Proċedura : 2018/2853(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0446/2018

Testi mressqa :

B8-0446/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0383

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 418kWORD 47k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0444/2018
1.10.2018
PE624.124v01-00
 
B8-0446/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen (2018/2853(RSP))


Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez‑Neyra, Arnaud Danjean, Sandra Kalniete, David McAllister, Ramona Nicole Mănescu, Elmar Brok, Julia Pitera, Lorenzo Cesa, Fernando Ruas f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen (2018/2853(RSP))  
B8‑0446/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Jemen tal-25 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, u tal-Kummissarju Christos Stylianides tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar l-aħħar żviluppi madwar Hodeidah, il-Jemen, u tal-4 ta' Awwissu 2018 dwar l-attakki mill-ajru f'Hodeidah,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta' Awwissu 2018 tal-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-15 ta' Marzu 2018 tal-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' Settembru 2018 tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-19 ta' Settembru 2018 tad-Direttur Eżekuttiv tal-Programm Dinji tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Jemen,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kunflitt li għaddej fil-Jemen daħal fir-raba' sena tiegħu u aktar minn 22 miljun ruħ għandhom bżonn appoġġ umanitarju; billi aktar minn 17-il miljun ruħ huma f'kundizzjonijiet ta' insigurtà tal-ikel, li minnhom aktar minn 8 miljun ruħ jinsabu fi stat gravi ta' insigurtà tal-ikel u f'riskju li jmutu bil-ġuħ;

B.  billi aktar minn 2 miljun ruħ ġew spostati internament; billi n-nisa, it-tfal u l-persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli jintlaqtu b'mod partikolari mill-ostilitajiet li għaddejjin;

C.  billi l-interruzzjoni tal-provvista ta' servizzi pubbliċi essenzjali, b'mod partikolari fil-qasam tas-saħħa, is-sanità u l-edukazzjoni, kompliet taggrava s-sitwazzjoni umanitarja; billi 50 % biss tal-għadd totali ta' faċilitajiet tas-saħħa qed jiffunzjonaw bis-sħiħ, u anki dawn qed jiffaċċjaw nuqqas kbir ta' mediċini, tagħmir u persunal; billi l-qerda tal-infrastruttura u l-kollass tas-servizzi pubbliċi aċċeleraw it-tifqigħa tal-kolera;

D.  billi l-UE hija mħassba profondament dwar l-istat ta' kważi kollass tal-ekonomija tal-Jemen; billi l-ħlas regolari tas-salarji ta' 1,4 miljun ħaddiem tas-settur pubbliku mhux militari fil-Jemen waqaf effettivament fi tmiem l-2016;

E.  billi meta wieħed jieħu kont tal-iskala massiva ta' ħtiġijiet umanitarji fil-Jemen, dawn ma ġewx issodisfati bis-sħiħ mill-isforzi internazzjonali u mill-mobilizzazzjoni tar-riżorsi;

F.  billi l-UE għadha impenjata li tkompli tipprovdi għajnuna li ssalva l-ħajjiet lill-persuni kollha fil-bżonn fil-Jemen; billi, fl-istess ħin, l-UE tikkondividi t-tħassib tan-NU u tad-donaturi l-oħra dwar l-ispazju umanitarju li qed jiċkien kontinwament;

G.  billi l-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF) qed jipprovdi lit-tfal vulnerabbli, fil-provinċji milquta mill-kunflitt, għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp, fosthom għajnuna għall-vittmi, traċċar/riunifikazzjoni tal-familja, dokumentazzjoni ta' ksur tad-drittijiet tat-tfal, sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji tal-mini u appoġġ psikoloġiku, u qed iwettaq sforzi biex jiġi evitat il-kollass tas-sistema edukattiva, inkluż billi jistabbilixxi spazji temporanji ta' tagħlim u riabilitazzjoni tal-iskejjel;

H.  billi Jemen stabbli u sikur, bi gvern li jiffunzjona sew, hu kruċjali għall-isforzi internazzjonali biex jiġu miġġielda l-estremiżmu u l-vjolenza fir-reġjun u lil hinn minnu, kif ukoll għall-paċi u l-istabbiltà fil-Jemen stess;

