Proċedura : 2018/2853(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0447/2018

Testi mressqa :

B8-0447/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0383

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 436kWORD 55k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0444/2018
1.10.2018
PE624.125v01-00
 
B8-0447/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen (2018/2853(RSP))


Bodil Valero, Barbara Lochbihler, Molly Scott Cato, Florent Marcellesi, Yannick Jadot, Ana Miranda, Michel Reimon, Igor Šoltes f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen (2018/2853(RSP))  
B8-0447/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen, b'mod partikolari dawk tat-30 ta' Novembru 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen(1), tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen(2) u tad-9 ta' Lulju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen(3), u dwar ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016 dwar l-attakki fuq sptarijiet u skejjel bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali(4),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, u tal-Kummissarju Christos Stylianides tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar l-aħħar żviluppi madwar Hodeidah, il-Jemen, u d-dikjarazzjoni tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tal-10 ta' Awwissu 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2018 dwar il-Jemen,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem tas-17 ta' Awwissu 2018 li jinkludi s-sejbiet tal-Grupp ta' Esperti Eminenti Internazzjonali u Reġjonali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen, inkluż dwar vjolazzjonijiet u abbużi minn Settembru 2014 'il quddiem,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni 2402 (2018) li testendi r-reġim ta' sanzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni tal-Konformità mad-Dritt Umanitarju Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi f'Ġunju 2018, il-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija bdiet offensiva biex tieħu l-belt ta' Hodeidah; billi n-negozjati għall-waqfien mill-ġlied immexxija mill-Mibgħut Speċjali tan-NU għall-Jemen, Martin Griffiths, wasslu għal waqfa temporanja fl-offensiva; billi l-kollass tal-aħħar tentattiv ta' taħditiet għall-paċi f'Ġinevra wassal biex l-ostilitajiet issoktaw fis-7 ta' Settembru 2018; billi mill-bidu tal-offensiva 'l hawn l-imwiet tal-persuni ċivili żdiedu b'164 %;

B.  billi f'Settembru 2018 il-Gvern tal-Jemen, appoġġjat mill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija, okkupa t-triq ewlenija li tgħaqqad lil Hodeidah ma' Sana'a u b'hekk imblokka r-rotta ta' provvista bejn dawn iż-żewġt ibliet;

C.  billi 70 % tal-għajnuna u l-importazzjonijiet kummerċjali tal-Jemen jidħlu minn Hodeidah u l-port Saleef li jinsab fil-viċin, jipprovdu ikel, fjuwil, u mediċina li l-popolazzjoni għandha bżonn għas-sopravivenza; billi attakk ieħor fuq Hodeidah ikollu konsegwenzi devastanti għall-persuni ċivili; billi l-partijiet fil-kunflitt għandhom l-obbligu li jippermettu u jiffaċilitaw il-passaġġ rapidu u mingħajr xkiel tal-għajnuna umanitarja, inkluż mediċini, ikel u oġġetti oħra meħtieġa għas-sopravivenza;

D.  billi l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti nnomina lill-Jemen bħala l-akbar kriżi umanitarja fid-dinja, b'aktar minn 22 miljun persuna fi bżonn ta' assistenza umanitarja jew ta' protezzjoni; billi 17-il miljun persuna m'għandhomx sigurtà tal-ikel, li minnhom aktar minn 8 miljuni jinsabu f'riskju ta' li jmutu bil-ġuħ;

E.  billi skont is-sejbiet tal-Grupp tan-NU magħmul minn Grupp ta' Esperti Eminenti Internazzjonali u Reġjonali (GEE) Indipendenti dwar il-Jemen, tal-inqas inqatlu 16 706 persuni ċivili bejn Marzu tal-2015 u Ġunju tal-2018; billi ċ-ċifra reali x'aktarx li ser tkun ferm ogħla; billi l-attakki tal-koalizzjoni mill-ajru wasslu għall-maġġoranza tal-imwiet reġistrati tal-persuni ċivili, b'żoni residenzjali, swieq u faċilitajiet mediċi milquta u dan bi ksur ċar tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra;

