Proċedura : 2018/2869(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0482/2018

Testi mressqa :

B8-0482/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.12
CRE 25/10/2018 - 13.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0428

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 469kWORD 58k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0481/2018
17.10.2018
PE624.173v01-00
 
B8-0482/2018

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar iż-żieda fil-vjolenza neo-Faxxista fl-Ewropa (2018/2869(RSP))


Soraya Post f'isem il-Grupp S&D
Ana Miranda, Ernest Urtasun, Bodil Valero, Terry Reintke, Ska Keller, Molly Scott Cato, Jordi Solé, Josep‑Maria Terricabras f'isem il-Grupp Verts/ALE
Eleonora Forenza, Merja Kyllönen, Patrick Le Hyaric, Marie‑Pierre Vieu, Marie‑Christine Vergiat, Miguel Urbán Crespo, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga, Estefanía Torres Martínez, Lola Sánchez Caldentey, Marina Albiol Guzmán, Cornelia Ernst, Sabine Lösing, Kateřina Konečná, Jiří Maštálka, Neoklis Sylikiotis, Takis Hadjigeorgiou, Martin Schirdewan, Stefan Eck, Malin Björk, Ángela Vallina, Marisa Matias, Paloma López Bermejo, Stelios Kouloglou, Dimitrios Papadimoulis f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar iż-żieda fil-vjolenza neo-Faxxista fl-Ewropa (2018/2869(RSP))  
B8‑0482/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali,

–  wara li kkunsidra r-rapport, tas-27 ta' Awwissu 2014, tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni tal-verità, il-ġustizzja, il-kumpens u l-garanziji tan-nonrikorrenza,

–  wara li kkunsidra r-rapport, tad-9 ta' Mejju 2017, tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar forom kontemporanji ta' razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 71/179 tad-19 ta' Diċembru 2016 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-ġlieda kontra l-glorifikazzjoni tan-Naziżmu, in-neo-Naziżmu u l-prattiki l-oħra li jikkontribwixxu biex ikebbsu forom kontemporanji ta' razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità(1) (id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej(4),

–  wara li kkunsidra l-fatt li f'Ġunju 2016 ġie stabbilit Grupp ta' Livell Għoli tal-UE biex jiġu miġġielda r-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza,

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Prattika tal-UE dwar id-Diżinformazzjoni,

–  wara li kkunsidra il-Kodiċi ta' Kondotta għall-Ġlieda kontra d-Diskors ta' Mibegħda Illegali Online,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fil-Karta tan-NU hemm imnaqqxa l-valuri u l-prinċipji komuni għall-Istati Membri kollha; billi n-neo-Faxxiżmu jmur kontra dawn il-valuri u l-prinċipji;

B.  billi, skont l-Artikolu 2 tat-TUE, "l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi"; billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri kollha;

C.  billi n-nuqqas ta' azzjoni serja fil-konfront tal-movimenti Faxxisti u tal-lemin estrem ippermetta l-qawmien ksenofobu li hemm bħalissa fl-Ewropa;

D.  billi l-gruppi u l-partiti politiċi apertament neo-Faxxisti, neo-Nazisti u ksenofobi qegħdin jinċitaw il-mibegħda u l-vjolenza fis-soċjetà kontra l-"allegati għedewwa";

E.  billi, skont ir-rapport ta' Europol(5), il-Kummissjarju tal-UE għas-Sigurtà, Sir Julian King, fit-22 ta' Marzu 2017, f'intervent tiegħu fl-okkażjoni ta' avveniment ta' kommemorazzjoni tal-attakki ta' Brussell tal-2016, enfasizza t-theddida dejjem akbar tal-estremiżmu vjolenti tal-lemin u stqarr li huwa ma kienx jaf bi Stat Membru tal-UE wieħed li mhuwiex milqut b'xi mod jew ieħor minn dan il-fenomenu, u semma speċifikament il-massakru fin-Norveġja minn Breivik, l-assassinju tal-Membru Parlamentari tar-Renju Unit, Jo Cox, u l-attakki fuq iċ-ċentri tal-asil u l-moskej fl-Ewropa kollha biex jisħaq fuq dak li hu wissa bħala theddida "inqas irrapportata" għas-sigurtà;

