Proċedura : 2018/2847(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0394/2018

Testi mressqa :

B8-0394/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2018 - 10.8

Testi adottati :

P8_TA(2018)0350

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 421kWORD 52k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0388/2018
11.9.2018
PE624.103v01-00
 
B8-0394/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar in-nirien f'Lulju 2018 f'Mati fir-Reġjun tal-Attika fil-Greċja u r-reazzjoni tal-UE (2018/2847(RSP))


Maria Spyraki, Manolis Kefalogiannis, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Georgios Kyrtsos, Lambert van Nistelrooij, Theodoros Zagorakis, Elisabetta Gardini f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-nirien f'Lulju 2018 f'Mati fir-Reġjun tal-Attika fil-Greċja u r-reazzjoni tal-UE (2018/2847(RSP))  
B8-0394/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 6 u 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra, inter alia, ir-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-28 ta' April 2015 dwar "Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti"(1), tas-16 ta' Settembru 2009 dwar in-nirien tal-foresti fis-sajf 2009(2), tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kapaċità tal-Unjoni fir-reazzjoni għad-diżastri(3), tal-4 ta' Settembru 2007 dwar id-diżastri naturali(4), tas-7 ta' Settembru 2006 dwar in-nirien fil-foresti u l-għargħar(5), tal-14 ta' April 2005 dwar in-nixfa fil-Portugall(6), tat-12 ta' Mejju 2005 dwar in-nixfa fi Spanja(7), u tat-8 ta' Settembru 2005 dwar id-diżastri naturali (nirien u għargħar) fl-Ewropa(8), u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-18 ta' Mejju 2006 dwar id-diżastri naturali (nirien fil-foresti, nixfa u għargħar) – aspetti agrikoli(9), dwar id-diżastri naturali (nirien, nixfa u għargħar) – aspetti tal-iżvilupp reġjonali(10) u dwar id-diżastri naturali (nirien, nixfa u għargħar) – aspetti ambjentali(11),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili(12),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea(13),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, dan is-sajf, nirien fil-foresti devastanti ħakem lir-raħal ta' Mati fir-reġjun tal-Attika fil-Greċja, u ħalla għadd kbir ta' vittmi, fosthom aktar minn mitt fatalità;

B.  billi n-nirien ikkonċernat qered id-djar, għamel ħsara kbira lill-infrastruttura lokali u reġjonali u affettwa lill-attivitajiet ekonomiċi, speċjalment dawk ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, l-agrikoltura u l-potenzjal tas-settur tat-turiżmu u l-ospitalità;

C.  billi n-nixfa u n-nirien persistenti qed iħaffu l-proċess ta' deżertifikazzjoni ta' żoni kbar tan-Nofsinhar tal-Ewropa, u dan qed jagħmel ħsara serja lill-kwalità tal-ħajja tal-popolazzjonijiet involuti, u jaffettwa l-agrikoltura, it-trobbija tal-bhejjem u l-wirt tal-foresti,

D.  billi matul id-deċennji li ġejjin, irrispettivament mill-isforzi tagħna ta' mitigazzjoni globali, huwa probabbli li t-temperatura globali tiżdied, u dan jimplika effetti partikolarment negattivi għan-Nofsinhar tal-Ewropa, li skont il-previżjonijiet huwa reġjun estremament vulnerabbli f'dak li jikkonċerna t-tibdil fil-klima u li diġà nħakem minn nirien fil-foresti ta' intensità mingħajr preċedent bħala konsegwenza diretta tal-mewġiet ta' sħana estrema;

E.  billi l-frekwenza, is-severità, il-kumplessità u l-impatt tad-diżastri naturali u d-diżastri kkawżati mill-bniedem fl-Ewropa żdiedu b'mod rapidu f'dawn l-aħħar snin, u kkawżaw il-mewt u t-telf tal-proprjetà, b'effetti katastrofiċi fuq perjodu ta' żmien qasir u fit-tul fuq l-ekonomija tar-reġjuni milquta, inkluż it-tnaqqis tal-wirt naturali u kulturali, il-qerda tal-infrastruttura ekonomika u soċjali, u l-ħsara lill-ambjent (fil-każ tan-nirien fil-foresti, it-telf tal-ħabitats naturali u l-bijodiversità, id-deterjorament tal-mikroklima u ż-żieda tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra);

F.  billi dawn id-diżastri naturali ikollhom konsegwenzi ekonomiċi u soċjali dannużi għall-ekonomiji lokali u reġjonali, kemm fis-setturi bħat-turiżmu kif ukoll fejn tidħol l-attività ta' produzzjoni b'mod ġenerali;