F.  billi l-UN GEE dwar il-Jemen ikkonkluda li individwi fil-Gvern tal-Jemen u l-koalizzjoni, inkluż mill-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda (UAE), wettqu atti li jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra, inkluż trattament krudili u tortura u l-użu ta' munizzjon bi gwida ta' preċiżjoni biex jintlaqtu persuni ċivili;

G.  billi t-trasferimenti tal-armi u l-appoġġ militari lill-partijiet fil-kunflitt qegħdin jippermettu l-imblokk flimkien mal-kampanja mill-ajru li għadha għaddejja, u qegħdin jikkontribwixxu għall-kriżi umanitarja u għall-falliment kontinwu biex tinstab soluzzjoni politika għall-kunflitt;

H.  billi Kamel Jendoubi, President ta' UN GEE dwar il-Jemen, jinsab vittma ta' kampanja ta' tħammiġ maħsuba biex tintimida lill-UN GEE u toħloq dubju dwar is-sejbiet tiegħu;

I.  billi l-ġustizzja, l-istat ta' dritt u l-ġlieda kontra l-impunità jikkostitwixxu elementi essenzjali għal paċi dejjiema u għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti;

J.  billi, f'pajjiż dipendenti fuq l-importazzjonijiet, il-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija stabbiliet imblokk navali u mill-ajru fuq territorju kkontrollat mill-ribelli Houthi li fixkel it-twassil ta' prodotti li jsalvaw il-ħajja lejn il-popolazzjoni ċivili u l-possibbiltà li l-persuni ċivili jivvjaġġaw lejn u barra mill-pajjiż;

K.  billi n-NU stabbilew mekkaniżmu ta' verifika u spezzjoni f'portijiet tal-Baħar l-Aħmar li mhumiex ikkontrollati mill-Gvern tal-Jemen; billi minkejja dan, il-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija qiegħda twettaq spezzjonijiet addizzjonali li jistgħu jdumu ġimgħat u pprojbiet id-dħul lill-bastimenti fuq bażi arbitrarja li b'hekk ipperikolat serjament l-għoti ta' għajnuna umanitarja lill-popolazzjoni ċivili; billi d-dewmien mhux raġonevoli jew il-projbizzjoni tad-dħul tal-bastimenti fil-portijiet tal-Jemen jirrappreżentaw miżura koerċittiva unilaterali fl-ambitu tad-dritt internazzjonali;

L.  billi l-Jemen u l-UAE iffirmaw l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali iżda għad iridu jirratifikawh; billi l-Arabja Sawdija la ffirmat u lanqas irratifikat l-Istatut ta' Ruma; billi diversi dispożizzjonijiet tal-Istatut ta' Ruma, inklużi dawk relatati ma' delitti tal-gwerra, jirriflettu d-dritt internazzjonali konswetudinarja;

M.  filwaqt li King Salman bin Abdulaziz tal-Arabja Sawdija ħareġ digriet irjali fl-10 ta' Lulju 2018 li b'mod ġenerali jiddikjara li s-suldati li jservu f'"Operation Restoring Hope" huma eżentati mill-pieni militari u dixxiplinari kollha; billi dan id-digriet huwa fi ksur tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-obbligu li tiġi ppromulgata leġiżlazzjoni kriminali għall-individwi kollha li jkunu wettqu ksur gravi tad-dritt umanitarju internazzjonali;

N.  billi kien hemm żieda drammatika f'operazzjonijiet ekstraterritorjali u ekstraġudizzjarji letali mill-Istati Uniti fil-Jemen, b'mod partikolari bl-użu ta' droni li allegatament wasslu għal għadd kbir ta' qtil ta' persuni ċivili; billi teżisti evidenza li ċerti Stati Membri tal-UE pprovdew appoġġ dirett jew indirett għal tali operazzjonijiet letali permezz ta' intelligence u mezzi oħra;

O.  billi l-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija kompliet tfixkel il-ħidma tal-midja internazzjonali u tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem billi timpedixxi lill-persunal tagħhom milli jaqbdu titjiriet tan-Nazzjonijiet Uniti; billi b'kont meħud tan-nuqqas ta' sigurtà tas-sitwazzjoni, din il-miżura tfixkel kopertura indipendenti u kredibbli tas-sitwazzjoni fil-Jemen u tikkontribwixxi għan-nuqqas globali fir-rigward tal-kunflitt; billi fis-17 ta' Settembru 2018 attakk mill-koalizzjoni laqat iċ-Ċentru tax-Xandir bir-Radju tal-Jemen, Al-Maraweah;

