Proċedura : 2018/2853(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0448/2018

Testi mressqa :

B8-0448/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0383

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 431kWORD 55k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0444/2018
1.10.2018
PE624.126v01-00
 
B8-0448/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen (2018/2853(RSP))


Ignazio Corrao, Rolandas Paksas, Fabio Massimo Castaldo

f'isem il-Grupp EFDD

<<<


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen (2018/2853(RSP))  
B8-0448/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen, b'mod partikulari dawk tat-30 ta' Novembru 2017(1), tal-15 ta' Ġunju 2017(2) u tal-25 ta' Frar 2016(3) dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem tas-17 ta' Awwissu 2018 li jinkludi s-sejbiet tal-Grupp ta' Esperti Eminenti Internazzjonali u Reġjonali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen, inkluż dwar vjolazzjonijiet u abbużi minn Settembru 2014 'il quddiem,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2402 (2018) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) li testendi r-reġim ta' sanzjonijiet kontra l-Jemen sas-26 ta' Frar 2019,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-KSNU dwar il-Jemen, b'mod partikolari r-Riżoluzzjonijiet 2342 (2017), 2266 (2016), 2216 (2015), 2201 (2015) u 2140 (2014),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-15 ta' Marzu 2018 tal-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Jemen,

–  wara li kkunsidra t-tgħarrif tal-21 ta' Settembru 2018 lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU minn Mark Lowcock, is-Sottosegretarju Ġenerali tan-NU għall-Affarijiet Umanitarji u Koordinatur tal-Għajnuna ta' Emerġenza, dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-24 ta' Awwissu 2018 tas-Sottosegretarju Ġenerali tan-NU għall-Affarijiet Umanitarji u Koordinatur tal-Għajnuna ta' Emerġenza, Mark Lowcock, dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta' Awwissu 2018 tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-13 ta' Ġunju 2018 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, u tal-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, dwar l-aħħar żviluppi madwar Hodeidah, il-Jemen,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2018 dwar il-Jemen,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni fil-Jemen laħqet punt li minnu m'hemmx ritorn peress li n-negozjati organizzati min-NU għadhom ma wasslux għal progress sinifikanti lejn soluzzjoni politika fil-Jemen, l-ebda naħa ma kisbet rebħa militari u mhuwiex probabbli li xi naħa waħda tagħmel dan fil-ġejjieni, qegħdin ifaqqgħu konfrontazzjonijiet u ġlied ġodda fil-pajjiż, b'mod speċjali fiż-żona kruċjali ta' Hodeidah, u s-sitwazzjoni umanitarja qiegħda tkompli taggrava;

B.  billi fit-tgħarrif tiegħu lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen, is-Sottosegretarju Ġenerali tan-NU għall-Affarijiet Umanitarji u Koordinatur tal-Għajnuna ta' Emerġenza wissa li l-għajnuna umanitarja u s-sokkorsi mhumiex ilaħħqu mal-karestija u mas-sitwazzjoni li qiegħda tiddeterjora, u li madwar 75 % tal-popolazzjoni, jiġifieri 22 miljun persuna, jeħtieġu xi forma ta' assistenza jew protezzjoni umanitarja; billi 3,5 miljun persuna oħra dalwaqt se jiżdiedu mat-tmien miljun persuna li diġà jsofru minn insigurtà serja tal-ikel, peress li l-kunflitt u l-effetti persistenti tal-imblokk qegħdin joħonqu l-importazzjonijiet li huma tant meħtieġa għall-pajjiż; billi 500 000 tifel u tifla fil-Jemen huma f'riskju li jmutu bil-ġuħ u billi skont l-estimi, kull għaxar minuti tifel jew tifla jmutu fil-pajjiż;

C.  billi d-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż qiegħda tkompli tikkontribwixxi għal dik li diġà hija l-akbar kriżi umanitarja fid-dinja; billi l-munita tal-Jemen tilfet nofs il-valur tagħha sa mill-2015 u reċentement qabdet it-triq għan-niżla, b'riżultat li għolew il-prezzijiet tal-affarijiet essenzjali fil-pajjiż; billi x-xejra negattiv qiegħda tissaħħaħ bil-battalja f'Hodeidah, l-akbar hub għall-importazzjonijiet fil-Jemen; billi ż-żoni kkontrollati mill-Houthi qegħdin ibatu minn nuqqas serju ta' fjuwil minħabba r-restrizzjonijiet infurzati mill-Gvern tal-Jemen u l-Arabja Sawdija, li qegħdin jaffettwaw il-ħajja taċ-ċittadini u jħallu impatt fuq il-konsenja ta' servizzi bażiċi;

