Proċedura : 2018/2853(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0450/2018

Testi mressqa :

B8-0450/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0383

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 448kWORD 56k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0444/2018
1.10.2018
PE624.128v01-00
 
B8-0450/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen (2018/2853(RSP))


Ángela Vallina, João Pimenta Lopes, Eleonora Forenza, Nikolaos Chountis, Merja Kyllönen, Paloma López Bermejo, Marie-Christine Vergiat, Marie-Pierre Vieu, Patrick Le Hyaric, Martina Anderson, Lynn Boylan, Matt Carthy, Liadh Ní Riada, Younous Omarjee, Dimitrios Papadimoulis, Kostadinka Kuneva, Stelios Kouloglou, Neoklis Sylikiotis, Takis Hadjigeorgiou, Miguel Urbán Crespo, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga, Estefanía Torres Martínez, Lola Sánchez Caldentey, Malin Björk, Kateřina Konečná, Maria Lidia Senra Rodríguez f'isem il-Grupp GUE/NGL

European Parliament resolution on the situation in Yemen (2018/2853(RSP))  
B8-0450/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Jemen tas-6 ta' Settembru 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-President tal-Grupp ta' Esperti Eminenti Internazzjonali u Reġjonali dwar il-Jemen, Kamel Jendoubi, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti tat-28 ta' Awwissu 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2018 dwar il-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, u tal-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, tal-4 ta' Awwissu 2018 dwar l-attakki mill-ajru f'Hodeidah,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv tal-Programm Dinji tal-Ikel tad-19 ta' Settembru 2018,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen, b'mod partikolari dawk tad-9 ta' Lulju 2015(1), tal-25 ta' Frar 2016(2), tal-15 ta' Ġunju 2017(3) u tat-30 ta' Novembru 2017(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar l-użu ta' drones armati(5),

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-prinċipji tad-dritt umanitarju internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-konfront li ilu jeżisti s-snin bejn ir-ribelli Houthi u l-Gvern Jemenit daħal fir-raba' sena tiegħu, u tefa' lill-pajjiż fi kriżi umanitarja u li jirriskja li jgħaddsu fi gwerra li ma tispiċċa qatt;

B.  billi minn Marzu 2017 l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti jqis lill-kriżi umanitarja fil-Jemen bħala l-aktar waħda gravi tad-dinja; billi, minn popolazzjoni ta' 29,3 miljun ruħ, 22,2 miljun għandhom bżonn assistenza umanitarja, li minnhom 11,3-il miljun jinsabu f'qagħda ta' bżonn estrem f'kull ambitu, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-assistenza tas-saħħa, l-ikel, is-sanità u l-ilma, l-alloġġ u l-protezzjoni;

C.  billi fil-perjodu bejn Marzu 2015 u Ġunju 2018 il-Grupp ta' Esperti Eminenti dwar il-Jemen irrapporta li almenu 16 706 ċivili sfaw vittmi tal-kunflitt, li minnhom 6 475 tilfu ħajjithom u 10 231 indarbu; billi ċ-ċifra reali x'aktarx hija ferm ogħla, u skont l-istimi tan-Nazzjonijiet Uniti taf taqbeż il-55 000 vittma;

D.  billi l-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija – appoġġata mill-Istati Uniti, mir-Renju Unit u minn Franza u magħmula mill-Emirati Għarab Magħquda, mill-Bahrain, mill-Kuwajt, mis-Senegal, mill-Ġordan, mill-Eġittu, mill-Marokk u mis-Sudan – kienet il-kawża prinċipali ta' mewt ta' ċivili Jemeniti mill-bidu tal-kampanja ta' attakki mill-ajru tas-26 ta Marzu 2015, immirata biex terġa' tqiegħed lill-President Abdrabbuh Mansour Hadi fil-poter; billi din il-koalizzjoni kkommettiet ksur gravi tad-dritt umanitarju internazzjonali li jikkostitwixxi delitti tal-gwerra, fosthom attakki kontra żoni residenzjali, swieq, sptarijiet u skejjel, li kkawżaw bosta eluf ta' mwiet ta' ċivili, il-biċċa l-kbira tagħhom nisa u tfal;