P.  billi r-ribelli Houthi attakkaw b'mod indiskriminat iż-żoni tal-popolazzjoni ċivili, speċjalment f'Taiz fejn qatlu u darbu mijiet ta' persuni ċivili, bl-użu ta' mini antipersuna pprojbiti, irreklutaw tfal u żammew lill-persuni kontra r-rieda tagħhom, kollha azzjonijiet li jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra; billi l-Qorti Kriminali Speċjalizzata f'Sana'a kkundannat għall-mewt individwi wara proċessi kriminali mhux konformi mal-istandards internazzjonali;

Q.  billi diversi rapporti jindikaw l-użu tat-tortura u l-vjolenza sesswali, inkluż l-istupru tad-detenuti adulti maskili, minn persunal tal-UAE f'diversi faċilitajiet ta' detenzjoni, inkluż fil-faċilità tal-koalizzjoni Bureiqa u l-ħabs ta' Bir Ahmed;

R.  billi l-vjolenza sesswali bbażata fuq il-ġeneru żdiedet b'rata għolja sa mill-bidu tal-kunflitt; billi l-kapaċità diġà limitata ħafna biex tiġi indirizzata l-vjolenza sesswali u bbażata fuq il-ġeneru fis-sistema tal-ġustizzja kriminali sfaxxat u ma saret ebda investigazzjoni fir-rigward ta' prattiki bħall-ħtif u l-istupru tan-nisa, jew it-theddid li dan iseħħ, bħala estorsjoni tal-flus mill-familji u l-komunitajiet tagħhom;

S.  billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ħabbtu wiċċhom ma' fastidju, theddid u kampanji ta' tħammiġ kontinwi mill-partijiet kollha tal-kunflitt; billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-attivisti nisa ffaċċjaw repressjoni speċifika abbażi tal-ġeneru tagħhom;

1.  Jappella lill-partijiet kollha, b'mod partikolari l-Arabja Sawdija u l-alleati tagħha, biex iwaqqfu minnufih l-attakki tagħhom kontra l-persuni ċivili bi ksur tad-dritt internazzjonali tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali applikabbli; jappella lill-partijiet kollha biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom biex jiffaċilitaw il-passaġġ rapidu u mingħajr xkiel għall-għajnuna umanitarja u prodotti oħra indispensabbli għall-popolazzjoni u jingħata aċċess mingħajr xkiel għall-faċilitajiet mediċi kemm fil-Jemen kif ukoll barra mill-pajjiż;

2.  Jikkundanna l-azzjonijiet meħuda mill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija, b'mod speċifiku l-attakki indiskriminat u sproporzjonati mill-ajru u l-imblokk navali li imponiet fuq il-Jemen; jisħaq fuq li azzjonijiet ta' dan it-tip ikkawżaw eluf ta' vittmi ċivili u aggravaw l-instabbiltà tal-pajjiż, li ġiet sfruttata minn organizzazzjonijiet terroristiċi u estremisti bħal ISIS/Da'esh u Al-Qaeda; jiddenunzja l-attakki vjolenti mir-ribelli Houthi, inkluż l-assedju fuq il-belt ta' Taiz;

3.  Jisħaq fuq l-importanza tal-port ta' Hodeidah bħala ċentru ta' distribuzzjoni għall-oġġetti kummerċjali u umanitarji meħtieġa u jappella lill-partijiet kollha biex jiżguraw il-funzjonament sħiħ u effettiv tal-port ta' dan il-port bħala t-tama għall-appoġġ umanitarju u l-punt ta' aċċess kummerċjali għall-provvisti essenzjali; jisħaq li attakk ieħor fuq il-port ta' Hodeidah mill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija jkollu konsegwenzi katastrofiċi fuq il-persuni ċivili u jista' jxekkel aktar it-tentattiv li jkun hemm negozjati għall-paċi;