F.  billi l-organizzazzjonijiet neo-Faxxisti u neo-Nazisti juru ruħhom f'diversi forom; billi l-maġġor parti tal-organizzazzjonijiet neo-Faxxisti u neo-Nazisti jinvokaw il-prinċipju tal-libertà tal-kelma; billi d-dritt għal-libertà tal-kelma mhuwiex assolut;

G.  billi l-Artikolu 30 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem jgħid b'mod ċar li xejn f'din id-dikjarazzjoni "ma jista' jkun mifhum li jagħti lil xi Stat, għaqda jew persuna l-jedd li jagħmel xi ħidma jew li jwettaq xi għemil bil-għan li jeqred xi jeddijiet jew libertajiet li huma mxandra hawnhekk";

H.  billi l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali jafferma li l-Istati Partijiet jikkundannaw il-propaganda kollha u l-organizzazzjonijiet kollha li jissejsu fuq ideat jew teoriji ta' superjorità ta' razza jew grupp ta' persuni ta' kulur jew oriġini etnika;

I.  billi fl-2017 Europol irreġistra kważi d-doppju fl-għadd ta' individwi arrestati minħabba reati ta' estremiżmu tal-lemin(6);

J.  billi fit-22 ta' Lulju 2011, inqatlu 77 ruħ u ndarbu 151 fl-attakki fin-Norveġja;

K.  billi fis-16 ta' Ġunju 2016, Jo Cox, Membru tal-Parlament tar-Renju Unit, ġiet brutalment assassinata f'Birstall, fir-Renju Unit, minn persuna li ħaddnet opinjonijiet tal-lemin estrem u nstabet ħatja tal-omiċidju tagħha fit-23 ta' Novembru 2016 u weħlet sentenza ta' priġunerija għal għomorha;

L.  billi tliet militanti Ungeriżi ġew ikkundannati għal għomorhom talli qatlu sitt persuni Rom, fosthom tifel żgħir u ferew bosta persuni Rom oħra fl-2008 u fl-2009;

M.  billi membri tal-grupp Ġermaniż tan-Nationalsozialistischer Untergrund (NSU – Klandestinità Nazzjonalsoċjalista) assassinaw disa' immigranti ta' oriġini Torka u Griega, kif ukoll pulizija mara Ġermaniża bejn l-2000 u l-2006; billi kumitat parlamentari tal-Bundestag Ġermaniż żvela bosta każijiet li fihom is-servizzi tas-sigurtà dehru li satru dak li kienu jafu dwar il-grupp, u minħabba f'hekk ma rnexxilhomx iwaqqfu l-azzjonijiet ta' dan il-grupp għal snin sħaħ;

N.  billi skont ir-rapport intitolat "Rapport tal-2017 dwar il-Protezzjoni tal-Kostituzzjoni (Fatti u Tendenzi) tal-aġenzija Ġermaniża għall-intelligence intern, Bundesamt für Verfassungsschutz (BfV) fl-2017 fil-Ġermanja ġraw 1 054 att ta' vjolenza tal-lemin estrem;

O.  billi ħames attakki terroristiċi li ġew sfrattati, li fallew jew li rnexxielhom iseħħu attribwiti lil individwi tal-lemin estrem ġew irrappurtati fl-2017 mir-Renju Unit(7);

P.  billi l-proċess tal-partit neo-Nazista Żerniq tad-Deheb, akkużat li hu organizzazzjoni kriminali u ħati tal-assassinju ta' Pavlos Fyssas, fost delitti oħrajn, inkluż tentattiv ta' omiċidju, għadu għaddej fil-Greċja;

Q.  billi l-Greċja rreġistrat żieda fl-attakki tal-lemin estrem kontra ċentri soċjali, attivisti, deputati tal-parlament, rifuġjati, migranti u avukati, inkluż kontra l-avukat tal-familja Fyssas; billi n-Netwerk ta' Reġistrazzjoni tal-Każijiet ta' Vjolenza Razzista (Racist Violence Reporting Network – RVRN) fl-2017 iddokumentat, permezz tal-intervisti lill-vittmi, 102 inċidenti ta' vjolenza fil-konfront ta' rifuġjati, immigranti, membri tal-komunità LGBTQI u d-difensuri tagħhom(8);