E.  billi fit-13 ta' Ġunju 2018 l-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda varaw l-operazzjoni "Rebħa tad-Deheb" biex jieħdu taħt idejhom il-kontroll tal-port Jemenit ta' Hodeidah, fil-Baħar l-Aħmar, li ilu okkupat mill-forzi Houthi mill-2014; billi Hodeidah hija l-port l-aktar importanti tal-Jemen, li minnu jgħaddi s-70 % tal-għajnuna alimentari u umanitarja essenzjali għall-pajjiż; billi, skont in-Nazzjonijiet Uniti, kważi 470 000 ruħ ħarbu mil-Gvernaturat ta' Hodeidah mill-bidu ta' Ġunju;

F.  billi fid-9 ta' Awwissu 2018 attakk mill-ajru li għamlet il-koalizzjoni mmexxija mis-Sawdin laqat xarabank tal-iskola f'suq fil-provinċja tat-Tramuntana ta' Saada, u qatel bosta għexieren ta' nies fosthom mill-anqas 40 tifel u tifla, il-biċċa l-kbira minnhom taħt l-età ta' 10 snin; billi ġimagħtejn wara, fl-24 ta' Awwissu 2018, il-koalizzjoni mmexxija mis-Sawdin għamlet attakk ġdid li fih tilfu ħajjithom 27 ċivili, il-biċċa l-kbira tagħhom tfal, li kienu qegħdin jaħarbu mill-vjolenzi fil-belt assedjata ta' Hodeidah, fin-Nofsinhar tal-pajjiż;

G.  billi l-koalizzjoni imponiet restrizzjonijiet navali u tal-ajru ħorox fil-Jemen, f'livelli differenti, minn Marzu 2015; billi qabel il-kunflitt, il-Jemen kien jimporta kważi 90 % tal-ikel, tal-provvisti mediċi u tal-fjuwil; billi dawn l-imblokki de facto kellhom effetti mifruxa u devastanti fuq il-popolazzjoni ċivili; billi, minkejja r-riperkussjonijiet gravi fuq iċ-ċivili, x'aktarx li dawn ir-restrizzjonijiet mhumiex se jippermettu li jinkisbu l-objettivi militari dikjarati minħabba l-assenza ta' lista ċara u pubblika ta' merkanzija projbita; billi fit-tliet snin minn mindu daħlu fis-seħħ ir-restrizzjonijiet navali, l-ebda perkwiżizzjoni la mill-Mekkaniżmu ta' Verifika u Spezzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u lanqas mill-forzi tal-koalizzjoni ma skopriet armi;

H.  billi l-persuni spostati internament huma aktar minn 2 miljuni; billi l-Jemen attwalment jinsab fiċ-ċentru tal-akbar kriżi tas-sigurtà alimentari fid-dinja; billi aktar minn 17,8-il miljun ruħ jinsabu f'kundizzjonijiet ta' insigurtà alimentari u 8,4 miljuni huma f'xifer karestija; billi l-faċilitajiet tal-assistenza tas-saħħa mhumiex qegħdin jaħdmu, l-ilma nadif sar inqas aċċessibbli u fil-Jemen bħalissa għaddejja l-akbar epidemija ta' kolera fl-istorja reċenti;

I.  billi l-Mibgħut Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Jemen żar San'a fis-16 ta' Settembru 2018 bil-għan li jissuktaw it-taħditiet ta' paċi u l-miżuri ta' tisħiħ tal-fiduċja, fosthom il-ftuħ komplut mill-ġdid tal-ajruport ta' San'a għat-titjiriet tal-passiġġieri u tal-merkanzija u l-pagament, min-naħa tal-gvern, tas-salarji tal-impjegati pubbliċi fir-reġjuni kollha tal-Jemen; billi n-negozjati mwettqa taħt l-awspiċji tan-NU s'issa ma kellhomx suċċess u soluzzjoni politika tal-kunflitt għadha 'l bogħod li tintlaħaq;

J.  billi ġew irrapportati każijiet mifruxa ta' ksur min-naħa tar-ribelli Houthi, inkluż l-użu ta' mini tal-art; billi kien hemm ukoll każijiet ta' eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji mill-forzi progovernattivi u mill-partiti alleati u l-gruppi armati; billi l-partijiet fil-kunflitt fil-Jemen huma responsabbli għall-bumbardament indiskriminat tal-popolazzjoni ċivili u tal-faċilitajiet ta' tali popolazzjoni, għaċ-ċaħda tal-aċċess għall-azzjoni umanitarja, għad-detenzjoni arbitrarja, għall-għajbien furzat u għat-tortura;