G.  billi l-prevenzjoni hija ta' importanza partikolari f'dak li jikkonċerna l-protezzjoni kontra d-diżastri naturali, teknoloġiċi u ambjentali,

H.  billi l-fenomenu tan-nirien fil-foresti huwa aggravat ukoll mill-abbandun kontinwat tal-kampanja u l-attivitajiet tradizzjonali tagħha, il-manutenzjoni inadegwata tal-foresti, l-eżistenza ta' meded kbar ta' foresti li jikkonsistu fi speċi ta' siġra waħda, it-tħawwil ta' varjetajiet ta' siġar inadegwati, l-assenza ta' politika adegwata f'dak li jikkonċerna l-prevenzjoni, u penali mhux biżżejjed severi f'każijiet meta n-nirien jinbeda b'mod deliberat, flimkien mal-implimentazzjoni inadegwata ta' liġijiet li jipprevjenu l-bini illegali u jiżguraw ir-riforestazzjoni;

I.  billi xi Stati Membri għad m'għandhomx reġistru tal-artijiet komplut u reġistru u mapep tal-foresti xierqa, u dan, flimkien mal-implimentazzjoni inadegwata ta' liġijiet li jipprevjenu l-bini illegali f'żoni maħruqa, jikkostitwixxi vakwu li jwassal għal bidliet fl-użu tal-art u l-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-foresti għal attivitajiet bħalma hu l-bini;

J.  billi l-Mekkaniżmu Komunitarju għall-Protezzjoni Ċivili u sussegwentement il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili ġew ripetutament attivati f'dawn l-aħħar snin;

K.  billi d-diżastri naturali, bħan-nirien fil-foresti li kulma jmur qed jiżdiedu fin-Nofsinhar tal-Ewropa, ukoll jista' jkollhom dimensjoni transfruntiera minħabba r-rata mgħaġġla li biha jistgħu jinfirxu mis-sors oriġinali tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jbiddlu d-direzzjoni għal għarrieda, li jfisser li dawn jirrikjedu sforzi ta' reazzjoni flessibbli, rapidi, koordinati u multilaterali; billi tali diżastri jistgħu jikkawżaw ħsara estensiva lill-proprjetà, lill-ħajja ta' bniedem, lill-attivitajiet ekonomiċi u lill-ambjent reġjonali;

L.  billi, mill-1995 'il hawn, il-Parlament ippreżenta riżoluzzjoni wara oħra u appella b'urġenza għal diversi inizjattivi tal-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra n-nirien fil-foresti fin-Nofsinhar tal-Ewropa,

M.  billi, fil-31 ta' Mejju 2018, il-Parlament adotta proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili;

1.  Jesprimi s-simpatija u s-solidarjetà profonda tiegħu mal-qraba ta' dawk li tilfu ħajjithom u mar-residenti taż-żoni milquta, u jfaħħar lill-pumpiera, lis-suldati, lill-professjonisti u lill-voluntiera li ħadmu bla heda u bi qlubija biex jitfu n-nirien, isalvaw lin-nies u jillimitaw il-ħsara mid-diżastri naturali ta' dan is-sajf;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tippermetti l-għoti rapidu u effikaċi ta' finanzjament, inkluża r-riallokazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, bil-għan li tiġi indirizzata l-ħsara u jingħata sostenn lill-vittmi;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-istrumenti ta' koeżjoni u l-fondi reġjonali kollha disponibbli jintużaw b'mod effikaċi għall-attivitajiet ta' prevenzjoni, kif ukoll għas-sigurtà territorjali, l-attivitajiet ta' rikostruzzjoni u riabilitazzjoni u l-intervenzjonijiet l-oħra kollha meħtieġa, b'kooperazzjoni sħiħa mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali Griegi;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni turi flessibilità fid-dawl ta' din is-sitwazzjoni straordinarja u gravi, speċjalment meta wieħed iqis li l-Greċja hija l-uniku Stat Membru bi PDG li qed jonqos b'mod kostanti;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġa r-riabilitazzjoni tar-reġjuni li ġarrbu l-akbar ħsara, tirrestawra l-ħabitats naturali fiż-żoni milquta, timpjenja ruħa biex tagħti ħajja ġdida lill-ħolqien tal-impjiegi u tieħu l-miżuri adegwati biex tikkumpensa għall-ispejjeż soċjali marbuta mat-telf tal-impjiegi u sorsi oħra ta' introjtu;

