Proċedura : 2018/2849(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0387/2018

Testi mressqa :

B8-0387/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2018 - 10.9

Testi adottati :

P8_TA(2018)0351

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 411kWORD 52k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0384/2018
11.9.2018
PE624.096v01-00
 
B8-0387/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar it-theddida ta' demolizzjoni ta' Khan al-Ahmar u ta' villaġġi Bedwini oħra (2018/2849(RSP))


Elena Valenciano, Soraya Post, Arne Lietz, Knut Fleckenstein, Pier Antonio Panzeri, Eugen Freund, Linda McAvan f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-theddida ta' demolizzjoni ta' Khan al-Ahmar u ta' villaġġi Bedwini oħra (2018/2849(RSP))  
B8‑0387/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) Federica Mogherini tas-7 ta' Settembru 2018 dwar l-aħħar żviluppi rigward id-demolizzjoni ppjanata ta' Khan al-Ahmar,

–  wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-5 ta' Settembru 2018, il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja ta' Iżrael irrifjutat petizzjonijiet mir-residenti ta' Khan al-Ahmar, villaġġ Bedwin Palestinjan fiż-Żona C fix-Xatt tal-Punent okkupat, li ppermetta li l-awtoritajiet ta' Iżrael ikomplu bit-twettiq ta' ordnijiet ta' demolizzjoni kontra din il-komunità mit-12 ta' Settembru 2018;

B.  billi Khan al-Ahmar inbena mingħajr permess fil-kuntest ta' reġim tal-bini restrittiv immens impost minn Iżrael, bħala l-potenza okkupanti, fuq ir-residenti Palestinjani taż-Żona C fix-Xatt tal-Punent okkupat; billi dan ir-reġim jagħmilha kważi impossibbli li l-attivitajiet Palestinjani ta' bini jkunu legali fiż-żona, għall-benefiċċju tal-Iżraeljani;

C.  billi l-Istat ta' Iżrael iqis ir-rilokazzjoni tal-poplu Bedwin ta' Khan al-Ahmar lejn is-sit maħsub tal-Punent ta' Jahalin (Abu Dis) bħala privileġġ, iktar milli obbligu, u ddikjara bil-miktub x'se jipprovdi għall-familji li jmorru f'dan is-sit, bil-prospettiva tal-iżvilupp ta' sit ta' rilokazzjoni ieħor il-Lvant minn Jericho; billi l-familji Bedwini kkonċernati rrifjutaw din l-offerta;

D.  billi t-trasferiment bil-forza tal-popolazzjoni ta' Khan al-Ahmar kontra r-rieda tagħha huwa ksur ċar u serju tal-liġi umanitarja internazzjonali skont ir-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra; billi skont Michael Lynk, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-territorju Palestinjan okkupat mill-1967, trasferiment bil-forza ta' komunità protetta jista' jikkostitwixxi delitt tal-gwerra skont l-Istatut ta' Ruma tal-1998;

E.  billi Khan al-Ahmar jinsab fl-hekk imsejjaħ kuritur E1 fix-Xatt tal-Punent okkupat; billi ż-żamma tal-istatus quo f'din iż-żona hija ta' importanza fundamentali għall-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati u sabiex jiġi stabbilit stat Palestinjan kontigwu u vijabbli fil-futur;

F.  billi fid-dikjarazzjoni tagħha tas-7 ta' Settembru 2018, il-VP/RGħ Federica Mogherini tenniet is-sejħa tal-UE biex l-awtoritajiet Iżraeljani jerġgħu jikkunsidraw id-deċiżjoni tagħhom li jiġi demolit Khan al-Ahmar;

G.  billi, fil-5 ta' Settembru 2018, il-Koordinatur Speċjali tan-NU għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, Nickolay Mladenov appella lill-Iżrael biex iwaqqaf id-demolizzjoni ta' proprjetà Palestinjana u l-isforzi tagħha biex jiġu rilokati l-komunitajiet tal-Bedwini fix-Xatt tal-Punent; billi wissa wkoll li d-demolizzjonijiet jipperikolaw il-prospettiva ta' soluzzjoni ta' żewġ stati u jmorru kontra l-liġi internazzjonali;