R.  billi, fil-21 ta' Settembru 2018, l-attivista LGBTQI Zak Kostopoulos ġie brutalment assassinat fiċ-ċentru ta' Ateni; billi wieħed mill-akkużati huwa, allegatament, marbut mal-forzi tal-lemin estrem; billi l-Ministeru tal-Protezzjoni taċ-Ċittadin u l-pulizija Griega ordnaw inkjesta dixxiplinari fil-konfront ta' bosta pulizjotti wara li filmat ġdid kixef atti ta' vjolenza kontra raġel mimdud mal-art ferut u immobbli; billi bosta mezzi tal-komunikazzjoni xandru diskors diskriminatorju u inġurjuż fil-konfront tal-vittma wara li l-mewt tar-raġel u xi gruppi tal-lemin estrem għamlu dimostrazzjonijiet bi slogans vjolenti u omofobi fil-post fejn miet(9);

S.  billi Taljan ġie kkundannat 12-il sena priġunerija talli spara fuq sitt migranti Afrikani u ferihom waqt attakk immotivat minn raġunijiet razzisti f'Macerata, belt fl-Italja ċentrali;

T.  billi, fit-3 ta' Awwissu 2018, gruppi antirazzisti Taljani wissew dwar aċċelerazzjoni fl-attakki kontra immigranti wara 12-il sparatura, żewġ omiċidji u 33 aggressjoni fiżika ġew irreġistrati f'temp ta' xahrejn(10);

U.  billi fil-21 ta' Settembru 2018 2018-il militant tal-partit neo-Faxxista CasaPound ħebbew għal grupp attivisti, fosthom Eleonora Forenza, Membru tal-Parlament Ewropew, u l-assistent tagħha Antonio Perillo, li sofrew ġrieħi gravi, wara dimostrazzjoni anti-Faxxista u antirazzista f'Bari, l-Italja;

V.  billi seba' membri ta' "milizzja" tal-lemin estrem ġew arrestati f'Chemnitz f'nofs Settembru 2018 minħabba disturbi tal-ordni pubbliku dan l-aħħar ittellgħu l-qorti talli huma ssuspettati li ffurmaw organizzazzjoni terroristika li tissejjaħ lilha nnifisha Revolution Chemnitz; billi skont il-prosekuturi federali, l-inkwirenti bidlu l-akkużi minn "kriminali" għal "terroristiċi", wara li eżaminaw il-komunikazzjonijiet interni ta' dan il-grupp;

W.  billi fl-2018, xi gruppi tal-lemin estrem għamlu sensiela ta' attakki fi Franza, pereżempju fis-16 ta' Marzu  kontra liċeo bi tmexxija awtonoma f'Pariġi, fit-3 ta' April kontra l-Fakultà tal-Liġi ta' Montpellier, fis-7 ta' April kontra l-Università ta' Tolbiac f'Pariġi, fit-22 ta' April biex jimpedixxu lil xi migranti fl-Alpi milli jaslu Franza u fil-5 ta' Ottubru kontra l-NGO ta' tiftix u salvataġġ SOS Méditerranée;

X.  billi fi Franza, fis-7 ta' Diċembru 2017, ħames membri tal-moviment "Génération identitaire" ġew ikkundannati għal inċitament għall-mibegħda razzjali u reliġjuża(11); billi, fl-24 ta' Ġunju 2018, għaxar membri tal-grupp tal-lemin estrem "Action des forces opérationnelles" (AFO) ġew arrestati talli ppjanaw sensiela ta' attakki li fil-bersall tagħhom kien hemm membri tal-komunità Musulmana(12); billi, fl-14 ta' Settembru 2018, żewġ ex skin-heads instabu ħatja tal-omiċidju ta' Clément Méric, student żagħżugħ u attivista anti-Faxxista maqtul f'Ġunju;