D.  billi l-eskalazzjoni reċenti madwar Hodeidah rrendiet it-triq ewlenija lejn Sana'a inaċċessibbli, b'hekk kompliet tikkomplika t-tranżitu tat-traffiku umanitarju, u l-ġlied reċenti fiż-żona laqat faċilitajiet li jipprovdu l-kura tas-saħħa, l-ilma u sanità u qajjem biża' li terġa' tfaqqa' l-epidemija tal-kolera li ħalliet ħerba fil-Jemen darbtejn matul il-gwerra u li laqtet lil iktar minn miljun Jemenit u qatlet 2 300 persuna sa minn April 2017;

E.  billi, skont in-NU, kważi 470 000 persuna ħarbu mill-Governorat ta' Hodeidah mill-bidu ta' Ġunju, 75 % tal-popolazzjoni jiddependu fuq l-għajnuna umanitarja u 17,8 miljun persuna m'għandhomx sigurtà tal-ikel;

F.  billi minkejja li bdiet is-sena skolastika, 2 miljun tifel u tifla għadhom barra mill-iskola u 4 miljuni oħra huma f'riskju li jitilfu l-aċċess għall-edukazzjoni peress li madwar 67 % tal-għalliema tal-iskejjel pubbliċi ilhom kważi sentejn ma jitħallsu, 66 % tal-iskejjel iġġarrfu waqt il-kunflitt, 27 % ingħalqu u 7 % qegħdin jintużaw minn gruppi armati jew bħala xelters għal persuni spostati;

G.  billi dawn l-elementi magħquda flimkien qegħdin ipoġġu ġenerazzjoni ta' Jemeniti f'riskju peress li t-tfal qegħdin jaffaċċjaw bosta theddidiet, fosthom bombi, ġuħ, epidemiji u reklutaġġ furzat; billi 'l fuq minn 2 635 tifel ġew reklutati u impjegati mill-forzi armati u minn gruppi armati u kważi 50 % tal-bniet ġew imġiegħla jiżżewġu qabel l-età ta' 15-il sena;

H.  billi l-attakki mill-ajru mmexxija mill-koalizzjoni komplew jikkawżaw diżgrazzji ċivili u qerdu l-infrastruttura; billi l-attakki mill-ajru mmexxija mis-Sawdi fl-24 ta' Awwissu qatlu minn tal-inqas 22 tifel u tifla u erba' nisa fil-Jemen u attakk mill-ajru preċedenti, fid-9 ta' Awwissu, laqat xarabank tal-iskola, li qatel għexieren ta' persuni, inklużi tfal; billi tali episodji jqajmu dubji serji dwar il-proċeduri ta' mmirar tal-attakki mill-ajru tal-koalizzjoni kif ukoll dwar ir-rieda tal-koalizzjoni li tillimita d-diżgrazzji; billi r-rebelli Houti qegħdin ikomplu jisparaw missili ballistiċi fuq Riyadh u fuq it-territorju Sawdi;

I.  billi l-liġijiet tal-gwerra jipprojbixxu attakki intenzjonati u indiskriminati fuq persuni ċivili; billi tali attakki jitqiesu bħala delitti tal-gwerra u l-individwi li jwettquhom jistgħu jittellgħu quddiem il-ġustizzja għal dawn id-delitti; billi skont l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem minn tal-inqas 6 600 persuni ċivili inqatlu u 10 500 oħra indarbu fil-Jemen bejn Marzu 2015 u t-23 ta' Awwissu 2018;

J.  billi fir-rapport tiegħu tat-28 ta' Awwissu 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen, il-Grupp ta' Esperti Eminenti Internazzjonali u Reġjonali dwar il-Jemen jirrimarka li l-attakki mill-ajru tal-koalizzjoni kkawżaw l-aktar diżgrazzji ċivili diretti, peress li l-attakki laqtu żoni residenzjali u spazji pubbliċi, u li hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li tali attakki twettqu bi ksur tal-prinċipji ta' distinzjoni, proporzjonalità u prekawzjoni; billi, fl-istess ħin, l-allegat użu mingħajr distinzjoni mir-ribelli Houthi ta' armi b'firxa wiesgħa ta' effetti f'sitwazzjonijiet ta' gwerra urbana huwa inkwetanti ferm; billi r-rapport jissuġġerixxi li l-partijiet fil-kunflitt ma wrew l-ebda tentattiv biex jiġu minimizzati d-diżgrazzji ċivili u wettqu, u qegħdin ikomplu jwettqu, ksur u delitti fl-ambitu tad-dritt internazzjonali li jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra;

