Proċedura : 2018/2869(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0481/2018

Testi mressqa :

B8-0481/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.12
CRE 25/10/2018 - 13.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0428

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 501kWORD 50k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0481/2018
17.10.2018
PE624.172v01-00
 
B8-0481/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar iż-żieda fil-vjolenza neo-Faxxista fl-Ewropa (2018/2869(RSP))


Róża Gräfin von Thun und Hohenstein f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar iż-żieda fil-vjolenza neo-Faxxista fl-Ewropa (2018/2869(RSP))  
B8‑0481/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 14 tal-Protokoll Nru 12 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità(1) (id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(2),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra l-fatt li f'Ġunju 2016 ġie stabbilit Grupp ta' Livell Għoli tal-UE biex jiġu miġġielda r-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-30 ta' Settembru 2014 dwar il-ġlieda kontra l-manifestazzjonijiet tan-neo-Naziżmu u tal-estremiżmu tal-lemin,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Prattika tal-UE dwar id-Diżinformazzjoni,

–  wara li kkunsidra il-Kodiċi ta' Kondotta għall-Ġlieda kontra d-Diskors ta' Mibegħda Illegali Online,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, kif minqux fl-Artikolu 2 tat-TUE, l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi; billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri kollha;

B.  billi n-nuqqas ta' azzjoni serja fil-konfront tal-movimenti faxxisti u tal-estremiżmu tal-lemin ta lok għaż-żieda f'daqqa attwali tal-ksenofobija fl-Ewropa;

C.  billi l-gruppi u l-partiti politiċi apertament neo-Faxxisti, neo-Nazisti, razzisti u ksenofobiċi qegħdin jinċitaw il-mibegħda u l-vjolenza fis-soċjetà kontra l-"allegati għedewwa";

D.  billi l-Kummissarju responsabbli għas-sigurtà, Sir Julian King, waqt li kien qed jitkellem f'avveniment li sar fit-22 ta' Marzu 2017, b'tifkira attakki ta' Brussell tal-2016, enfasizza t-theddida li qed tikber tal-estremiżmu vjolenti tal-lemin, filwaqt li ddikjara illi ma kienx jaf bi Stat Membru wieħed tal-UE li b'xi mod jew ieħor mhux affettwat bil-fenomenu(6);

E.  billi l-organizzazzjonijiet neo-Faxxisti u neo-Nazisti jimmanifestaw ruħhom f'varjetà ta' forom, kif deskritt fil-r-rapport tal-Europol dwar tas-sitwazzjoni u t-tendenzi tat-terroriżmu (TE-SAT) tal-2018; billi l-biċċa l-kbira tal-organizzazzjonijiet neo-Faxxisti u neo-Nazisti jeskludu ċerti individwi jew gruppi; billi dawn l-organizzazzjonijiet ta' spiss jużaw lingwaġġ aggressiv lejn gruppi ta' minoranza u jipprovaw jiġġustifikaw dan billi jinvokaw il-prinċipju tal-libertà tal-espressjoni;

F.  billi t-tixrid ta' diskors ta' mibegħda onlajn spiss iwassal għal żieda fil-vjolenza, inkluż minn gruppi neo-Faxxisti;

G.  billi l-Artikolu 30 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem jgħid b'mod ċar li xejn f'din id-dikjarazzjoni "ma jista' jkun mifhum li jagħti lil xi Stat, għaqda jew persuna l-jedd li jagħmel xi ħidma jew li jwettaq xi għemil bil-għan li jeqred xi jeddijiet jew libertajiet li huma mxandra" fiha;

H.  billi l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali jafferma li l-Istati Partijiet tiegħu jikkundannaw il-propaganda kollha u l-organizzazzjonijiet kollha li jissejsu fuq ideat jew teoriji ta' superjorità ta' razza waħda jew grupp wieħed ta' persuni ta' kulur wieħed jew oriġini etnika waħda;

I.  billi l-promozzjoni tal-Faxxiżmu hija pprojbita f'bosta Stati Membri skont il-liġijiet nazzjonali tagħhom;

J.  billi fit-TE-SAT 2018, l-Europol irrapporta li l-għadd ta' individwi arrestati minħabba reati ta' estremiżmu tal-lemin fl-2017 kważi rdoppja; billi dan jinnnota wkoll li l-imġiba razzista, l-awtoritarjaniżmu, il-ksenofobija u l-ostilità lejn l-immigrazzjoni huma attitudnijiet li ta' spiss ikollhom l-estremisti tal-lemin;