K.  billi l-Grupp ta' Esperti Eminenti dwar il-Jemen irċieva informazzjoni sostanzjali li tindika li l-gvern, il-forzi appoġġati mill-koalizzjoni u l-forzi Houthi-Saleh irreklutaw jew ingaġġaw tfal fil-forzi armati jew fi gruppi armati u użawhom attivament biex jieħdu sehem fl-ostilitajiet; billi minn tal-inqas 1,8 miljun tifel u tifla kellhom jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien, flimkien mal-1,6 miljun li kienu telqu mill-iskola qabel ma beda l-kunflitt;

L.  billi n-nisa fil-Jemen tradizzjonalment huma vulnerabbli ħafna għal abbużi bħaż-żwieġ prekoċi u l-vjolenza, peress li fil-pajjiż m'hemm l-ebda età minima għall-kunsens legali; billi n-nisa għandhom inqas aċċess mill-irġiel għall-kura medika, is-sjieda ta' proprjetà, l-edukazzjoni u t-taħriġ; billi s-sitwazzjoni tagħhom marret għall-agħar minħabba l-kunflitt u huwa stmat li 2,6 miljun mara u tifla jinsabu f'riskju ta' vjolenza sessista; billi n-numru ta' żwiġijiet prekoċi żdied b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar sentejn; billi madwar 30 % tal-unitajiet domestiċi spostati huma mmexxija minn nisa; billi l-mediċini għal ħafna mard kroniku m'għadhomx disponibbli, u billi l-Jemen għandu waħda mill-ogħla rati ta' mortalità fost l-ommijiet; billi nisa tqal u li qed ireddgħu fi stat ta' malnutrizzjoni huma aktar suxxettibbli li jimirdu bil-kolera u jinsabu f'riskju akbar ta' emorraġija, u dan iżid konsiderevolment ir-riskju ta' kumplikazzjonijiet u ta' mewt waqt li jkunu qed iwelldu;

M.  billi madwar 280 000 rifuġjat, l-aktar mis-Somalja, jinsabu fil-Jemen, l-uniku pajjiż fil-Peniżola Għarbija li huwa firmatarju tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-istatus tar-rifuġjati u l-Protokoll tagħha; billi dawn ir-rifuġjati għandhom bżonn protezzjoni anki minħabba l-fatt li l-kunflitt qiegħed jiħrax; billi huwa rrappurtat li madwar 30 600 Somalu diġà rritornaw lejn is-Somalja, u billi l-UNHCR stabbilixxa uffiċċji ta' għajnuna għar-ritorn;

N.  billi l-kunflitt u l-vojt ta' sigurtà li jirriżulta wasslu għall-espansjoni perikoluża ta' gruppi estremisti fil-pajjiż; billi Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija kkonsolidat il-preżenza tagħha filwaqt li Da'esh kompla l-kampanja tiegħu ta' attakki u qtil;

O.  billi l-Jemen hu wieħed mill-ifqar pajjiżi tad-dinja; billi, qabel ma faqqgħet il-gwerra, nofs il-popolazzjoni Jemenita diġà kienet tgħix taħt is-soll tal-faqar, żewġ terzi taż-żgħażagħ kienu qiegħda u s-servizzi soċjali bażiċi kienu f'xifer kollass;

P.  billi l-kunflitt ġie deskritt bħala wieħed bejn ix-Xiiti u s-Sunniti f'tentattiv li jiġu okkultati r-raġunijiet ġeopolitiċi reali wara l-kunflitt; billi l-Arabja Sawdija qed takkuża lir-ribelli Houthi li huma appoġġati mill-Iran u tqishom bħala theddida għas-sigurtà Sawdija; billi l-kumplessità tal-kunflitt fil-Jemen għandha ċerti aspetti ta' gwerra bi prokura; billi l-kunflitt rawwem l-espansjoni ta' gruppi affiljati ma' Da'esh fil-pajjiż;

Q.  billi l-UE u n-NU imponew embargo fuq l-armi fil-konfront tal-Jemen u l-UE imponiet sanzjonijiet immirati kontra l-mexxejja Houthi; billi matul din l-aħħar sena xi pajjiżi Ewropej, fosthom il-Belġju, il-Ġermanja, in-Norveġja u l-Greċja, irrispondew għall-pressjonijiet tal-opinjoni pubblika b'hekk issospendew totalment jew parzjalment it-trasferimenti ta' armi lejn l-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda, iżda bosta Stati Membri, partikolarment ir-Renju Unit, Franza u Spanja, żdiedu t-trasferimenti ta' armi tagħhom bi ksur tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi u tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008;