K.  billi r-rapport jidentifika wkoll għadd ta' ksur ieħor tad-drittijet tal-bniedem li għadu għaddej fil-pajjiż u li qiegħed jitwettaq miż-żewġ naħat tal-kunflitt, inkluż bosta każijiet ta' detenzjonijiet arbitrarji, trattament ħażin u tortura f'xi faċilitajiet, vjolenza sesswali, ir-reklutaġġ tat-tfal f'forzi armati u restrizzjonijiet serji għad-dritt tal-libertà tal-espressjoni;

L.  billi Kamel Jendoubi, President tal-Grupp ta' Esperti Eminenti, li ħareġ rapport lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, safa vittma ta' kampanja ta' malafama maħsuba biex tintimida lill-Grupp ta' Esperti Eminenti u tixħet dubji fuq is-sejbiet tiegħu,

M.  billi, fit-28 ta' Settembru 2018, minkejja l-pressjoni minn għadd ta' pajjiżi u r-rifjut tal-Gvern tal-Jemen li jestendi l-missjoni tal-esperti, fejn akkużahom bi preġudizzju favur il-milizzji Houthi, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bneidem ġedded il-mandat tal-Grupp ta' Esperti Eminenti fil-Jemen;

N.  billi tentattiv biex isiru taħditiet dwar il-Jemen f'Ġinevra fil-bidu ta' Settembru 2018, l-ewwel darba fi tliet snin, falla wara li ma attendietx id-delegazzjoni tal-Houthi, fejn akkużat lill-koalizzjoni mmexxija mis-Sawdi li qiegħda tfixkel l-ivvjaġġar tagħha lejn it-taħditiet ta' paċi;

O.  billi embargo internazzjonali fuq l-armi huwa fis-seħħ kontra l-gruppi armati fil-Jemen, b'mod partikolari r-ribelli Houthi; billi skont id-19-il Rapport Annwali tal-UE dwar l-Esportazzjonijiet tal-Armi, l-Istati Membri komplew jawtorizzaw trasferimenti tal-armi lejn l-Arabja Sawdija wara l-eskalazzjoni tal-kunflitt, bi ksur tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet tal-armi; billi r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tal-25 ta' Frar 2016 u tat-30 ta'Novembru 2017 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen talbu li l-VP/RGħ tvara inizjattiva li timponi embargo tal-UE fuq l-armi fil-konfront tal-Arabja Sawdija, bi qbil mal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK;

1.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-vjolenza li għaddejja fil-Jemen u jafferma mill-ġdid it-tħassib l-aktar serju tiegħu dwar l-effetti devastanti tal-kunflitt fuq il-popolazzjoni tal-Jemen u d-deterjorament allarmanti tas-sitwazzjoni umanitarja; jirrikonoxxi għal darb'oħra li din il-kriżi saret l-akbar kriżi umanitarja fid-dinja;

2.  Jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-vittmi; jilmenta dwar il-fatt li l-kunflitt mhux qiegħed jirċievi l-attenzjoni li jistħoqqlu; jistieden lill-atturi internazzjonali kollha jżommu s-sitwazzjoni fil-Jemen fuq nett fl-aġenda internazzjonali u jaħdmu flimkien biex jinstabu soluzzjonijiet;

3.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li ma jista' jkun hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt fil-Jemen u li l-unika soluzzjoni possibbli hija permezz ta' proċess ta' negozjati bejn il-partijiet; itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-isforzi tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u tal-Mibgħut Speċjali għall-Jemen bil-għan li jerġgħu jibdew in-negozjati; jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt, kif ukoll l-atturi reġjonali, jinvolvu ruħhom b'mod kostruttiv fil-proċess fi ħdan il-qafas tan-NU;