K.  billi skont rapport riċenti tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali dwar ir-reġistrazzjoni ta' reati ta' mibegħda u l-prattika tal-ġbir tad-data b'rabta ma' dan madwar l-UE, il-ġbir ta' data dettaljata u diżaggregata dwar ir-reati ta' mibegħda — bħala minimu, skont il-motivazzjoni ta' preġudizzju u skont it-tip ta' reat — huwa neċessarju għall-monitoraġġ tal-effikaċja tar-reazzjoni tal-pulizija għall-fenomenu, u biex jitħejjew politiki effettivi u mmirati;

L.  billi l-politiki wkoll qed ikunu dejjem aktar fil-mira ta' gruppi estremisti tal-lemin, li jqisuhom tradituri, jew naïve u passivi(7);

M.  billi l-persuni li jikkommettu vjolenza marbuta mal-futbol jagħmlu parti mix-xena tal-estremisti tal-lemin f'ħafna Stati Membri, iżda huma differenti f'termini ta' livell ideoloġiku u rabtiet ma' organizzazzjonijiet oħra(8);

1.  Jikkundanna u jiddeplora bil-qawwa l-attakki terroristiċi, l-omiċidji, l-attakki fiżiċi vjolenti u l-parati ta' organizzazzjonijiet neo-Faxxisti u neo-Nazisti li seħħew f'bosta Stati Membri;

2.  Jinsab ferm imħasseb bin-normalizzazzjoni dejjem akbar tal-Faxxiżmu, tar-razziżmu, tal-ksenofobija u ta' forom oħra ta' intolleranza fi ħdan l-Unjoni Ewropea, u huwa inkwetat bir-rapporti ta' kollużjoni, f'ċerti Stati Membri, bejn il-mexxejja politiċi, il-partiti politiċi u l-korpi tal-infurzar tal-liġi man-neo-Faxxisti u n-neo-Nazisti;

3.  Jinsab inkwetat dwar il-vjolenza neo-Faxxista mmirata lejn minoranzi partikolari, bħalma huma l-Ewropej Suwed/il-persuni ta' nisel Afrikan, il-Lhud, il-Musulmani, ir-Rom, iċ-ċittadin ta' pajjiżi terzi, il-persuni LGBTI u l-persuni b'diżabbiltà;

4.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki vjolenti kollha minn gruppi neo-Faxxisti kontra l-politiki u l-membri tal-partiti politiċi, kif irrappurtat f'ċerti Stati Membri;

5.  Jinsab profondament imħasseb dwar l-impunità li biha l-gruppi neo-Faxxisti u neo-Nazisti qed joperaw f'ċerti Stati Membri, u jenfasizza li dan is-sens ta' impunità, flimkien mar-reazzjonijiet inadegwati min-naħa tal-Istat għall-azzjonijiet vjolenti ta' dawn il-gruppi, huma fost ir-raġunijiet li jispjegaw iż-żieda allarmanti f'azzjonijiet vjolenti minn ċerti organizzazzjonijiet tal-lemin estrem;

6.  Jirrikonoxxi t-tendenza preokkupanti tal-gruppi neo-Faxxisti u neo-Nazisti li jużaw il-midja soċjali u l-internet biex jorganizzaw ruħhom fl-Unjoni Ewropea kollha u jxerrdu propaganda estremista;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-kumpaniji tal-midja soċjali biex jiġġieldu t-tixrid tar-razziżmu, tal-faxxiżmu u tal-ksenofobija fuq l-internet, f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili fuq livell nazzjonali u fuq livell internazzjonali;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jikkundannaw u jissanzjonaw mingħajr eżitazzjoni d-delitti ta' mibegħda, id-diskors ta' mibegħda u t-tfigħ ta' ħtija fuq min ma ħaqqux min-naħa tal-politiċi u tal-uffiċjali pubbliċi fil-livelli kollha u fuq kull tip ta' midja, peress li dawn l-atti jinnormalizzaw u jsaħħu direttament il-mibegħda u l-vjolenza fis-soċjetà;

9.  Jiddeplora l-fatt li f'xi Stati Membri x-xandir pubbliku sar eżempju ta' propaganda min-naħa ta' partit politiku uniku, liema propaganda spiss teskludi l-gruppi ta' minoranza u l-oppożizzjoni mis-soċjetà u saħansitra tinċita l-vjolenza;

10.  Jistieden lill-Istati Membri li fadal biex jiffirmaw u jirratifikaw il-Protokoll Nru 12 għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem sabiex jissalvagwardjaw id-drittijiet taċ-ċittadini tagħhom għall-ħelsien mid-diskriminazzjoni fi kwalunkwe forma;

