Proċedura : 2018/2849(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0386/2018

Testi mressqa :

B8-0386/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2018 - 10.9

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 397kWORD 45k
11.9.2018
PE624.095v01-00
 
B8-0386/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar it-theddida ta' demolizzjoni ta' Khan al-Ahmar u ta' villaġġi Bedwini oħra (2018/2849(RSP))


Charles Tannock f'isem il-Grupp ECR

dwar it-theddida ta' demolizzjoni ta' Khan al-Ahmar u ta' villaġġi Bedwini oħra (2018/2849)  
B8‑0386/2018

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani tal-1 ta' Lulju 2016,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-10 ta' Settembru 2018 tal-gvernijiet ta' Franza, tal-Ġermanja, tal-Italja, ta' Spanja, u tar-Renju Unit,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fl-2010 il-Qorti Superjuri Iżraeljana ddeċidiet li r-raggruppament sħiħ ta' strutturi ta' Khan al-Ahmar kien inbena illegalment, bi ksur tal-liġijiet tal-ippjanar u dwar it-tqassim taż-żoni, u b'hekk kellu jiġi ddemolit; billi l-Qorti Superjuri enfasizzat ukoll li l-awtoritajiet Iżraeljani kellhom bżonn isibu alternattiva xierqa għall-iskola u għar-residenti tal-komunità;

B.billi l-villaġġ ta' Khan al-Ahmar inbena fl-2009 u jinstab fiż-Żona C fix-Xatt tal-Punent;

C.billi l-istrutturi tal-villaġġ jinstabu tul awtostrada traffikuża li tgħaqqad lil Jerusalem mal-Baħar Mejjet u mhumiex konnessi ma' ebda infrastruttura bażika;

D.billi mill-2010 il-komunità Bedwina f'Khan al-Ahmar u l-Amministrazzjoni Ċivili Iżraeljana daħlu fi djalogu sabiex tinstab soluzzjoni maqbula reċiprokament għal rilokazzjoni;

E.billi l-komunità Bedwina f'Khan al-Ahmar irrifjutat kwalunkwe kompromess offrut mill-awtoritajiet Iżraeljani, inklużi pjanijiet għal rilokazzjoni minn Khan al-Ahmar għall-Punent ta' Jahalin, xi 8 km 'il bogħod, fejn kull familja kellha tirċievi biċċa art mibnija u tkun konnessa ma' infrastruttura bażika, li l-ispiża kollha tagħha, flimkien mal-finanzjament għal skola ġdida, kellha tkun koperta mill-awtoritajiet Iżraeljani;

F.billi fil-5 ta' Settembru 2018, il-Qorti Superjuri Iżraeljana ċaħdet petizzjoni għall-prevenzjoni tad-demolizzjoni tal-Khan al-Ahmar, u b'hekk tippermetti d-demolizzjoni tiegħu għad-diskrezzjoni tal-Gvern Iżraeljan;

G.billi l-istabbiliment u r-rilokazzjoni tal-komunitajiet Bedwini ta' spiss kienu kawża ta' tensjoni bejn dawk il-komunitajiet u l-awtoritajiet fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani fejn jirrisjedu;

1. Jinnota li l-każ ta' Khan al-Ahmar ġie ttrattat ripetutament mill-qrati Iżraeljani sa mill-2010 u li ġie deċiż li Khan al-Ahmar ġie mibni illegalment, u b'hekk ġie permess id-demolizzjoni tiegħu għad-diskrezzjoni tal-Gvern Iżraeljan;

2. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatt tad-demolizzjoni fuq il-komunità Bedwina ta' Khan al-Ahmar u l-konsegwenzi possibbli għal riżoluzzjoni vijabbli tal-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani;

3. Jinnota r-rifjut konsistenti mill-komunità Khan al-Ahmar għal kwalunkwe alternattivi ta' rilokazzjoni pprovduti mill-awtoritajiet Iżraeljani, u jħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jaħdmu b'mod kostruttiv għal soluzzjoni xierqa għal kulħadd;

4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-Mibgħut tal-Kwartett tal-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-Gvern ta' Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.

 

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Settembru 2018Avviż legali