istati Membri, lin-NATO u lin-Nazzjonijiet Uniti.

(1)

https://front.un-arm.org/documents/SG+disarmament+agenda_1.pdf

(2)

Testi adottati, P8_TA(2018)0275.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2017)0494.

(4)

ĠU C 285, 29.8.2017, p. 110.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2018)0312.

(6)

ĠU C 252, 18.7.2018, p. 239.

(7)

https://eeas.europa.eu/headquarters/headquarters-homepage/43045/group-governmental-experts-convention-certain-conventional-weapons-eu-statement-lethal_en

(8)

https://www.unog.ch/unog/website/assets.nsf/7a4a66408b19932180256ee8003f6114/832392b4e19c9ffec12582f8005948a8/$FILE/2018_GGE%20LAWS%202_6a_European%20Union%201.pdf & https://www.unog.ch/unog/website/assets.nsf/7a4a66408b19932180256ee8003f6114/60b06bbadf2b9c6fc12582f800595491/$FILE/2018_GGE%20LAWS%202_6a_European%20Union%202.pdf

(9)

https://www.eesc.europa.eu/our-work/opinions-information-reports/opinions/artificial-intelligence

(10)

https://futureoflife.org/open-letter-autonomous-weapons/?cn-reloaded=1

(11)

https://www.dropbox.com/s/g4ijcaqq6ivq19d/2017%20Open%20Letter%20to%20the%20United%20Nations%20Convention%20on%20Certain%20Conventional%20Weapons.pdf?dl=0

(12)

https://futureoflife.org/lethal-autonomous-weapons-pledge/

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Settembru 2018Avviż legali