Y.  billi s-servizz ta' intelligence Franċiż esprima tħassib dwar in-numru li qed jiżdied ta' membri tal-forzi militari u tal-infurzar tal-liġi li qed jingħaqdu ma' gruppi vjolenti tal-lemin estrem(13);

Z.  billi xi individwi marbuta ma' gruppi tal-lemin estrem, inkluża l-Action française, kienu qegħdin jippjanaw attentat terroristiku kontra għadd ta' politiċi Franċiżi u ta' moskej matul l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2017; billi saru talbiet ripetuti biex tingħalaq is-sede tal-Action française; billi l-maġġor parti tal-membri tal-grupp ingħaqdu l-ewwel mal-Front Nazzjonali(14);

AA.  billi fi Spanja, 12-il membru tal-organizzazzjoni neo-Nazista Hogar Social Madrid qegħdin jiġu investigati bħalissa għal inċitament għall-mibegħda; billi xi membri tal-gruppi Faxxisti Spanjoli, Falange, Alianza Nacional u Democracia Nacional ġew arrestati u kkundannati mill-Qorti Suprema Spanjola wara li attakkaw iċ-Ċentru Kulturali Blanquerna ta' Madrid matul iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Jum Nazzjonali Katalan fl-2013; billi fl-2016 l-NGO antirazzista SOS Racismo ddokumentat 309 każijiet ta' vjolenza ksenofoba(15); billi l-president ta' din l-organizzazzjoni rċieva theddid ta' mewt wara li rrapporta dawn il-każijiet u kkundanna n-nuqqas ta' mekkaniżmi effikaċi biex dawn id-delitti jiġu ddenunzjati;

AB.  billi 19-il persuna ġew akkużati mill-Fundación Nacional Francisco Franco, entità li tigglorifika dittatura u d-delitti tagħha, u mill-familja Franco b'bosta reati li jafu jammontaw għal 13-il sena priġunerija wara li wettqu azzjoni paċifika u simbolika billi fetħu żewġ strixxuni kbar mid-dar sinjorili ta' Pazo de Meirás biex jitolbu lill-awtoritajiet pubbliċi jintervjenu ħalli jintradd il-pussess ta' din il-proprjetà lill-poplu Galizjan;

AC.  billi l-Moviment ta' Reżistenza Nordika (NMR), organizzazzjoni neo-Nazista, jorganizza regolarment manifestazzjonijiet fl-Iskandinavja kollha, li fihom kantaw slogans u xejru l-bnadar ħodor u bojod tal-organizzazzjoni; billi bosta membri tal-NMR ġew ikkundannati minħabba attakki vjolenti fil-konfront ta' ċivili u tal-pulizija; billi wieħed mill-mexxejja tal-NMR ġie kkundannat minħabba attakk vjolenti fuq festin tal-Eurovision organizzazzjoni mill-RFSL, il-Federazzjoni Żvediża għad-Drittijiet tal-Persuni Leżbjani, Gay, Bisesswali, Transġeneru u Queer; billi xi membri tal-NMR attakkaw tliet nisa b'bandiera qawsalla f'Almedalen;

AD.  billi l-Iżvezja rreġistrat żieda fl-attakki vjolenti min-naħa ta' grupp u persuni tal-lemin estrem; billi l-bosta attakki bi ħruq doluż kontra ċ-ċentri ta' akkoljenza tar-rifuġjati wassal lill-Gvern Żvediż jaħbi, fl-2015, il-post tal-binjiet iddestinati għall-alloġġ tar-rifuġjati;

AE.  billi, f'rapport ippubblikat fil-15 ta' Mejju 2018(16), il-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI), stabbilita mill-Kunsill tal-Ewropa, stqarret li tinsab allarmata minħabba ż-żieda fl-estremiżmu tal-lemin u n-neo-Faxxiżmu fil-Kroazja;

AF.  billi l-partiti politiċi apertament razzisti, ksenofobi u intolleranti bħalissa huma rrappreżentati fil-Parlament Ewropew, b'hekk ixerrdu l-mibegħda waqt id-diversi laqgħat tal-Parlament kif ukoll barra;