R.  billi l-Istati Uniti fil-Jemen għandhom il-bażi tal-ajru militari ta' al-Annad, viċin il-belt tan-Nofsinhar ta' al-Houta; billi n-numru ta' operazzjonijiet letali u ta' eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji mwettqa fil-pajjiż mill-Istati Uniti bl-użu ta' droni, mill-2002 'l hawn, żdied konsiderevolment wara li assumiet il-mandat l-amministrazzjoni Trump; billi hemm evidenza li Stati Membri bħar-Renju Unit, l-Italja u l-Ġermanja qed jagħtu appoġġ kemm dirett kif ukoll indirett għal tali operazzjonijiet letali billi jipprovdu informazzjoni ta' intelligence u appoġġ operattiv ieħor;

S.  billi l-pożizzjoni ġeografika tal-Jemen fil-bokka tal-Baħar l-Aħmar, li jagħti għall-Kanal ta' Suez u li jiżbokka fil-Golf ta' Aden, hija waħda ta' importanza strateġika marbuta ma' rotot marittimi u riżorsi ta' enerġija sinifikanti,

1.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-vjolenza li għaddejja fil-Jemen u l-attakki kollha kontra ċivili u infrastruttura ċivili; jesprimi tħassib kbir għall-fatt li l-kunflitt fil-Jemen qiegħed jiħrax, li wassal għall-kriżi umanitarja attwali, kif ukoll għall-fatt li s-sitwazzjoni qiegħda saħansitra taggrava aktar bit-tkomplija tal-imblokk de facto min-naħa tal-Arabja Sawdija u l-battalja għall-port ta' Hodeidah;

2.  Jikkundanna l-użu tal-vjolenza kontra l-popolazzjoni ċivili minn kwalunkwe parti fil-kunflitt jew minn terroristi jew gruppi armati oħrajn, peress li tali atti tefgħu lill-pajjiż fi kriżi umanitarja severa u kkaġunaw sitwazzjoni fejn eluf ta' persuni mill-popolazzjoni ċivili sfaw midruba u maqtula u aktar minn żewġ miljun persuna sfaw spostati; jesprimi l-akbar solidarjetà fil-konfront tal-familji tal-vittmi u jagħtihom il-kondoljanzi;

3.  Jikkundanna l-attakki militari u l-attakki mill-ajru indiskriminati kontra ċ-ċivili mill-koalizzjoni mmexxija mis-Sawdin fil-Jemen, u l-imblokk de facto li għadu l-kawża prinċipali ta' mwiet fost iċ-ċivili; jikkundanna, barra minn hekk, l-imblokk li reġgħet imponiet l-Arabja Sawdija fil-konfront tal-Jemen u jħeġġeġ li jitneħħa kompletament; jistieden lill-Arabja Sawdija u lill-koalizzjoni tagħha jiżguraw li l-portijiet u r-rotot mill-art kollha jibqgħu miftuħin, biex dan jippermetti li tgħaddi l-għajnuna umanitarja urġenti għall-popolazzjoni Jemenita fil-pajjiż;

4.  Iwissi bil-konsegwenzi tal-offensiva militari mġedda fuq il-port ta' Hodeidah, li għandu jibqa' miftuħ; jesprimi tħassib fir-rigward tal-fatt li diżordni ulterjuri jkun jiffavorixxi l-ġuħ u l-ispostament ta' għadd kbir ta' ċivili, fosthom tfal;

5.  Jiddeplora l-ipokrisija tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Uniti u jeżiġi paċi u ġustizzja, u li jintemm id-delitt gravi li qiegħed jiġi kommess kontra l-poplu Jemenit; jinsab konvint li l-kunflitt fil-Jemen jista' jintemm biss b'soluzzjoni politika;

6.  Ifakkar lill-partijiet kollha, speċjalment lill-Arabja Sawdija u l-koalizzjoni tagħha, fir-responsabbiltà tagħhom li jiżguraw il-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u mad-dritt fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, u li dan ifisser li għandhom iħarsu l-popolazzjoni ċivili, iżommu lura milli jimmiraw lejn l-infrastruttura ċivili u jagħtu lill-organizzazzjonijiet umanitarji aċċess mingħajr perikli u mingħajr xkiel għall-pajjiż;