4.  Ifakkar li ma jista' jkun hemm ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt fil-Jemen u li l-kriżi tista' tissolva biss permezz ta' proċess ta' negozjati li jinvolvi lill-partijiet kollha kkonċernati; jappoġġja l-isforz tal-Mibgħut Speċjali tan-NU Martin Griffiths biex jikseb it-tkomplija mill-ġdid tan-negozjati u jħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jinvolvu ruħhom f'dawn l-isforzi b'mod kostruttiv u mingħajr prekondizzjonijiet; iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jagħtu lill-Mibgħut Speċjali tan-NU aċċess sħiħ u mingħajr xkiel għall-partijiet kollha tat-territorju;

5.  Jappella lill-partijiet kollha biex iwaqqfu minnufih l-attakki kollha fuq il-libertà tal-espressjoni, inkluż permezz tad-detenzjoni, l-għajbien furzat u l-intimidazzjoni, u jirrilaxxaw il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kollha miżmuma talli eżerċitaw id-drittijiet tal-bniedem tagħhom; jappella lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jieqfu milli jostakolaw il-ħidma li l-midja internazzjonali u l-persunal umanitarju jwettqu marbuta mal-kunflitt;

6.  Jiddeplora l-qabdiet sinifikanti ta' armi li saru mill-Istati Membri tal-UE, fost oħrajn minn Spanja, Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit, bl-Arabja Sawdija u l-UAE flimkien, li jmur kontra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK dwar l-esportazzjoni tal-armi u t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi; jappella, għal darb'oħra, għal projbizzjoni madwar l-UE kollha fuq l-esportazzjoni, il-bejgħ, l-aġġornament u l-manutenzjoni ta' kull forma ta' tagħmir tas-sigurtà lil membri tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija u l-UAE, minħabba l-ksur serju li sar fil-Jemen fir-rigward tad-dritt internazzjonali umanitarju u tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jappella lill-VP/RGħ biex tirrapporta dwar il-qagħda attwali tal-kooperazzjoni militari u tas-sigurtà tal-Istati Membri tal-UE mal-membri tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija;

7.  Jinsab perpless b'mod partikolari dwar id-deċiżjoni reċenti tal-Gvern Spanjol li jipproċedi bil-bejgħ ta' 400 bomba preċiża lill-Arabja Sawdija wara li kien ħabba li l-bejgħ ma kienx ser isir; jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas ta' solidarjetà u kuraġġ murija mill-Istati Membri tal-UE meta tħabbret l-ewwel darba d-deċiżjoni li jitwaqqaf il-bejgħ;

8.  Jissottolinja li l-esportaturi tal-armi li jalimentaw il-kunflitt fil-Jemen jinsabu f'riskju ta' kompliċità fir-rigward tar-reati tal-gwerra u mhumiex konformi ma' diversi kriterji tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK dwar l-esportazzjoni tal-armi li hija legalment vinkolanti; jiddeplora ż-żieda drammatika fl-operazzjonijiet letali ta' kontra t-terroriżmu mill-Istati Uniti fil-Jemen; iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri biex jirriaffermaw il-pożizzjoni tal-UE skont id-dritt internazzjonali u jiżguraw li l-Istati Membri ma jwettqux, ma jiffaċilitawx jew inkella ma jipparteċipawx f'operazzjonijiet letali illegali; iħeġġeġ lill-VP/RGħ, lill-Istati Membri u lil pajjiżi terzi biex jimpenjaw ruħhom fit-twettiq ta' investigazzjonijiet, skont l-obbligi tagħhom fl-ambitu tad-dritt internazzjonali, f'allegazzjonijiet kredibbli dwar imwiet potenzjalment mhux legali u biex jadottaw il-Pożizzjoni Komuni dwar l-użu ta' droni armati;

9.  Ifaħħar il-ħidma mwettqa mill-UN GEE dwar il-Jemen u jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mal-President tiegħu, Kamel Jendoubi; jilqa' t-tiġdid tal-mandat tiegħu mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem sabiex jiġi żgurat li jsir eżami bir-reqqa tal-ksur u l-abbużi kollha tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u li dawk responsabbli għall-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem jistgħu jinżammu responsabbli; jinsab diżappuntat mill-oppożizzjoni attiva tal-gvernijiet tal-Jemen, tal-UAE u tal-Arabja Sawdija għal dan it-tiġdid;