4.  Jiddeplora, f'dan il-kuntest, il-falliment tal-ewwel ċiklu ta' konsultazzjonijiet f'Ġinevra (6-9 ta' Settembru 2018) u jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt iżommu lura minn diskors aggressiv u akkużi inutli, jerġgħu jadottaw miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja u jerġgħu jinvolvu ruħhom b'bona fide fi proċess ta' paċi nnegozjat min-NU; jittama li l-Assemblea Ġenerali tan-NU tista' tipprovdi l-impetu meħtieġ biex jerġgħu jibdew in-negozjati;

5.  Jilqa' ż-żjara reċenti tal-Mibgħut Speċjali tan-NU Martin Griffiths f'Sana'a fis-16 ta' Settembru 2018, bil-għan li jerġgħu jibdew it-taħditiet tal-paċi u jħeġġeġ miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja, bħall-ftuħ mill-ġdid kollu tal-ajruport Sana'a għal titjiriet tal-passiġġieri u kummerċjali u l-ħlas mill-Gvern tal-Jemen tal-pagi lill-impjegati taċ-ċivil fiż-żoni kollha tal-pajjiż, u jappoġġa t-tentattivi tiegħu biex jerġa' jagħti l-ħajja lin-negozjati ta' paċi billi joħloq il-kundizzjonijiet għal taħditiet siewja bejn il-partijiet;

6.  Ifakkar, għal darb'oħra, li l-partijiet fil-kunflitt għandhom ir-responsabbiltà li jipproteġu n-nies ċivili u l-infrastruttura ċivili u li l-attakki kontrihom jikkostitwixxu delitti tal-gwerra; jistieden lill-partijiet kollha involuti jippermettu aċċess umanitarju sħiħ u immedjat għaż-żoni milquta mill-kunflitt hekk li l-popolazzjoni fil-bżonn tkun tista' tingħata l-assistenza; jistieden lill-Kunsill u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, fl-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 2216 (2015) tal-KSNU, jidentifikaw l-individwi li qed jostakolaw il-konsenji tal-għajnuna umanitarja fil-Jemen u jimponu fuqhom sanzjonijiet imfassla apposta għalihom;

7.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ineħħu r-restrizzjonijiet mhux proporzjonati fuq id-dħul sikur u rapidu fil-Jemen għall-provvisti umanitarji u oġġetti oħra li huma indispensabbli għall-popolazzjoni ċivili, u għall-moviment tal-persuni, inkluż permezz tal-Ajruport Internazzjonali Sana'a, f'konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali;

8.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki mill-ajru tal-koalizzjoni mmexxija mis-Sawdi fil-Jemen li kkawżaw l-aktar diżgrazzji ċivili diretti u li twettqu bi ksur tal-prinċipji ta' distinzjoni, proporzjonalità u prekawzjoni, li r-riżultati tagħhom juru n-nuqqas ta' rieda li jiġu limitati d-diżgrazzji; iħeġġeġ lill-koalizzjoni mmexxija mis-Sawdi twaqqaf minnufih l-attakki tagħha fil-Jemen u tneħħi l-imblokk kontra l-pajjiż; jikkundanna, bl-istess mod, l-użu ta' armi b'firxa wiesgħa ta' effetti mir-ribelli Houthi f'sitwazzjonijiet ta' gwerra urbana kif ukoll l-illanċjar ta' missili ballistiċi mmirati lejn l-Arabja Sawdija; jinsab konvint li dan il-ksur, kif imsemmi ukoll fir-rapport tal-Grupp ta' Esperti Eminenti, jikkostitwixxi delitti tal-gwerra;

9.  Jistieden lill-Arabja Sawdija u lis-sħab l-oħra tal-koalizzjoni jinvestigaw minnufih kwalunkwe inċident li jinvolvi l-attivitajiet tagħhom fil-Jemen, u biex jieħdu miżuri xierqa ta' responsabbiltà u jirrilaxxaw ir-riżultati pubblikament; jinsab konvint li għandhom jinbdew investigazzjonijiet indipendenti sabiex jiġi aċċertat ta' min hija r-responsabbiltà, peress li l-korp investigattiv tal-koalizzjoni li kien inkarigat minn dan, it-Tim ta' Evalwazzjoni Konġunti tal-Inċidenti, ma jissodisfax l-istandards internazzjonali dwar it-trasparenza, l-imparzjalità u l-indipendenza;

