Proċedura : 2018/2847(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0393/2018

Testi mressqa :

B8-0393/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2018 - 10.8

Testi adottati :

P8_TA(2018)0350

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 419kWORD 52k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0388/2018
11.9.2018
PE624.102v01-00
 
B8-0393/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar in-nirien ta' Lulju 2018 f'Mati fir-Reġjun tal-Attika, il-Greċja, u r-reazzjoni tal-UE (2018/2847(RSP))


Sofia Sakorafa, Dimitrios Papadimoulis, Nikolaos Chountis, Marisa Matias, Merja Kyllönen, Takis Hadjigeorgiou, Neoklis Sylikiotis, Kateřina Konečná, Jiří Maštálka, Stelios Kouloglou, Kostadinka Kuneva, Xabier Benito Ziluaga, Estefanía Torres Martínez, Miguel Urbán Crespo, Tania González Peñas, Lola Sánchez Caldentey f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-nirien ta' Lulju 2018 f'Mati fir-Reġjun tal-Attika, il-Greċja, u r-reazzjoni tal-UE (2018/2847(RSP))  
B8‑0393/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni")(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Greċja reċentement ħabbtet wiċċha mal-aktar nirien devastanti fl-istorja ta' kwalunkwe pajjiż Ewropew, li ħallew 98 persuna mejta, mijiet ta' persuni feruti u eluf ta' persuni bla dar, ħsarat materjali u ambjentali li ma jistgħux jiġu kkalkulati, u pajsaġġi li donnhom żona ta' gwerra;

B.  billi fl-24 ta' Lulju 2018 il-Greċja ġarrbet taħlita splussiva ta' kundizzjonijiet klimatiċi negattivi estremi, fosthom mewġa ta' sħana qawwija u rjieħ qawwija, u foresti niexfa qoxqox;

C.  billi n-nirien tal-foresti fl-UE bħala medja jaħarqu nofs miljun ettaru ta' foresti u artijiet naturali kull sena; billi minkejja li dan l-ammont ivarja b'mod konsiderevoli minn sena għall-oħra, 85 % taż-żona totali medja annwali li tinħaraq fl-Ewropa tinsab f'ħames pajjiżi Mediterranji tal-UE (il-Portugall, Spanja, Franza, l-Italja u l-Greċja);

D.  billi fl-2017 aktar minn 200 persuna mietu minħabba f'diżastri naturali li seħħew fl-Ewropa, filwaqt li nqerdu aktar minn miljun ettaru ta' foresta, u l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili ġie attivat 17-il darba għal emerġenzi ta' nirien tal-foresti fl-Ewropa;

E.  billi l-politiki ta' awsterità implimentati fil-Greċja rriżultaw fis-sottofinanzjament tal-mekkaniżmu Grieg għall-protezzjoni ċivili u dgħajfu b'mod sostanzjali l-kapaċità tal-pajjiż li jirrispondi b'mod effettiv għall-emerġenzi;

F.  billi d-diżastru fil-Lvant tal-Attika wera l-ħtieġa li jkun hemm sistema ta' twissija bikrija li tavża liċ-ċittadini u l-vjaġġaturi dwar emerġenzji u diżastri maġġuri imminenti jew li jkunu qed jiżviluppaw, għal skopijiet ta' prevenzjoni u biex jonqsu t-tbatija u l-imwiet; billi gvernijiet suċċessivi Griegi naqsu ripetutament milli jtejbu s-servizzi tan-numru tal-emerġenza Ewropew "112" billi jinkludu sistema ta' twissija bikrija għaċ-ċittadini li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jibagħtu avviżi liċ-ċittadini u l-vjaġġaturi li jkunu jinsabu f'żona speċifika fil-każ ta' diżastri u emerġenzi imminenti;

G.  billi l-qafas istituzzjonali tal-protezzjoni ċivili fil-Greċja jbati minn frammentazzjoni legali, formaliżmu, nuqqas ta' stat ta' tħejjija operattiva u polijarkija;

H.  billi l-Greċja hija l-uniku stat Ewropew mingħajr katast nazzjonali; billi n-nuqqas ta' reġistru komprensiv tal-artijiet, reġistru adegwat tal-foresti u mapep dettaljati jikkostitwixxi vakuum li sikwit jiġi sfruttat mill-iżviluppaturi bla skruplu li jibnu fuq l-art wara li din tinħaraq u tiġi mnaddfa;

I.  billi skont il-Kamra Teknika tal-Greċja, jeżistu mijiet ta' binjiet mhux awtorizzati f'Mati, u mijiet ta' eluf mal-pajjiż kollu; billi l-Gvern Grieg ħabbar li qed jiġi mfassal pjan ta' prijorità biex jitwaqqgħu 3200 binja u struttura mhux liċenzjati li għalihom diġà nħarġu protokolli irrevokabbli tat-twaqqigħ, taħt ir-responsabilità tal-amministrazzjoni deċentralizzata;