I.  billi l-istabbiltà fir-reġjun hija ta' importanza fundamentali għall-UE; billi l-UE hija impenjata favur approċċ komprensiv u strateġiku li jinvolvi lill-atturi reġjonali rilevanti kollha;

J.  billi sa mill-2005, l-UE kkontribwiet aktar minn EUR 233 miljun f'finanzjament umanitarju lill-Jemen;

1.  Jesprimi tħassib serju dwar id-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni fil-Jemen u l-impatt umanitarju devastanti tal-kunflitt fuq iċ-ċivili; jikkundanna l-attakki kontra l-popolazzjoni ċivili; jesprimi diqa kbira għall-livell ta' vjolenza fil-Jemen; jesprimi tħassib dwar l-isfidi li qed tiffaċċja l-ekonomija tal-Jemen;

2.  Jiddispjaċih profondament għat-telf ta' ħajja kkawżat mill-kunflitt u għas-sofferenza ta' dawk li sfaw maqbuda fil-ġlied, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; itenni l-impenn tiegħu li jkompli jappoġġja lill-Jemen u lill-poplu Jemenit;

3.  Jinsab imħasseb ħafna dwar il-bumbardamenti f'żoni densament popolati, l-assedji tal-bliet, l-użu ta' mini kontra l-persunal u ta' munizzjon dispersiv u l-attakki li jikkawżaw il-qerda ta' infrastruttura ċivili inkluż skejjel, faċilitajiet mediċi, żoni residenzjali, swieq, sistemi tal-ilma, portijiet u ajruporti.

4.  Jinsab imħasseb ħafna dwar l-intensifikazzjoni riċenti ta' operazzjonijiet militari fil-belt u l-port ta' Hodeidah u l-inħawi; jitlob lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex jiżguraw il-funzjonament sħiħ u effettiv tal-port ta' Hodeidah;

5.  Jikkundanna t-tfigħ ta' missili ballistiċi mir-ribelli Houthi kontra r-Renju tal-Arabja Sawdija, inkluż fuq miri ċivili, u kontra bastimenti li jittranżitaw fl-Istrett ta' Bab-el-Mandeb; jikkundanna l-użu tal-mini tal-baħar mill-forzi Houthi;

6.  Jitlob lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex jiżguraw il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u biex jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali u mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

7.  Jitlob lill-partijiet kollha fil-konflitt biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont id-dritt umanitarju internazzjonali biex jippermettu u jiffaċilitaw l-aċċess sikur, rapidu u bla xkiel għall-provvisti u l-persunal umanitarji lin-nies kollha fil-bżonn fil-provinċji milquta kollha;

8.  Jitlob lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex jippermettu u jiffaċilitaw l-aċċess sikur, rapidu u bla xkiel għall-provvisti kummerċjali;

9.  Jenfasizza li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU issottolinja l-appoġġ tiegħu għall-Mekkaniżmu ta' Verifika u Spezzjoni tan-NU (UNVIM), u li l-UE tappoġġja bis-sħiħ il-kontinwazzjoni tal-UNVIM u l-implimentazzjoni sħiħa u bla xkiel tal-mandat tiegħu;

10.  Jenfasizza li huwa essenzjali li jiġi żgurat aċċess sħiħ u sostnut fil-portijiet u l-ajruporti kollha tal-Jemen għall-importazzjonijiet kollha kummerċjali u umanitarji, kif ukoll għall-evakwazzjonijiet mediċi u għat-titjiriet kummerċjali;

11.  Jitlob lill-partijiet kollha fil-kunflitt iwaqqfu l-eskalazzjoni kurrenti, irażżnu ruħhom, jaħdmu b'mod urġenti biex jieqaf il-ġlied fil-pajjiż kollu u jinvolvu ruħhom b'mod kostruttiv man-NU.