AG.  billi kull sena, fis-16 ta' Marzu, eluf ta' nies jinġabru f'Riga għall-Jum il-Leġjun Latvjan biex jagħtu ġieħ lil-Latvjani li servew fil-Waffen-SS;

AH.  billi filmat ta' milizzja armata fis-Slovenja, imtella' dan l-aħħar fin-netwerks soċjali, wassal għall-arrest tal-ex kandidat presidenzjali u mexxej tal-moviment tal-lemin estrem "Slovenja Unita", Andrej Šiško, li ġie faċilment identifikat bħala l-kap tat-truppi fil-filmat;

AI.  billi l-Prim Ministru Ungeriż, Viktor Orbán, fid-diskors tiegħu tal-21 ta' Ġunju 2017, faħħar lill-kollaboratur Nazista Miklós Horthy bħala "statista eċċezzjonali",

AJ.  billi l-Lega Nord tal-Italja għamlet libell kontra Cécile Kyenge, Membru tal-Parlament Ewropew, talli qalet li l-partit huwa razzista;

AK.  billi fil-25 ta' Ottubru 2017, il-Viċi Prim Ministru tal-Bulgarija, Valeri Simeonov, ġie kkundannat talli ppronunzja diskors ta' mibegħda kontra l-persuni Rom minn qorti reġjonali Bulgara f'kawża ċivili intentata mill-ġurnalisti Bulgari Kremena Budinova u Ognyan Isaev;

AL.  billi fl-4 ta' Settembru 2018, il-President tal-Parlament tal-Ukrajna, Andrey Parubiy, fit-televiżjoni afferma li Adolf Hitler kien "persuna kbira li pprattikat id-demokrazija diretta"; billi mill-bidu tal-2018 C14 u gruppi tal-lemin estrem oħra fl-Ukrajna bħall-Milizzja Nazzjonali affiljata mal-Azov, is-Settur tal-Lemin, Karpatska Sich u oħra attakkaw kemm-il darba lil gruppi Rom, kif ukoll dimostrazzjonijiet anti-Faxxisti, laqgħat tal-kunsilli lokali, avveniment imtella' minn Amnesty International, wirjiet tal-arti, avvenimenti LGBTQI, u attivisti ambjentali; billi l-Ministeru taż-Żgħażagħ u Sport tal-Ukrajna qiegħed jiffinanzja lill-grupp neo-Nazista C14 biex jippromwovi l-"proġetti edukattivi nazzjonali patrijottiċi" fil-pajjiż; billi Amnesty International wissiet li l-Ukrajna qiegħda taqa' f'kaos ta' vjolenza inkontrollata minħabba gruppi radikali u l-impunità totali tagħhom. Prattikament ħadd fil-pajjiż ma jista' jħossu sikur f'dawn il-kundizzjonijiet(17);

1.  Jikkundanna u jiddeplora bil-qawwa l-attakki terroristiċi, l-assassinji, l-attakki fiżiċi vjolenti u l-marċijiet li seħħew f'diversi Stati Membri minn organizzazzjonijiet neo-Faxxisti u neo-Nazisti;

2.  Jinsab ferm imħasseb bin-normalizzazzjoni dejjem akbar tal-Faxxiżmu, tar-razziżmu, tal-ksenofobija u ta' forom oħra ta' intolleranza fi ħdan l-Unjoni Ewropea u huwa inkwetat bir-rapporti ta' kollużjoni, f'ċerti Stati Membri, bejn il-mexxejja politiċi, il-partiti politiċi u l-korpi tal-infurzar tal-liġi u n-neo-Faxxisti u n-neo-Nazisti;

3.  Ifakkar fil-konsegwenzi tal-waħx tan-Naziżmu tal-Faxxiżmu fl-Ewropa;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw li jirtiraw l-unuri uffiċjal kollha mogħtija lin-neo-Faxxisti;