7.  Jiddeplora l-falliment tal-ewwel ċiklu ta' konsultazzjonijiet f'Ġinevra, mis-6 sad-9 ta' Settembru 2018; jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-isforzi tan-NU u tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għall-Jemen; jitlob bil-qawwa, għalhekk, lill-partijiet involuti fis-sitwazzjoni fil-Jemen jissuktaw it-taħditiet ta' paċi u l-miżuri ta' tisħiħ tal-fiduċja, kif ukoll jilħqu qbil b'urġenza dwar il-waqfien tal-ostilitajiet, li r-rispett tiegħu għandu jkun ikkontrollat min-Nazzjonijiet Uniti, bħala l-ewwel pass lejn negozjati politiċi inklużivi bi tmexxija Jemenita, bil-għan li terġa' ssaltan il-paċi fil-pajjiż;

8.  Jieħu nota b'sodisfazzjon tat-tiġdid tal-mandat tal-Grupp ta' Esperti Eminenti dwar il-Jemen u jistieden lill-Istati Membri kollha jagħtu sostenn koerenti, rapidu u effikaċi lil dan il-mekkaniżmu fl-organi kompetenti kollha tan-Nazzjonijiet Uniti, u b'mod partikolari fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem;

9.  Jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jimpedixxu u jirrispondu għall-forom kollha ta' vjolenza kontra l-popolazzjoni ċivili, inklużi l-vjolenza sesswali u dik sessista; jikkundanna bil-qawwa l-ksur tad-drittijiet tat-tfal; jesprimi tħassib serju fir-rigward ta' rapporti dwar l-użu ta' suldati tfal mill-forzi Houthi u mill-forzi progovernattivi, u tal-aċċess limitat tat-tfal għall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni bażika; jappella sabiex dawk responsabbli għal ksur jew abbużi tad-dritt dwar id-drittijiet tal-bniedem, jew għal ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, jagħtu kont ta' għemilhom;

10.  Jistieden lill-partijiet kollha fil-kunflitt itemmu r-reklutaġġ jew l-użu ta' tfal bħala suldati u ksur gravi ieħor kommess kontrihom bi ksur tad-dritt internazzjonali u l-istandards applikabbli; jistieden lill-partijiet kollha biex jeħilsu lit-tfal li diġà ġew reklutati u jikkooperaw man-NU għar-riabilitazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fil-komunitajiet tagħhom;

11.  Jikkundanna bil-qawwa l-kummerċ intensiv fl-armi min-naħa ta' xi Stati Membri tal-UE ma' diversi pajjiżi fir-reġjun, bħal fil-każ tar-Renju Unit, Spanja, Franza, il-Ġermanja u l-Iżvezja; jappella għas-sospensjoni immedjata tat-trasferimenti tal-armi u l-appoġġ militari lejn l-Arabja Sawdija u s-sħab tal-koalizzjoni tagħha; itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill biex jimponi embargo fuq l-armi tal-UE fil-konfront tal-Arabja Sawdija, minħabba l-allegazzjonijiet serji ta' ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-Arabja Sawdija fil-Jemen, li jkun ifisser li l-ħruġ kontinwu ta' liċenzji għall-bejgħ ta' armi lill-Arabja Sawdija jikser il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK;

12.  Jistieden lill-komunità internazzjonali, u b'mod partikolari lil Stati Membri bħar-Renju Unit, Franza, Spanja, il-Ġermanja u l-Iżvezja, itemmu t-trasferimenti tal-armi lejn il-partijiet kollha fil-kunflitt fil-pajjiż u, għaldaqstant, jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimpedixxu l-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment min-naħa tagħhom tal-armi – b'mod dirett jew indirett – lil, jew għall-benefiċċju ta', individwi u entitajiet iddeżinjati u dawk li jaġixxu f'isimhom jew taħt it-tmexxija tagħhom fil-Jemen, konformement mal-embargo tan-NU fuq l-armi fil-konfront tal-Jemen, kif stabbilit fil-paragrafu 14 tar-riżoluzzjoni 2216(2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

13.  Jesprimi tħassib għall-fatt li Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija u Da'esh jistgħu jibbenefikaw mid-deterjorament tas-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà fil-Jemen; ifakkar li l-atti kollha ta' terroriżmu huma kriminali u inġustifikabbli, tkun xi tkun il-motivazzjoni tagħhom u indipendentement minn meta u fejn jiġu kommessi, u minn min jikkommettihom;