11.  Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw u jinfurzaw kif xieraq id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/913/JHA dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija;

12.  Jiddeplora l-fatt li 15-il Stat Membru biss jiddiżaggregaw id-data dwar reati ta' mibegħda skont motivazzjonijiet ta' preġudizzju differenti(9);

13.  Jistieden lill-Istati Membri jippjanaw u jipprevedu appoġġ adegwat għall-vittmi ta' reati razzisti jew ksenofobiċi u reati ta' mibegħda;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu unitajiet tal-pulizija speċjalizzati fil-ġlieda kontra r-reati ta' mibegħda;

15.  Jitlob kooperazzjoni sħiħa u tempestiva bejn il-korpi tal-infurzar tal-liġi, l-aġenziji tal-intelligence, il-ġudikatura u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra l-Faxxiżmu, ir-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza;

16.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiffukaw fuq il-prevenzjoni permezz tal-edukazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki, inkluż permezz tan-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni;

17.  Jistieden lill-Istati Membri jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-ġlieda kontra l-manifestazzjonijiet tal-neo-Naziżmu u l-estremiżmu tal-lemin;

18.  Jistieden lill-Istati Membri, lill-klabbijiet tal-futbol u lill-federazzjonijiet sportivi nazzjonali biex jiġġieldu l-pjaga tar-razziżmu, il-Faxxiżmu u l-ksenofobija fl-istejdjums tal-futbol u fil-kultura tal-futbol, billi jikkundannaw u jikkastigaw lil dawk responsabbli, u billi jippromwovu attivitajiet edukattivi pożittivi li jkollhom fil-mira s-sapporters tal-futbol żgħażagħ b'kooperazzjoni mal-iskejjel u mal-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili;

19.  Jenfasizza li waħda mill-prekundizzjonijiet biex tali reati ma jitħallewx iseħħu fil-futur hija li dak li jkun ikun konxju minn dak li ġara fil-passat u li dan l-għarfien jiżvolġi rwol importanti fl-edukazzjoni tal-ġenerazzjonijiet aktar żagħżugħa; jirrimarka li l-minimizzazzjoni tal-gravità tar-reati Nazisti hija l-ewwel pass biex jerġgħu jitqajmu l-ideat minn dik l-era;

20.  Jistieden lill-Istati Membri jikkundannaw u jiġġieldu l-forom kollha ta' ċaħda tal-Olokawst, inklużi l-banalizzazzjoni u t-tnaqqis tal-gravità tar-reati mwettqa min-Nazisti u l-kollaboraturi tagħhom; jirrimarka li l-verità dwar l-Olokawst ma tridx tiġi banalizzata fit-taħdit politiku jew medjatiku;

21.  Jitlob li titrawwem kultura komuni ta' kommemorazzjoni li topponi r-reati Faxxisti tal-imgħoddi; jinsab profondament inkwetat dwar il-fatt li l-ġenerazzjonijiet aktar żagħżugħa fl-Ewropa u fi bnadi oħra kulma jmur qed iħossuhom dejjem inqas ikkonċernati dwar l-istorja tal-Faxxiżmu u għaldaqstant jinsabu f'sogru li jsiru indifferenti għal theddid ġdid;

22.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jippromwovu l-edukazzjoni permezz ta' kultura integrata dwar id-diversità tas-soċjetà tagħna u dwar l-istorja komuni tagħna, inklużi l-atroċitajiet tat-Tieni Gwerra Dinjija, bħall-Olokawst, u d-diżumanizzazzjoni sistematika tal-vittmi fuq numru ta' snin;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

(1)

ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.

(2)

ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

(3)

ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.

(4)

ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.

(5)

ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1.

(6)

https://www.euractiv.com/section/politics/news/commissioner-warns-of-growing-menace-of-right-wing-terrorism-in-eu/

(7)

https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/homeaffairs/files/what-we-do/networks/radicalisation_awareness_network/about-ran/ran-p-and-p/docs/ran_p-p_right_wing_extremism_on_rise_prague_12-13_12_2017_en.pdf

(8)

https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/homeaffairs/files/what-we-do/networks/radicalisation_awareness_network/ran-papers/docs/ran_pol_police_prevention_and_countering_of_far-right_and_far-left_extremism_rome_12-13_april_2018_en.pdf

(9)

http://fra.europa.eu/en/publication/2018/hate-crime-recording

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Ottubru 2018Avviż legali