5.  Jinsab partikolarment inkwetat dwar il-vjolenza neo-Faxxista li għandha fil-mira tagħha gruppi partikolari bħalma huma l-Ewropej is-suwed / il-persuni ta' nisel Afrikan, il-Lhud, il-Musulmani, ir-Rom, iċ-ċittadin ta' pajjiżi terzi, il-persuni LGBTQI u l-persuni b'diżabbiltà, il-persuni mingħajr dar u l-femministi;

6.  Huwa ferm imħasseb bl-użu, min-naħa tal-partiti u tal-movimenti neo-Faxxisti, tat-terminu "ideoloġija tal-ġeneru" biex jippromwovu l-vjolenza u l-mibegħda kontra l-moviment femminista filwaqt li joħolqu nuqqas ta' ftehim dwar it-tifsira reali ta' femminiżmu, jiġifieri moviment li jissejjes fuq l-ugwaljanza u d-drittijiet;

7.  Jissottolinja li l-vjolenza li ssir mill-gruppi neo-Faxxisti fl-Ewropa hija akkumpanjata minn żieda fil-miżuri antidemokratiċi, fir-restrizzjonijiet tad-drittijiet, fil-persekuzzjoni u fil-kriminalizzazzjoni tal-azzjoni u tal-ġlidiet tal-movimenti soċjali, tat-trade unions u tal-forzi demokratiċi u progressisti;

8.  Ifakkar li l-ideoloġija Faxxista u l-intolleranza huma dejjem assoċjati ma' attakk fuq id-demokrazija stess;

9.  Jinsab profondament imħasseb dwar l-impunità li biha l-gruppi neo-Faxxisti u neo-Nazisti qed joperaw f'xi Stati Membri u jenfasizza li dan is-sens ta' impunità huwa waħda mir-raġunijiet li jispjegaw għaliex l-azzjonijiet vjolenti minn ċerti organizzazzjonijiet tal-lemin estrem żdiedu b'mod allarmanti;

10.  Iqis li l-elementi li ġejjin jagħmlu parti mill-kawżi profondi taż-żieda fl-ideoloġija u fil-gruppi neo-Faxxisti: il-politiki li jdgħajfu l-pożizzjoni soċjoekonomika tal-ħaddiema u tal-popolazzjoni u t-tqawwija tal-inugwaljanzi soċjali, id-diżrispett tad-dritt internazzjonali u tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, it-tixrid tal-ideat razzisti u ksenofobi fil-politiki uffiċjali, b'mod partikolari fl-UE;

11.  Iqis li d-demokrazija, it-tolleranza, il-kultura u s-solidarjetà jikkostitwixxu l-pedament ta' koeżistenza soda u tat-tisħiħ tar-rabtiet ta' ħbiberija bejn il-pajjiżi u l-popli tal-Ewropa;

12.  Jirrikonoxxi t-tendenza preokkupanti tal-gruppi neo-Faxxisti u neo-Nazisti li jużaw il-midja soċjali u l-internet biex jorganizzaw attivitajiet u jfasslu strateġiji fl-Unjoni Ewropea kollha;

13.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakk mill-iskwadri Faxxisti ta' CasaPound fuq Eleonora Forenza, Membru tal-Parlament Ewropew, l-assistent tagħha, Antonio Perillo, u oħrajn li ħadu sehem f'dimostrazzjoni anti-Faxxista u antirazzista fil-21 ta' Settembru 2018 f'Bari, l-Italja;

14.  Jesiġi li l-pulizija Griega twettaq investigazzjoni bir-reqqa dwar l-assassinju ta' Zak Kostopoulos u l-maltrattament li tiegħu safa vittma, biex kull min hu responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja, sew jekk huma ċivili sew jekk huma pulizjotti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Griegi jieħdu minnufih il-miżuri kollha neċessarji biex jiżgura li l-pulizjotti jirrispettaw il-liġi f'kull mument;

15.  Jilqa' pożittivament id-deċiżjoni ġudizzjarja Finlandiża li tipprojbixxi l-Moviment ta' Reżistenza Nordika (NMR);

16.  Jilqa' pożittivament il-fatt li l-Bundesrat Ġermaniż talab lill-qorti suprema tipprojbixxi kull finanzjament tal-Partit Nazzjonali Demokratiku tal-lemin estrem;

