Proċedura : 2018/2847(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0391/2018

Testi mressqa :

B8-0391/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2018 - 10.8

Testi adottati :

P8_TA(2018)0350

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 414kWORD 54k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0388/2018
11.9.2018
PE624.100v01-00
 
B8-0391/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar in-nirien ta' Lulju 2018 f'Mati fir-Reġjun tal-Attika, il-Greċja, u r-reazzjoni tal-UE (2018/2847(RSP))


Davor Škrlec f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-nirien ta' Lulju 2018 f'Mati fir-Reġjun tal-Attika, il-Greċja, u r-reazzjoni tal-UE (2018/2847(RSP))  
B8‑0391/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoin Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR))(1),

–  wara li kkunsidra l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta' Kjoto tagħha,

–  wara li kkunsidra l-White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa tal-1 ta' Marzu 2017,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Ottubru 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi u l-Konferenza 2016 tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima f'Marrakech, il-Marokk (COP 22)(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Mejju 2016 "Wara Pariġi: valutazzjoni tal-implikazzjonijiet tal-Ftehim ta' Pariġi" (COM(2016)0110),

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, id-Deċiżjoni 1/CP.21 u l-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) tal-UNFCCC u l-11-il Konferenza tal-Partijiet li serviet bħala l-Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto (CMP 11) li saret f'Pariġi, fi Franza, mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2009 dwar in-nirien tal-foresti fis-sajf 2009(3), li jeżaminat il-konsegwenzi tan-nirien fil-foresti fin-Nofsinhar tal-Ewropa u l-konklużjonijiet li għandhom jissieltu għal miżuri ta' prevenzjoni u allert,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew tal-10 ta' Settembru 2018 dwar in-nirien ta' Lulju 2018 f'Mati fir-Reġjun tal-Attika, il-Greċja, u r-reazzjoni tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi għadd ta' nirien fil-Greċja bdew fiż-żoni kostali ta' Attika f'Lulju 2018, u bħala konsegwenza diretta tagħhom mill-inqas 98 persuna mietu u aktar minn 187 sfaw midruba; billi n-nirien tal-foresti kienu t-tieni l-iktar qattiela fis-seklu 21;

B.  billi aktar minn 700 resident ġew evakwati jew salvati, l-aktar mill-villaġġ kostali ta' Mati, u eluf ta' vetturi u djar inqerdu;

C.  billi kienu rreġistrati wkoll nirien devastanti fi Stati Membri oħra tal-UE bħall-Iżvezja, ir-Renju Unit, il-Finlandja, Spanja u l-Latvja;

D.  billi snin reċenti wrew li l-problemi tan-nirien tal-foresti u l-pixka se jsiru dejjem aktar akuti, peress li s-sjuf estremament xotti qed isiru dejjem aktar komuni;

E.  billi ż-żieda fl-avvenimenti estremi tat-temp hija konsegwenza diretta tat-tibdil fil-klima kkawżat mill-bniedem u, bi frekwenza akbar, se jkompli jkollha impatt negattiv fuq ħafna partijiet tal-Ewropa, u b'hekk in-nies u l-ekosistemi tagħhom se jsiru dejjem aktar vulnerabbli;

F.  billi, skont l-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija, il-mewġiet ta' sħana qawwija madwar l-emisfera tat-Tramuntana fis-sajf tal-2018 huma marbuta mat-tibdil fil-klima;

G.  billi huwa għalhekk meħtieġ b'mod urġenti investiment fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima sabiex jiġu evitati l-katastrofi tal-pixka u n-nirien tal-foresti;

H.  billi l-Greċja talbet appoġġ mill-UE permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili u ġiet ipprovduta b'rispons immedjat minn Ċipru u Spanja, li kien jinkludi ajruplani, ħaddiema tat-tifi tan-nar, persunal mediku u vetturi; billi offerti ta' għajnuna malajr ġew ukoll minn Stati Membri oħra u pajjiżi terzi;

I.  billi l-UE tista' tipprovdi appoġġ finanzjarju billi timmobilizza l-Fond ta' Solidarjetà ta' l-UE jekk jintlaħaq il-limitu, billi tiżdied ir-rata ta' kofinanzjament għal xogħol ta' rikostruzzjoni appoġġat mill-FEŻR u billi timmodifika programmi operattivi sabiex tindirizza l-ħtiġijiet ta' rikostruzzjoni reġjonali;

J.  billi l-għadd kbir ta' nirien fl-Ewropa, kif ukoll il-portata tagħhom, huwa r-riżultat ta' għadd ta' fatturi flimkien mat-tibdil fil-klima, bħal attivitajiet kriminali, inkluż ħruq doluż, implimentazzjoni inadegwata tal-liġijiet li jipprojbixxu l-bini illegali fuq art maħruqa, u d-definizzjoni inadegwata tal-foresti u l-kura tagħhom;