H.  billi lil hinn minn Khan al-Ahmar, ir-residenti ta' għadd ta' villaġġi Bedwini oħrajn jgħixu bit-theddida kostanti ta' demolizzjoni u evakwazzjoni, kemm fin-Negev kif ukoll fiż-Żona C fix-Xatt tal-Punent okkupat, minħabba l-politika tal-Gvern Iżraeljan attwali lejn dawn il-komunitajiet;

I.  billi filwaqt li l-attivitajiet tal-Awtorità Iżraeljana għall-Iżvilupp u r-Rilokazzjoni tal-popolazzjoni Bedwina fin-Negev taw xi riżultati pożittivi fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-popolazzjoni Bedwina f'Iżrael, ħolqu wkoll kontroversja u tensjonijiet tul dawn l-aħħar snin;

J.  billi d-demolizzjoni ta' Khan al-Ahmar u l-evizzjoni tar-residenti tiegħu jagħtu messaġġ gravi ieħor liċ-ċittadini Palestinjani f'Iżrael, li jkompli jżid mas-sitwazzjoni ta' tensjoni diġà eżistenti wara l-adozzjoni reċenti tal-Liġi tal-Istat Nazzjon mill-Knesset;

1.  Jopponi bis-saħħa d-demolizzjoni ppjanata ta' Khan al-Ahmar; jitlob lill-Gvern Iżraeljan biex ma jipproċedix bid-demolizzjoni tal-villaġġ u t-trasferiment bil-forza tal-popolazzjoni tiegħu għal post ieħor;

2.  Jappoġġa d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ Federica Mogherini f'difiża ta' Khan al-Ahmar u t-talba tagħha lill-awtoritajiet Iżraeljani; ifaħħar l-isforzi ta' diversi Stati Membri tal-UE biex jipprevjenu l-qerda ta' Khan al-Ahmar;

3.  Jenfasizza li d-demolizzjoni ta' Khan al-Ahmar u t-trasferiment bil-forza tal-popolazzjoni tiegħu jikkostitwixxi ksur serju tal-liġi umanitarja internazzjonali, liema ksur jaqa' taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern Iżraeljan skont l-ordni legali internazzjonali u quddiem il-komunità internazzjonali;

4.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ titlob kumpens sħiħ minn Iżrael għall-qerda ta' infrastruttura tal-UE ffinanzjata mill-UE, u twettaq valutazzjoni komprensiva tal-kompatibbiltà ta' din l-azzjoni mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael u dwar jekk l-UE għandhiex tattiva l-Artikolu 2 tiegħu, jekk iseħħu d-demolizzjoni ta' u l-evizzjonijiet minn Khan al-Ahmar;

5.  Jitlob lill-Gvern Iżraeljan iwaqqaf minnufih il-politika tiegħu ta' theddid ta' demolizzjoni u evizzjoni kontra l-komunitajiet Bedwini li jgħixu fin-Negev u fiż-Żona C fix-Xatt tal-Punent okkupat, bħal dawk li jgħixu f'Susiya u villaġġi oħrajn;

6.  Ifakkar lill-Iżrael, bħala potenza okkupanti, fl-obbligi tagħha lejn il-popolazzjoni Palestinjana li tgħix taħt l-okkupazzjoni tagħha mill-1967, f'konformità mar-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra; Jenfasizza li l-ksur ta' dawn l-obbligi jikkostitwixxi delitti serji taħt il-liġi umanitarja internazzjonali;

7.  Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soluzzjoni b'żewġ stati bl-istat sigur ta' Iżrael u stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli, li jgħixu ma ġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà bil-fruntieri tal-1967, b'Ġerusalemm bħala l-kapital taż-żewġ stati, abbażi tad-dritt ta' awtodeterminazzjoni u r-rispett sħiħ għal-liġi internazzjonali; jikkundanna kwalunkwe deċiżjoni jew azzjoni unilaterali li tista' tipperikola l-prospettivi ta' din is-soluzzjoni;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Koordinatur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-Gvern ta' Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.

 

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Settembru 2018Avviż legali