17.  Japprezza d-deċiżjoni tal-Kungress Spanjol li jadotta mozzjoni biex il-fdalijiet ta' Francisco Franco jitneħħew minn qabru fil-mafkar tal-gwerra msemmi "Valle de los Caídos", li sar post ta' pellegrinaġġ għal-lemin estrem; jistieden lill-awtoritajiet Spanjoli jneħħu effettivament is-simboli jew il-monumenti kollha li fadal li jfaħħru l-kolp ta' Stat militari, il-gwerra ċivili u d-dittatura ta' Franco u jitlob li dawk ma jistgħux jitneħħew ikunu suġġetti għal kuntestwalizzazzjoni u reinterpretazzjoni neċessarji, bil-għan li jkunu jistgħu jikkontribwixxu għas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u għall-memorja tal-passat;

18.  Jistieden lill-Istati Membri jikkundannaw u jissanzjonaw mingħajr eżitazzjoni d-delitti ta' mibegħda, id-diskors ta' mibegħda u t-tfigħ ta' ħtija fuq min ma ħaqqux min-naħa tal-politiċi u tal-uffiċjali pubbliċi fil-livelli kollha u fuq kull tip ta' midja, peress li dawn l-atti jinnormalizzaw u jsaħħu direttament il-mibegħda u l-vjolenza fis-soċjetà;

19.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu aktar miżuri biex jimpedixxu, jikkundannaw u jiġġieldu d-diskors ta' mibegħda u d-delitti ta' mibegħda;

20.  Jistieden lill-Istati Membri jinvestigaw id-delitti ta' mibegħda u jieħdu passi legali fil-konfront tal-awturi tagħhom kif ukoll jikkondividu l-aħjar prattiki għall-identifikazzjoni u l-investigazzjoni tad-delitti ta' mibegħda, inklużi dawk motivati speċifikament mid-diversi forom ta' ksenofobija;

21.  Jistieden lill-Istati Membri jippjanaw u jipprevedu appoġġ legali, psikoloġiku u materjali adegwat għall-vittmi ta' delitti ta' razziżmu, mibegħda jew ksenofobija, kif ukoll il-protezzjoni tax-xhieda kollha kontra l-awturi ta' tali delitti, sew jekk huma ċivili sew jekk huma pulizjotti;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu unitajiet tal-pulizija speċjalizzati fil-ġlieda kontra d-delitti ta' mibegħda; jistieden lill-forzi tal-pulizija jiżguraw li l-persunal tagħhom ma jkunx involut f'xi forma ta' atti razzisti, ksenofobi jew diskriminatorji kif ukoll li kwalunkwe azzjoni kommessa ta' dan it-tip tiġi investigata u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġġieldu kontra d-diskors ta' mibegħda u d-delitt ta' mibegħda u jistieden lill-Istati Membri jinteraġixxu mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-identifikazzjoni tad-diskors u tad-delitt ta' mibegħda u fil-ġlieda kontrihom;

24.  Jappoġġa, ifaħħar u jitlob il-protezzjoni tal-gruppi komunitarji u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jiġġieldu kontra l-Faxxiżmu, ir-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza;

25.  Jitlob li jkun hemm leġiżlazzjoni konsolidata tal-UE kontra d-diskriminazzjoni, inklużi t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti kif ukoll il-ħolqien ta' leġiżlazzjoni ġdida, inkluża d-Direttiva dwar it-Trattament Ugwali;

26.  Ifakkar li d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali, tipprevedi bażi ġuridika biex jiġu imposti penali fuq persuni ġuridiċi li jinċitaw pubblikament il-vjolenza jew il-mibegħda kontra grupp minoritarju; ifakkar li dawn il-penali hemm: l-esklużjoni mid-dritt għal benefiċċji pubbliċi, l-iskwalifika mill-eżerċizzju ta; attivitajiet kummerċjali, tqegħid taħt superviżjoni ġudizzjarja u ħruġ ta' ordni ta' stralċ; Ifakkar li d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill kellha tkun implimentata mill-Istati Membri sat-28 ta' Novembru 2010;

