Proċedura : 2018/2853(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0445/2018

Testi mressqa :

B8-0445/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0383

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 423kWORD 49k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0444/2018
1.10.2018
PE624.123v01-00
 
B8-0445/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen (2018/2853(RSP))


Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Pier Antonio Panzeri, Knut Fleckenstein, Enrique Guerrero Salom f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen (2018/2853(RSP))  
B8‑0445/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen, b'mod partikolari dawk tal-25 ta' Frar 2016(1) u tal-15 ta' Ġunju 2017(2) dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen, u dawk tad-9 ta' Lulju 2015(3) u tat-30 ta' Novembru 2017(4) dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra r-rapport ippubblikat fit-28 ta' Awwissu 2018 mill-Grupp ta' Esperti Eminenti Internazzjonali u Reġjonali dwar il-Jemen tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU rigward is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen, inkluż dwar vjolazzjonijiet u abbużi minn Settembru 2014 'il quddiem,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen tal-24 ta' Settembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2018 dwar il-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-13 ta' Ġunju 2018 mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, u mill-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, dwar l-aħħar żviluppi madwar Hodeidah, il-Jemen,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Jemen, b'mod partikolari r-Riżoluzzjonijiet 2216 (2015), 2201 (2015) u 2140 (2014),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, skont l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA), is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen qed tkompli sejra lura kuljum, hekk kif aktar nies qed jiġu spostati u qed jaħarbu mill-vjolenza kontinwa u ċ-ċaqliq tal-linji tal-front;

B.  billi, skont in-NU, kważi 470 000 ruħ ħarbu mill-Governorat ta' Hodeidah mill-bidu ta' Ġunju, 75 % tal-popolazzjoni jiddependu fuq l-għajnuna umanitarja u 17,8 miljun ruħ m'għandhomx sigurtà tal-ikel;

C.  billi, minn Novembru 2017 'l hawn, il-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija stabbiliet imblokk fuq l-importazzjonijiet kollha lejn it-territorju kkontrollat mill-Houthi, ħlief għal materjali umanitarji u ta' għajnuna urġenti; billi, anke jekk dik l-eċċezzjoni tiġi rrispettata, l-għajnuna umanitarja waħedha mhijiex biżżejjed, peress li l-popolazzjoni ċivili teħtieġ prodotti essenzjali importati b'mezzi kummerċjali; billi, skont l-OCHA, il-Jemen irnexxielu jaqdi biss 21 % ta' ħtiġijietu rigward il-fjuwil u 68 % ta' dawk rigward l-importazzjoni tal-ikel minn meta beda l-imblokk; billi, f'ċerti każijiet, il-forzi Houthi ibblokkaw il-konsenja ta' provvisti mediċi essenzjali u għajnuna alimentari u umanitarja lil bliet ikkontrollati mill-gvern;

D.  billi l-attakk mill-ajru mill-koalizzjoni internazzjonali mmexxija mill-Arabja Sawdija li qatel 26 tifel u tifla u darab tal-anqas 19 oħra li kienu ġewwa kowċ tal-iskola jew ħdejha fit-Tramuntana tal-Jemen fid-9 ta' Awwissu 2018 tqies li "jidher li kien delitt tal-gwerra" minn Human Rights Watch;

E.  billi l-liġijiet tal-gwerra jipprojbixxu attakki intenzjonati u indiskriminati fuq persuni ċivili; billi s-sejbiet tal-Grupp ta' Esperti Eminenti Internazzjonali u Reġjonali dwar il-Jemen, jissuġġerixxu bil-qawwa li l-partijiet fil-kunflitt armat wettqu – u għadhom qed iwettqu – vjolazzjonijiet u delitti skont id-dritt internazzjonali, u li l-individwi li wettquhom għalhekk jistgħu jiġu mħarrka;

F.  billi, minn Marzu 2015 'il hawn, aktar minn 2 500 tifel u tifla sfaw maqtula, filwaqt li aktar minn 3 500 tifel u tifla sfaw immankati jew midruba u għadd dejjem jikber ta' tfal ġew irreklutati minn forzi armati fil-post;

G.  billi l-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija hija responsabbli għal tużżani ta' attakki mill-ajru indiskriminati u sproporzjonati, li qatlu u darbu persuni ċivili, qerdu djar, skejjel, sptarijiet u moskej, bi ksur tal-liġijiet tal-gwerra; billi s-sitwazzjoni fil-Jemen tirrappreżenta riskji gravi għall-istabbiltà tar-reġjun usa';

H.  billi l-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija ħolqot xibka ta' tal-anqas tmintax-il ċentru ta' detenzjoni sigriet fin-Nofsinhar tal-Jemen, li fihom id-detenuti ġew soġġetti għal abbużi, inklużi s-swat, l-użu ta' xokkijiet elettriċi, u l-vjolenza sesswali; billi xi priġunieri mietu ftit wara li ġew arrestati, milli jidher wara li ġew ittorturati; billi, peress li dawn id-detenzjonijiet, ladarba seħħew fil-kuntest ta' kunflitt armat, għandhom jiġu investigati bħala delitti tal-gwerra;