6.  Jiddispjaċih ħafna mill-fatt li ċerti Stati Membri oħra reċentement ukoll ġarrbu telf kbir bħal dan minħabba nirien ta' intensità simili; iqis li huwa neċessarju, b'konsegwenza ta' dan, li tiġi eżaminata l-adegwatezza tal-miżuri ta' prevenzjoni u tħejjija sabiex ikun żgurat li jinkisbu t-tagħlimiet meħtieġa, bil-għan li jiġu impediti u limitati l-effetti devastanti ta' diżastri simili fl-Istati Membri fil-futur;

7.  Jiddeplora l-fatt li jidher li ħafna minn dawn in-nirien fil-foresti tqabbdu apposta, u jinsab inkwetat b'mod partikolari li atti kriminali ta' dan it-tip qed ikunu dejjem aktar il-kawża ta' nirien fil-foresti fl-Ewropa; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri jsaħħu u jagħmlu użu minn sanzjonijiet penali għal atti kriminali li jagħmlu l-ħsara lill-ambjent u b'mod partikolari għal dawk li jqabbdu n-nirien fil-foresti, u jemmen li investigazzjonijiet effikaċi u f'waqthom sabiex jiġi stabbilit minn huwa responsabbli, segwiti minn piena proporzjonata, jiskoraġġixxu mġiba negliġenti u deliberata;

8.  Jitlob li jintużaw metodi aktar effiċjenti għall-identifikazzjoni bikrija tan-nirien fil-foresti, u li l-għarfien espert dwar il-miżuri għat-tifi tan-nar jiġi ttrasferit aħjar bejn l-Istati Membri, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb l-iskambju ta' esperjenza bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri;

9.  Jirrikonoxxi s-solidarjetà li wrew l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u pajjiżi oħra bl-għajnuna li taw lir-reġjuni milquta waqt emerġenzi ta' nirien fil-foresti permezz ta' inġenji tal-ajru, tagħmir għat-tifi tan-nar u għarfien espert, kif ukoll l-għajnuna notevoli mogħtija lill-awtoritajiet rilevanti u lit-timijiet tas-salvataġġ;

10.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi mħaffa l-proċedura ta' aċċess għall-fondi tal-UE għall-irkupru tal-art agrikola wara nirien, u l-ħtieġa li tkun disponibbli aktar għajnuna finanzjarja għall-iżvilupp ta' "firebreaks" (strixxi ta' art mingħajr siġar biex in-nar ma jitħalliex ikompli jinfirex); jisħaq fuq l-effetti fatali tan-nirien fil-foresti fuq l-annimali u l-bhejjem;

11.  Iqis li huwa essenzjali li jitqiesu l-problemi strutturali tal-ambjent rurali (it-tnaqqis demografiku, l-abbandun tal-art agrikola, id-deforestazzjoni);

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel progress fl-elaborazzjoni ta' kampanji ta' informazzjoni u edukazzjoni dwar il-miżuri ta' prevenzjoni maqbula mal-Istati Membri bil-għan li jitnaqqsu r-riskji u l-konsegwenzi tad-diżastru naturali, speċjalment f'żoni fl-ogħla riskju, u dan billi tissensibilizza l-membri tal-pubbliku dwar il-ħtieġa li jieħdu ħsieb l-ambjent u jħarsu r-riżorsi naturali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri, inklużi miżuri ta' sensibilizzazzjoni tal-pubbliku, favur użu aktar sostenibbli tal-ilma, il-ħamrija u r-riżorsi bijoloġiċi, kif ukoll ġestjoni aħjar tal-iskart, peress li n-nuqqas ta' tali miżuri spiss jikkawża n-nirien;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali taż-żoni milquta min-nirien.

 

 

(1)

ĠU C 346, 21.9.2016, p. 17.

(2)

ĠU C 224 E, 19.8.2010, p. 1.

(3)

ĠU C 286 E, 27.11.2009, p. 15.

(4)

ĠU C 187 E, 24.7.2008, p. 55.

(5)

ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 240.

(6)

ĠU C 33 E, 9.2.2006, p. 599.

(7)

ĠU C 92 E, 20.4.2006, p. 414.

(8)

ĠU C 193 E, 17.8.2006, p. 322.

(9)

ĠU C 297 E, 7.12.2006, p. 363.

(10)

ĠU C 297 E, 7.12.2006, p. 369.

(11)

ĠU C 297 E, 7.12.2006, p. 375.

(12)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924.

(13)

ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Settembru 2018Avviż legali