1.  Jiddeplora l-vittmi u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-abitanti taż-żoni devastati min-nirien;

2.  Jesprimi l-gratitudni tiegħu lill-ħaddiema tat-tifi tan-nar, il-gwardji tal-kosta, is-sajjieda, il-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili u l-voluntiera li, flimkien mal-awtoritajiet Griegi, salvaw eluf ta' persuni;

3.  Bis-saħħa tal-Istati Membri kollha li wrew solidarjetà billi offrew u pprovdew appoġġ immedjat permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili u jifraħ lill-Kummissjoni talli kkoordinat l-assistenza tal-Unjoni;

4.  Jappella għall-adozzjoni rapida tar-regolament rivedut dwar il-Mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili biex ikun hemm kooperazzjoni miżjuda u aktar effettiva kif ukoll biex tissaħħaħ il-kapaċità ta' reazzjoni, partikolarment fir-rigward tal-ġlieda kontra l-konsegwenzi devastanti tat-tibdil fil-klima madwar l-UE;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-awtoritajiet u liċ-ċittadini Griegi billi tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE u tal-FEŻR;

6.  Jissottolinja li l-bini mill-ġdid ta' djar u infrastruttura li jkunu nqerdu għandu jilħaq l-ogħla standards għall-prevenzjoni tad-diżastri, inkluża l-protezzjoni minn terremoti, speċjalment meta jkunu involuti r-riżorsi tal-UE;

7.  Jistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni kkonċernati jistabbilixxu pjanijiet ta' restawr u ta' riabilitazzjoni għaż-żoni affettwati, li għandhom jinkludu kundizzjonijiet obbligatorji biex jiggarantixxu li l-miżuri kollha possibbli għall-prevenzjoni tan-nirien u t-tifi rapidu tan-nar jiġu implimentati f'dawk ir-reġjuni;

8.  Ifakkar li l-foresta naturali hija aktar reżiljenti kontra n-nirien tal-foresti; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu fir-riforestazzjoni ġenwina taż-żoni affettwati b'varjetajiet ta' siġar lokali u f'miżuri mmirati lejn il-prevenzjoni tar-riokkorrenza ta' diżastri bħal dawn;

9.  Jindika l-livell għoli ta' urbanizzazzjoni tar-reġjun ta' Attika, li huwa kkaratterizzat minn nuqqas ta' spazji ħodor suffiċjenti u toroq imħawla, u li dan għen biex jaċċellera n-nirien;

10.  Jinnota li d-danni kkawżati min-nirien setgħu ġew parzjalment evitati u għandhom jipprovdu inċentiv għall-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex jiżviluppaw, jiffinanzjaw u jimplimentaw politiki aktar effiċjenti ta' prevenzjoni u leġiżlazzjoni adegwata dwar il-konservazzjoni u l-użu xieraq tal-art, inkluż fir-rigward tal-ippjanar urban, prattiki tal-forestrija sostenibbli u ġestjoni effiċjenti tar-riskju;

11.  Jiddeplora l-fatt li jidher li ħafna minn dawn in-nirien tal-foresti tqabbdu b'atti ta' nar doluż, u huwa inkwetat b'mod partikolari li atti kriminali ta' nar doluż qed ikunu dejjem aktar il-kawża ta' nirien tal-foresti fl-Ewropa; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jżidu s-sanzjonijiet penali għal atti kriminali li jagħmlu l-ħsara lill-ambjent u, b'mod partikulari, għal dawk li jqabbdu n-nirien tal-foresti, u jemmen li investigazzjoni minnufih u effettiva sabiex tistabilixxi minn huwa responsabbli, segwita minn kastig proporzjonat, tiskoraġġixxi l-imġiba negliġenti u intenzjonali;

12.  Jenfasizza li hemm evidenza li l-mewġa tas-sħana fl-Ewropa fl-2018 hija marbuta mat-tibdil fil-klima; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu miri u jimplimentaw politiki dwar il-klima li jippermettu lill-UE u lill-Istati Membri jissodisfaw l-impenji tagħhom skont il-Ftehim ta' Pariġi COP 21;

13.  Jenfasizza li l-investiment fit-taffija u l-adattament tal-klima huwa meħtieġ b'mod urġenti sabiex jintlaħqu l-miri stabbiliti; jissottolinja li huwa essenzjali li 50 % tal-baġits tal-UE jintefqu fuq azzjoni klimatika;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lill-iktar reġjuni kkonċernati.

 

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(2)

ĠU C 215, 19.6.2018, p. 46.

(3)

ĠU C 224E, 29.1.2010, p. 63.

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Settembru 2018Avviż legali