14.  Jinsab konvint li l-intervent min-naħa tal-Arabja Sawdija huwa intiż biex isaħħaħ il-kontroll tagħha fir-reġjun u li miegħu dan ser iġib biss aktar tbatija għall-poplu Jemenit u firdiet aktar profondi bejn il-popli fil-Lvant Nofsani;

15.  Jinsab konvint li kwalunkwe soluzzjoni fit-tul għandha tindirizza l-kawżi sottostanti tal-faqar u l-instabbiltà fil-pajjiż, kif ukoll tissodisfa t-talbiet u l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Jemenit; jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għal kwalunkwe sforz politiku paċifiku għall-ħarsien tas-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Jemen;

16.  Jiddispjaċih ħafna bil-fatt li f'dawn l-aħħar erba' snin il-komunità internazzjonali naqset milli tagħti attenzjoni lill-katastrofi umanitarja fil-Jemen; jiddenunzja s-silenzju tal-mezzi tal-komunikazzjoni dwar id-diversi delitti tal-gwerra kommessi fil-Jemen, li juri sforz ċar biex jinħbew il-konsegwenzi traġiċi ta' gwerra appoġġata mill-Istati Uniti, Franza u r-Renju Unit;

17.  Jopponi kwalunkwe intervent militari barrani fil-pajjiż, kemm jekk mill-Arabja Sawdija jew mill-Iran, kemm jekk mill-pajjiżi Għarab jew minn dawk tal-Punent; huwa inkwetat ħafna bil-fatt li t-tensjonijiet fir-reġjun qegħdin jiħraxu; jissottolinja li l-gwerra fil-Jemen mhijiex sempliċement kunflitt bejn ix-Xiiti u s-Sunniti; jiddenunzja l-istrumentalizzazzjoni tad-differenzi reliġjużi biex ikunu istigati kriżijiet politiċi u gwerer settarji;

18.  Jikkundanna l-konnivenza u l-kompliċità tal-UE mad-dittaturi fir-reġjun; huwa kritiku ferm fil-konfront tar-rwol tad-diversi interventi tal-Punent ta' dawn l-aħħar snin fil-ħruxija tal-kunflitti fiż-żona; jiddikjara li ma jista' jkun hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-kunflitti f'dan ir-reġjun; jopponi l-użu tal-kunċett ta' "responsabbiltà ta' protezzjoni", li jintuża wkoll bħala pretest minn partijiet differenti fil-kunflitt fil-Jemen, peress li tali kunċett jikser id-dritt internazzjonali u ma joffrix bażi ġuridika adegwata biex l-użu unilaterali tal-forza jkun iġġustifikat;

19.  Jikkundanna l-użu aktar frekwenti tad-droni fl-operazzjonijiet extraterritorjali mwettqa mill-Istati Uniti taħt l-amministrazzjoni Obama, u ż-żieda drammatika tagħhom taħt l-amministrazzjoni Trump; jopponi bil-qawwa l-użu ta' droni għal qtil extraġudizzjarju u extraterritorjali; jitlob l-impożizzjoni ta' projbizzjoni fuq l-użu tad-droni għal dan l-iskop skont ir-riżoluzzjoni diġà msemmija tas-27 ta' Frar 2014 dwar l-użu ta' drones armati, li, fil-paragrafu 2(a) u (b), tistieden lill-VP/RGħ, lill-Istati Membri u lill-Kunsill "jopponu u jipprojbixxu l-prassi ta' qtil immirat extraġudizzjarju", kif ukoll "jiżguraw li l-Istati Membri, f'konformità mal-obbligi legali tagħhom, ma jwettqux qtil immirat illegali jew jiffaċilitaw qtil bħal dan min-naħa ta' stati oħra";

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tal-Jemen, lill-Membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Grupp tan-Nazzjonijiet Uniti ta' Esperti Eminenti Internazzjonali u Reġjonali Indipendenti dwar il-Jemen.

 

 

(1)

ĠU C 265, 11.8.2017, p. 93.

(2)

ĠU C 35, 31.1.2018, p. 142.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2017)0273.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2017)0473.

(5)

ĠU C 285, 29.8.2017, p. 110.

Aġġornata l-aħħar: 3 ta' Ottubru 2018Avviż legali