I.  billi l-awtoritajiet de facto Houthi għamlu kampanja sistematika ta' fastidju kontra difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u minoranzi reliġjużi; billi 24 Jemenita mill-minoranza Baha'i, fosthom tifel, sarulhom akkużi li jistgħu jwasslu għall-piena tal-mewt, għal xejn aktar mit-twemmin u l-azzjonijiet paċifiċi tagħhom;

J.  billi l-forzi Houthi ibbumbardjaw żoni tal-popolazzjoni ċivili b'mod indiskriminat, speċjalment f'Taiz, hekk li qatlu u darbu mijiet ta' persuni ċivili; billi wkoll użaw mini antipersuna projbiti u rreklutaw tfal;

K.  billi Kamel Jendoubi, President tal-Grupp ta' Esperti Eminenti Internazzjonali u Reġjonali dwar il-Jemen tan-NU, li fit-28 ta' Awwissu 2018 ħareġ rapport lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, safa vittma ta' kampanja ta' tħammiġ maħsuba biex tintimida lill-Grupp ta' Esperti Eminenti u tixħet dubji fuq is-sejbiet tiegħu,

L.  billi hemm embargo internazzjonali fuq l-armi kontra l-forzi Houthi appoġġjati mill-Iran u billi, skont it-18-il Rapport Annwali tal-UE dwar l-Esportazzjonijiet tal-Armi, Stati Membri tal-UE baqgħu jawtorizzaw trasferimenti ta' armi lejn l-Arabja Sawdija wara l-eskalazzjoni tal-kunflitt, bi ksur tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 dwar il-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi;

M.  billi r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tal-25 ta' Frar 2016 u tat-30 ta'Novembru 2017 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen talbu li l-VP/RGħ tvara inizjattiva li timponi embargo tal-UE fuq l-armi fil-konfront tal-Arabja Sawdija, bi qbil mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK;

N.  billi, minkejja sejħiet ripetuti għal soluzzjoni paċifika għall-kriżi, l-Arabja Sawdija intensifikat il-kampanji tagħha ta' intimidazzjoni diretti lejn dawk il-pajjiżi li għażlu li jirrestrinġu l-bejgħ ta' armi li ssuspettaw li setgħu jintużaw fil-Jemen bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali;

1.  Jappella biex il-partijiet kollha fil-ġlied jiżguraw li l-forzi armati kollha taħt il-kontroll tagħhom, inklużi l-milizzji tas-sigurtà, jaderixxu mad-dritt umanitarju internazzjonali; ma jibqgħux jimmiraw fuq il-popolazzjoni ċivili u l-binjiet ċivili, inklużi sptarijiet, skejjel, swieq u moskej; u jibqgħu lura milli jużaw armi li minnhom infushom huma indiskriminati, bħalma huma l-munizzjonijiet dispersivi u l-mini;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki mill-ajru u l-imblokk mill-koalizzjoni internazzjonali mmexxija mill-Arabja Sawdija fuq it-territorju kkontrollat mill-forzi Houthi, peress li huma mmirati fuq il-popolazzjoni ċivili tal-Jemen u jikkawżaw danni diretti għal dik il-popolazzjoni, u jmorru kontra d-dritt umanitarju internazzjonali; jinnota li azzjonijiet ta' dan it-tip ikkawżaw eluf ta' vittmi ċivili u aggravaw l-instabbiltà tal-pajjiż, li ġiet sfruttata minn organizzazzjonijiet terroristiċi bħal ISIS/Da'esh u Al-Qaeda fil-Peniżola tal-Arabja (AQAP);

3.  Jikkundanna bil-qawwa l-azzjonijiet destabbilizzanti u vjolenti mwettqa mill-forzi Houthi, inkluż l-assedju tal-belt ta' Taiz, li kkawża konsegwenzi umanitarji diżastrużi għall-popolazzjoni ta' dik il-belt;

4.  Jappella biex il-partijiet kollha involuti jippermettu aċċess umanitarju sħiħ u immedjat għaż-żoni milquta mill-kunflitt biex il-popolazzjoni fil-bżonn tkun tista' tingħata l-assistenza; jistieden lill-Kunsill u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex, fl-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 2216 tal-KSNU, jidentifikaw l-individwi li qed jostakolaw il-konsenji tal-għajnuna umanitarja fil-Jemen u jimponu fuqhom sanzjonijiet imfassla apposta għalihom;

5.  Ifakkar li l-gvernijiet barranin kollha involuti fil-kunflitt tal-Jemen, b'mod partikolari l-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda, għandhom l-obbligu li jirrispettaw, jipproteġu u jissodisfaw id-drittijiet tal-persuni kollha taħt il-kontroll tagħhom, u li kemm l-Arabja Sawdija u kemm l-Emirati Għarab Magħquda huma firmatarji tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Inumani jew Degradanti Oħra u tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

