Proċedura : 2018/2849(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0385/2018

Testi mressqa :

B8-0385/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2018 - 10.9

Testi adottati :

P8_TA(2018)0351

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 381kWORD 24k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0384/2018
11.9.2018
PE624.094v01-00
 
B8-0385/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar it-theddida ta' demolizzjoni ta' Khan al-Ahmar u ta' villaġġi Bedwini oħra (2018/2849(RSP))


Ivo Vajgl f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-theddida ta' demolizzjoni ta' Khan al-Ahmar u ta' villaġġi Bedwini oħra (2018/2849(RSP))  
B8‑0385/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) Federica Mogherini tas-7 ta' Settembru 2018 dwar l-aħħar żviluppi rigward id-demolizzjoni ppjanata ta' Khan al-Ahmar,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-10 ta' Settembru 2018 ta' Franza, tal-Ġermanja, tal-Italja, ta' Spanja, u tar-Renju Unit dwar Khan al-Ahmar,

–  wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-5 ta' Settembru 2018, il-Qorti Superjuri Iżraeljana tal-Ġustizzja irrifjutat petizzjonijiet mir-residenti ta' Khan al-Ahmar, villaġġ Bedwin Palestinjan fiż-Żona C fix-Xatt tal-Punent okkupat, li ppermetta li l-awtoritajiet ta' Iżrael ikomplu bit-twettiq ta' ordnijiet ta' demolizzjoni kontra din il-komunità mit-12 ta' Settembru 2018;

B.  billi Khan al-Ahmar jinsab fiż-żona magħrufa bħala kurutur E1 fix-Xatt tal-Punent okkupat; billi ż-żamma tal-istatus quo f'din iż-żona hija ta' importanza fundamentali għall-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati u għall-istabbiliment ta' stat Palestinjan kontigwu u vijabbli fil-futur;

C.  billi l-Parlament oppona ripetutament kull azzjoni li ddgħajjef il-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati u ħeġġeġ liż-żewġ naħat juru, permezz ta' politiki u azzjonijiet, impenn ġenwin lejn soluzzjoni ta' żewġ stati sabiex tinbena mill-ġdid il-fiduċja;

D.  billi l-awtoritajiet Iżraeljani jqisu li l-lokalità tal-villaġġ, maġenb l-Awtostrada 1, tqiegħed il-popolazzjoni tagħha kif ukoll l-utenti tal-awtostrada f'perikolu immedjat, u ppruvaw mingħajr suċċess li jsir qbil fuq pjan ta' rilokazzjoni mar-residenti;

E.  billi, skont ir-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra, it-trasferimenti bil-forza huma projbiti, sakemm ma jkunux ġustifikati għas-sigurtà tal-popolazzjoni jew minħabba raġunijiet imperattivi militari; billi f'dawn il-każijiet, il-persuni evakwati jridu jiġu trasferiti lura lejn djarhom hekk kif jieqfu l-ostilitajiet fiż-żona inkwistjoni;

F.  billi lil hinn minn Khan al-Ahmar, ir-residenti ta' għadd ta' villaġġi Bedwini oħrajn jgħixu bit-theddida kostanti ta' demolizzjoni u evakwazzjoni, kemm fin-Negev Iżraeljan kif ukoll fiż-Żona C fix-Xatt tal-Punent okkupat, minħabba l-politika tal-Gvern Iżraeljan attwali lejn dawn il-komunitajiet;

1.  Jingħaqad mal-VP/RGħ, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja u r-Renju Unit fis-sejħa tagħhom lill-Gvern Iżraeljan biex jirrinunzja l-pjan ta' rilokazzjoni li jwassal għad-demolizzjoni tal-villaġġ u t-trasferiment bil-forza tal-popolazzjoni tiegħu f'post ieħor; jisħaq fuq l-importanza kbira li l-UE tkompli titkellem b'vuċi waħda dwar din il-kwistjoni;

2.  Jitlob li meta jieħdu d-deċiżjoni finali tagħhom, l-awtoritajiet Iżraeljani jikkunsidraw mhux biss ir-raġunijiet ta' sigurtà u dawk ekonomiċi li jiġġustifikaw il-pjan ta' rilokazzjoni tagħhom, iżda wkoll il-post sensittiv tal-villaġġ; ifakkar li ż-Żona C għandha importanza strateġika biex tinżamm il-kontigwità ta' stat futur Palestinjan;

3.  Jikkunsidra għalhekk li d-demolizzjonijiet jheddu serjament il-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati u jimminaw il-prospetti għall-paċi; itenni f'dan il-kuntest li, il-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati hija l-prijorità immedjata tal-politiki u tal-azzjoni tal-UE fir-rigward tal-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina u tal-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani;

4.  Jenfasizza li l-Awtorità Palestinjana diġà indikat li se tappella d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema bil-għan li jiġi stabbilit li d-demolizzjoni ta' Khan al-Ahmar u t-trasferiment bil-forza tal-popolazzjoni tiegħu jikkostitwixxu ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali;

5.  Jappella lill-VP/RGħ titlob kumpens sħiħ minn Iżrael għall-qerda tal-infrastruttura ffinanzjata mill-UE jekk iseħħu d-demolizzjoni ta' Khan al-Ahmar u l-evizzjoni tiegħu;

6.  Jitlob li l-Gvern Iżraeljan iwaqqaf minnufih il-politika tiegħu ta' theddid ta' demolizzjoni u evizzjoni kontra l-komunitajiet Bedwini li jgħixu fin-Negev u fiż-Żona C fix-Xatt tal-Punent okkupat;

7.  Ifakkar lil Iżrael, bħala potenza okkupanti, fl-obbligi tiegħu lejn il-popolazzjoni Palestinjana li tgħix taħt l-okkupazzjoni tiegħu mill-1967, f'konformità mar-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra; jenfasizza li l-ksur ta' dawn l-obbligi jikkostitwixxi delitti serji skont id-dritt umanitarju internazzjonali;

8.  Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati bl-istat sigur ta' Iżrael u stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli, li jgħixu ma ġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà mal-fruntieri tal-1967, b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati, abbażi tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni u r-rispett sħiħ għad-dritt internazzjonali; jikkundanna kwalunkwe deċiżjoni u azzjoni unilaterali li tista' tipperikola l-prospettivi ta' din is-soluzzjoni;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Koordinatur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-Gvern ta' Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.

 

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Settembru 2018Avviż legali