10.  Jikkundanna t-tentattivi infondati biex tiġi imminata l-kredibbiltà tal-President tal-Grupp tal-Esperti Eminenti u d-deċiżjoni tal-Gvern tal-Jemen li jieqaf jikkoopera mal-grupp; jilqa' b'sodisfazzjoni d-deċiżjoni tal-UNHRC li testendi l-mandat tal-Grupp ta' Esperti Eminenti, b'hekk il-grupp jista' jkompli jiġbor l-evidenza ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità li twettqu fil-Jemen; jemmen li l-Grupp ta' Esperti Eminenti għandu jiġi ttrasformat f'kummissjoni internazzjonali ta' inkjesta vera u proprja; jappella, fid-dawl tal-akkużi serji kontra l-Arabja Sawdija fir-rigward tar-rwol tagħha fil-Jemen, għas-sospensjoni tagħha bħala membru tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-UN;

11.  Jinsab imħasseb serjament dwar l-intensifikar tal-ġlied madwar Hodeidah, li huwa hub kruċjali għall-operazzjonijiet ta' għajnuna u huwa l-post fejn jaslu l-maġġoranza tal-importazzjonijiet tal-ikel fil-Jemen; iħeġġeġ lill-partijiet involuti fil-kunflitt jassumu l-obbligi tagħhom biex jipproteġu l-persuni ċivili u l-infrastruttura ċivili, u jħeġġiġhom iżommu l-port ta' Hodeidah u t-toroq ewlenin miftuħa għall-għajnuna umanitarja, filwaqt li jinsisti fl-istess ħin li l-ebda sit umanitarju ma għandu jiġi użat għall-fini militari;

12.  Jemmen li huwa importanti li jinstabu soluzzjonijiet prattiċi, bħall-ftuħ ta' pontijiet tal-imbark għall-popolazzjonijiet ċivili, kif issuġġerit min-NU, bil-għan li eventwalment jerġa' jinfetaħ l-ajruport ta' Sana'a; huwa konvint li tali miżuri ma għandhomx jitqiesu bħala li huma motivati politikament iżda bħala mezz biex tittaffa t-tbatija tal-popolazzjoni ċivili;

13.  Jagħti ġieħ lill-ħaddiema umanitarji, lill-aġenziji u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha involuti fl-isforzi ta' sokkors u jirrikonoxxi l-ħidma tal-organizzazzjonijiet dedikati għad-difiża u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġabra ta' evidenza ta' ksur mill-partijiet involuti fil-kunflitt, f'kundizzjonijiet diffiċli ferm;

14.  Jistieden lill-Kunsill jippromwovi b'mod effikaċi l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, kif previst fil-linji gwida rilevanti tal-UE; itenni, b'mod partikolari, il-ħtieġa li l-Istati Membri kollha tal-UE japplikaw strettament ir-regoli stabbiliti fil-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen tal-25 ta' Frar 2016 u tat-30 ta' Novembru 2017, li stiednu lill-VP/RGħ tniedi inizjattiva bil-għan li l-UE timponi embargo fuq l-armi fil-konfront tal-Arabja Sawdija, fid-dawl tal-allegazzjonijiet serji ta' vjolazzjonijiet tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-Arabja Sawdija fil-Jemen u tal-fatt li, jekk ikomplu jinħarġu l-liċenzji għall-bejgħ tal-armi lill-Arabja Sawdija, dan ikun għalhekk qed jikser il-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni. lill-VP/RGħ u lill-Kunsill jaġixxu fil-fora internazzjonali u bilaterali, billi jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiffaċilitaw il-kontinwazzjoni tan-negozjati bejn il-partijiet;

16.  Jenfasizza l-importanza tar-rwol tal-UE sa mill-bidu tal-kunflitt attwali f'Marzu 2015; ifakkar li l-UE allokat EUR 233,7 miljun f'għajnuna umanitarja permezz tal-organizzazzjonijiet sħab tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex iżidu l-assistenza umanitarja tagħhom lill-popolazzjoni tal-Jemen;

17.  Jirriserva d-dritt li jerġa' jikkunsidra l-kwistjoni sakemm tintlaħaq soluzzjoni nnegozjata; jirrakkomanda li s-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem jissorvelja l-iżviluppi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen u jipproduċi rapport dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-drittijiet ċivili li twettqu fil-Jemen;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab u lill-Gvern tal-Jemen.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2017)0473.

(2)

ĠU C 331, 18.9.2018, p. 146.

(3)

ĠU C 35, 31.1.2018, p. 142.

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Ottubru 2018Avviż legali