6.  Jikkundanna bil-qawwa l-eżistenza dokumentata ta' ċentri ta' detenzjoni operati minn milizzji appoġġjati mill-gvern tal-Emirati Għarab Magħquda, fejn id-detenuti, skont rapporti, jiġu ttorturati u jinżammu sa sentejn mingħajr proċess; iħeġġeġ lill-gvern tal-Emirati Għarab Magħquda biex iġib tali faċilitajiet taħt is-sorveljanza tal-Prosekutur Ġenerali tal-Jemen, u biex jagħti rendikont tad-destin tal-persuni miżmuma fid-detenzjoni;

7.  Jappella lill-Qorti Kriminali Speċjalizzata fit-territorju kkontrollat mill-Houthi f'Sana'a biex tassolva u tillibera lil Asmaa al-Omeissy, Saeed al-Ruwaished u Ahmed Bawazeer, li għebu bil-forza, sfaw ittorturati u kkundannati għall-mewt wara proċess inġust għall-aħħar talli allegatament għenu pajjiż għadu;

8.  Jappella lill-Qorti Kriminali Speċjalizzata f'Sana'a, barra minn hekk, biex tillibera minnufih il-25 segwaċi tar-reliġjon Baha'i li qed jinżammu detenuti minħabba li pprattikaw ir-reliġjon tagħhom b'mod paċifiku, u li qed jiffaċċjaw akkużi punibbli bil-mewt;

9.  Jilqa' r-rapport annwali tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen, li fih il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU ddeċieda li jestendi l-mandat tal-Grupp ta' Esperti Eminenti Internazzjonali u Reġjonali għal perjodu ieħor ta' sena, li jista' jiġġedded b'awtorizzazzjoni mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem;

10.  Jitlob li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri kollha jipprovdu appoġġ koeżiv, immedjat u effikaċi lill-Grupp ta' Esperti Eminenti Internazzjonali u Reġjonali fil-korpi kollha rilevanti tan-NU, mhux l-anqas fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem;

11.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jsiru investigazzjonijiet effikaċi, imparzjali u indipendenti dwar l-allegazzjonijiet kollha ta' ksur u ta' abbuż tad-drittijiet tal-bniedem u ta' ksur tad-dritt umanitarja internazzjonali, f'konformità mal-istandards internazzjonali, bil-għan li l-impunità tinġieb fi tmiemha;

12.  Jappella biex is-sħubija tal-Arabja Sawdija fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tiġi sospiża, b'mod partikolari fid-dawl tal-involviment imminenti tal-pajjiż fil-Proċess ta' Rieżami Perjodiku Universali, u f'konformità mat-talbiet li l-Parlament Ewropew diġà ressaq;

13.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri biex ikomplu jagħmlu djalogu mal-Arabja Sawdija dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; jistqarr li huwa lest jagħmel djalogu kostruttiv u miftuħ mal-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija dwar l-implimentazzjoni tal-impenji internazzjonali tagħhom rigward id-drittijiet tal-bniedem; jappella għal skambju ta' għarfien espert dwar kwistjonijiet ġudizzjarji u ġuridiċi bil-għan li l-protezzjoni tad-drittijiet individwali fl-Arabja Sawdija tissaħħaħ;

14.  Jistieden lill-Kunsill jieħu passi effikaċi biex jippromwovi l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, kif previst fil-linji gwida rilevanti tal-UE; itenni, b'mod partikolari, il-ħtieġa li l-Istati Membri kollha tal-UE japplikaw strettament ir-regoli stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen tat-25 ta' Frar 2016 u tat-30 ta' Novembru 2017; iħeġġeġ lill-VP/RGħ, f'dan ir-rigward, biex tipproponi, għall-istabbiliment mill-Kunsill Ewropew, embargo fuq l-armi u fuq it-tagħmir kollu li jista' jintuża għar-repressjoni interna u għaż-żamma tal-imblokk li għadu għaddej, fil-konfront tal-pajjiżi kollha involuti fil-kunflitt tal-Jemen, fosthom l-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda;

15.  Jitlob li l-Kummissjoni, il-VP/RGħ u l-Kunsill jaġixxu f'fora internazzjonali u jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex itemmu l-ostilitajiet;

16.  Jirriserva d-dritt li jerġa' jikkunsidra l-kwistjoni sakemm tintlaħaq soluzzjoni nnegozjata; jirrakkomanda li s-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem jissorvelja l-iżviluppi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen u jipproduċi rapport dwar il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet ċivili li twettqu fil-Jemen;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarji Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u tal-Lega tal-Istati Għarab, u lill-Gvern tal-Jemen.

(1)

ĠU C 35, 31.1.2018, p. 142.

(2)

ĠU C 331, 18.9.2018, p. 146.

(3)

ĠU C 265, 11.8.2017, p. 93.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2017)0473.

Aġġornata l-aħħar: 2 ta' Ottubru 2018Avviż legali