J.  billi l-ħerba bla preċedent li kkawżaw in-nirien, kemm fil-Lvant kif ukoll fil-Punent tal-Attika, ħolqot riskju imminenti ta' għargħar fiż-żoni milquta;

K.  billi l-Kummissjoni attivat il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili fl-24 ta' Lulju 2018, b'rispons għat-talba għal assistenza internazzjonali mressqa mill-Gvern Grieg;

L.  billi l-Prim Ministru Grieg ħa r-responsabilità politika għan-nirien u r-reazzjoni tal-awtoritajiet Griegi; billi fil-25 ta' Lulju 2018, il-Gvern Grieg ħabbar pakkett ta' miżuri mfassla biex itaffu t-tbatija u jsewwu l-ħsara materjali; billi għaddejja investigazzjoni ġudizzjarja dwar nuqqasijiet possibbli min-naħa tal-uffiċjali tal-istat u dwar il-kawżi tan-nirien devastanti fl-Attika;

1.  Jesprimi s-sogħba profonda u s-solidarjetà mal-familji tal-vittmi u l-persuni li jgħixu fiż-żoni milquta; ifaħħar id-dedikazzjoni tal-ħaddiema tat-tifi tan-nar, il-gwardja tal-kosta, il-voluntiera u l-persuni li ssograw ħajjithom biex jitfu n-nirien u jsalvaw lil ċittadini bħalhom;

2.  Jinsab imħasseb dwar l-għadd dejjem jikber ta' diżastri naturali, li skont l-esperti, jistgħu essenzjalment jiġu attribwiti għat-tibdil fil-klima li jwassal għal kundizzjonijiet klimatiċi aktar estremi, bini illegali u/jew insostenibbli u vulnerabilità akbar tal-foresti minħabba l-ġestjoni ħażina tar-riżorsi naturali u deċiżjonijiet tal-użu tal-art insostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex f'konformità mal-mira Ewropa 2020 u l-impenji internazzjonali tagħhom jindirizzaw it-tibdil fil-klima u biex iżidu l-baġit għal azzjonijiet relatati mal-klima;

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-attivazzjoni tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili;

4.  Jilqa' s-solidarjetà qawwija murija mill-Istati Membri u minn pajjiżi terzi li assistew lill-Greċja matul in-nirien katastrofiċi billi pprovdew appoġġ mill-ajru, tagħmir tat-tifi tan-nar, professjonisti mediċi, persunal u ħiliet esperti oħra;

5.  Jistieden lill-Gvern Grieg biex itejjeb, mingħajr dewmien, is-servizzi tan-numru ta' emerġenza Ewropew "112" biex tiġi inkluża sistema ta' twissija bikrija għaċ-ċittadini u l-vjaġġaturi li jkun jinsabu f'żona milquta;

6.  Jiddispjaċih profondament dwar l-impatt negattiv tal-miżuri ta' awsterità fuq il-kapaċitajiet operattivi tal-protezzjoni ċivili tal-Greċja;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet Griegi jallokaw fondi adegwati lis-sistema tal-protezzjoni ċivili Griega sabiex ikun żgurat stat ta' tħejjija operattiva ottimali; jitlob li l-infiq għall-mekkaniżmi tal-protezzjoni ċivili jiġi mnaqqas mill-kalkolu tad-defiċit tal-baġit;

8.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Greċja għadha l-uniku Stat Membru li ma ħolqotx katast nazzjonali komprensiv u reġistru tal-foresti; jinnota li sar xi progress f'dan il-qasam, u jitlob lill-Gvern Grieg biex jikkompleta l-katast u r-reġistru tal-foresti mingħajr dewmien;

9.  Jitlob li jkun hemm restituzzjoni immedjata għaċ-ċittadini milquta, li jitħallas kumpens għall-ħsara materjali, u li l-ispejjeż ambjentali jiġu kkumpensati mingħajr burokrazija żejda; jinnota li l-Gvern Grieg attiva l-Pjan ta' Żvilupp Speċjali biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tad-diżastri naturali u biex iż-żoni milquta jinġiebu lura fl-istat oriġinali;

10.  Jenfasizza li l-modernizzazzjoni, ir-razzjonalizzazzjoni u s-semplifikazzjoni tal-politika għad-diżastri naturali fil-Greċja għadhom prijorità ewlenija;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni biex timmobilizza l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-istrumenti disponibbli kollha taħt il-fondi Ewropej strutturali u ta' investiment jintużaw b'mod effettiv għal attivitajiet ta' prevenzjoni, u sabiex jiżguraw ir-rikostruzzjoni u r-restawr tal-infrastruttura u kwalunkwe intervent ieħor meħtieġ, b'kooperazzjoni sħiħa mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali tal-Greċja;

13.  Jistieden lill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jħaffu n-negozjati interistituzzjonali dwar il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili l-ġdid, filwaqt li jitqies il-grad tal-ħerba fil-Greċja u l-Istati Membri l-oħra matul dan is-sajf;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali responsabbli għaż-żoni milquta.

 

(1)

ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Settembru 2018Avviż legali