12.  Jappoġġja l-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Jemen, Martin Griffiths, biex jerġa' jingħata bidu għall-proċess politiku; jieħu nota tad-dikjarazzjoni tiegħu lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-11 ta' Settembru 2018 li tgħid li minkejja n-nuqqas ta' waħda mill-partijiet għall-konsultazzjonijiet f'Ġinevra l-ġimgħa li għaddiet, u anki jekk dan l-intopp ċertament ma kienx ippjanat, xorta rnexxielna nerġgħu nagħtu bidu għall-proċess politiku b'appoġġ solidu ċar mill-poplu Jemenit u mill-komunità internazzjonali; jilqa' ż-żjara tas-Sur Griffiths f'San'a fis-16 ta' Settembru 2018; jitlob li l-Mibgħut Speċjali jingħata aċċess sħiħ u bla xkiel għall-partijiet rilevanti kollha fil-Jemen;

13.  Jenfasizza li hija biss soluzzjoni politika, inklużiva u nnegozjata għall-kunflitt li tista' ġġib lura l-paċi u żżomm l-unità, is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Jemen; jistieden lill-atturi internazzjonali u reġjonali kollha jinvolvu ruħhom b'mod kostruttiv mal-partijiet preżenti fil-Jemen sabiex tkun tista' tittaffa l-intensità tal-kunflitt u tintlaħaq soluzzjoni nnegozjata;

14.  Jikkundanna l-attakki terroristiċi kollha bl-aktar mod qawwi; huwa mħasseb ferm dwar iż-żieda fil-Jemen tal-preżenza ta' gruppi kriminali u terroristiċi, inklużi Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija (AQAP) u ISIS/Da'esh; jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex jieħdu azzjoni determinata kontra dawn il-gruppi;

15.  Jitlob lill-partijiet kollha fil-kunflitt itemmu r-reklutaġġ jew l-użu ta' tfal bħala suldati kif ukoll ksur gravi ieħor imwettaq kontra t-tfal bi ksur tad-dritt u l-istandards internazzjonali applikabbli; jitlob lill-partijiet kollha biex jeħilsu lit-tfal kollha li diġà ġew reklutati u biex jikkooperaw man-NU bil-ħsieb għar-riabilitazzjoni u r-riintegrazzjoni tagħhom fil-komunitajiet tagħhom; jappoġġja l-ħidma kruċjali tal-UNICEF fil-Jemen;

16.  Jitlob lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li jsiru investigazzjonijiet effikaċi, imparzjali u indipendenti dwar l-allegazzjonijiet kollha ta' ksur u ta' abbuż tad-drittijiet tal-bniedem u ta' ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, f'konformità mal-istandards internazzjonali;

17.  Jinsab ferm imħasseb dwar ir-rapporti ta' ċaħda tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, inklużi d-diskriminazzjoni, id-detenzjoni illegali u l-użu ta' vjolenza;

18.  Jitlob lill-Gvern tal-Jemen iħallas is-salarji tal-impjegati pubbliċi b'mod urġenti, b'mod partikolari s-salarji ta' dawk li jaħdmu f'setturi kruċjali bħall-edukazzjoni, is-saħħa u s-sanità;

19.  Jilqa' l-fatt li l-UE se tkompli tipprovdi għajnuna għall-iżvilupp lill-Jemen, filwaqt li tingħata prijorità lil interventi bil-għan tal-istabbilizzazzjoni tal-pajjiż, u se taħdem f'żoni stabbli mal-awtoritajiet lokali biex tippromwovi r-reżiljenza, biex tinżamm il-provvista ta' servizzi bażiċi u biex jitrawwem għajxien sostenibbli għall-komunitajiet;

20.  Jilqa' l-Pjan tan-NU ta' Risposta Umanitarja fil-Jemen għall-2018 u l-Avveniment ta' Livell Għoli tad-Donaturi tal-2018 għall-Kriżi Umanitarja fil-Jemen, li matulha donaturi internazzjonali impenjaw ruħhom li jagħtu aktar minn USD 2 biljun; jilqa' l-fatt li l-UE impenjat ruħha li tgħin li dawk milquta mill-kunflitt fil-Jemen u allokat EUR 107,5 miljun; jistieden lid-donaturi kollha jonoraw malajr l-impenji li ħadu;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab u lill-Gvern tal-Jemen.

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Ottubru 2018Avviż legali