10.  Jappella lill-pajjiżi u lill-organizzazzjonijiet li għamlu impenji waqt l-Avveniment ta' Livell Għoli tad-Donaturi tal-2018 biex jonoraw dawn l-impenji mingħajr dewmien u biex iżidu l-impenji tagħhom biex ikopru l-ħtiġijiet kollha mħabbra min-NU;

11.  Jappella lill-Kunsill biex jimplimenta bis-sħiħ ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill 2216 (2015) billi jidentifika l-individwi li jostakolaw l-għoti ta' għajnuna umanitarja u dawk li jippjanaw, jidderieġu jew iwettqu atti li jiksru d-dritt internazzjonali applikabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem jew id-dritt umanitarju internazzjonali, jew atti li jikkostitwixxu abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen u biex jimponi miżuri partikolari kontrihom; ifakkar li minkejja informazzjoni dwar vjolazzjonijiet ripetuti mill-koalizzjoni, miġbura mill-UN GEE dwar il-Jemen, ebda individwu mill-koalizzjoni ma ġie individwat għal sanzjonijiet mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet li jipprovdi informazzjoni biex jassisti l-implimentazzjoni sħiħa tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

12.  Jiddenunzja l-qerda tal-wirt kulturali tal-Jemen bl-attakk mill-ajru tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija, inkluża l-Belt Antika ta' Sana'a u l-belt storika ta' Zabid; jiddispjaċih u jfakkar fir-responsabbiltà tal-koalizzjoni għal din il-qerda u jisħaq li din ser tinżamm responsabbli wkoll għal dawn l-atti; jappella għas-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot tal-Arabja Sawdija u l-UAE f'korpi governattivi tal-UNESCO sa tmiem investigazzjoni indipendenti u imparzjali dwar ir-responsabbiltà taż-żewġ pajjiżi fil-qerda tal-wirt kulturali; jappella lis-Segretarju Ġenerali tan-NU biex jirreferi l-kwistjoni tal-ħarsien tas-siti kulturali kollha taħt theddida mill-kunflitt fil-Jemen, lill-Kunsill tas-Sigurtà, bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' riżoluzzjoni dwar is-suġġett;

13.  Jappella lill-UE tieħu inizjattiva fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem sabiex tqajjem il-kwistjoni tas-sħubija ta' stati li fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem għandhom rekords dubjużi; jappella sabiex tiġi sospiża s-sħubija tal-Arabja Sawdija u tal-UAE fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem; iħeġġeġ lill-istati li jivvotaw biex ir-rekords tad-drittijiet tal-bniedem tal-pajjiżi kandidati tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem iqisuhom bħala kruċjali meta jkunu qegħdin jiddeċiedu dwar il-vot tagħhom;

14.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex dawk li allegatament ikkommettew delitt jagħtu kont ta' għemilhom, b'mod partikolari permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ġurisdizzjoni universali u permezz tal-investigazzjoni u tal-prosekuzzjoni dawk li allegatament ikkommettew delitti atroċi fil-Jemen;

15.  Ifaħħar il-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u internazzjonali fid-dokumentazzjoni tal-evidenza ta' reati atroċi, inkluża l-qerda ta' wirt kulturali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprovdu aktar għajnuna u għajnuna kompluta lil dawn il-parteċipanti;

16.  Jappella lill-Qorti Kriminali Speċjalizzata f'Sana'a biex tieqaf milli tuża l-piena tal-mewt u biex b'mod immedjat u mhux ikkundizzjonat tirrilaxxa s-segwaċi tal-fidi Baha'i li attwalment qegħdin jinżammu talli pprattikaw ir-reliġjon tagħhom b'mod paċifiku u qegħdin jiffaċċjaw akkużi punibbli bil-mewt;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, lill-Gvern tal-Jemen, lill-Gvern tar-Renju tal-Arabja Sawdija u lill-Gvern tal-Emirati Għarab Magħquda.

 

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2017)0473.

(2)

ĠU C 35, 31.1.2018, p. 142.

(3)

ĠU C 265, 11.8.2017, p. 93.

(4)

ĠU C 66, 21.2.2018, p. 17.

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Ottubru 2018Avviż legali