27.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni taġġorna r-rapport tagħha tal-2014 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill imsemmija hawn fuq u tiftaħ proċedimenti ta' ksur kontra dawk l-Istati Membri li ma kkonformawx mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni;

28.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jissalvagwardjaw il-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet tal-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill, jiġġieldu kontra l-organizzazzjonijiet li jxerrdu id-diskors ta' mibegħda u l-vjolenza fl-ispazju pubbliku u online billi jimponu l-penali stabbiliti mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill u jippropjbixxu b'mod konkret lill-gruppi neo-Nazisti u neo-Faxxisti kif ukoll kull fondazzjoni jew assoċjazzjoni oħra li jfaħħru u jigglorifikaw in-Naziżmu u l-Faxxiżmu, fir-rispett tal-ordinament ġuridiku nazzjonali u l-kompetenza nazzjonali fil-qasam;

29.  Jitlob pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali kontra l-Faxxiżmu, ir-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza;

30.  Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni sħiħa u f'ħinha bejn il-korpi tal-infurzar tal-liġi, il-ġudikatura u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra l-Faxxiżmu, ir-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza;

31.  Jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw fil-ġlieda kontra l-Faxxiżmu, ir-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza;

32.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu taħriġ intern obbligatorju, ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem u orjentat lejn is-servizz għall-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u għall-uffiċjali fis-sistema ġudizzjarja fil-livelli kollha;

33.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu taħriġ obbligatorju lil dawk li jaħdmu fix-xandir pubbliku u fil-midja biex jissensibilizzawhom dwar l-isfidi u d-diskriminazzjoni li jħabbtu wiċċhom magħhom il-vittmi tal-organizzazzjonijiet neo-Faxxisti u neo-Nazisti;

34.  Jistieden lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ "programmi ta' ħruġ" nazzjonali biex tingħata għajnuna lill-persuni li joħorġu mill-gruppi neo-Faxxisti u neo-Nazisti vjolenti; jissottolinja li tali programmi għandhom imorru ferm lil hinn minn interventi individwali u għandhom jinvolvu appoġġ fit-tul għal dawk li qed jitħabtu biex isibu impjieg, jirrilokaw jew jiżviluppaw netwerks soċjali ġodda u sikuri;

35.  Jenfasizza li waħda mill-prekundizzjonijiet biex tali delitti ma jitħallewx iseħħu fil-futur hija li dak li jkun ikun konxju minn dak li ġara fil-passat u li dan l-għarfien jiżvolġi rwol importanti fl-edukazzjoni tal-ġenerazzjonijiet iż-żgħar; jirrimarka li l-minimizzazzjoni tal-ħruxija tad-delitti Nazisti hija l-ewwel pass biex jerġgħu jitqajmu l-ideat minn dik l-era;

36.  Jitlob li titrawwem kultura komuni ta' kommemorazzjoni li topponi d-delitti Faxxisti tal-imgħoddi; jinsab profondament inkwetat dwar il-fatt li l-ġenerazzjonijiet iż-żgħar fl-Ewropa u fi bnadi oħra kulma jmur qed iħossuhom dejjem inqas ikkonċernati dwar l-istorja tal-Faxxiżmu u għaldaqstant jinsabu f'sogru li jsiru indifferenti għal theddid ġdid;

37.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jippromwovu l-edukazzjoni tas-soċjetajiet tradizzjonali dwar id-diversità tas-soċjetà tagħna, l-istorja komuni tagħna, inklużi l-atroċitajiet tat-Tieni Gwerra Dinjija, bħall-Olokawst, u l-proċess tad-diżumanizzazzjoni sistematika tal-vittmi għal snin sħaħ;

38.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kunsill tal-Ewropa.

 

(1)

ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.

(2)

ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.

(3)

ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.

(4)

ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1.

(5)

Rapport tas-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu fl-Unjoni Ewropea 2018 (TESAT 2018), Europol.

(6)

Rapport tas-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu fl-Unjoni Ewropea 2018 (TESAT 2018), Europol.

(7)

Rapport tas-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu fl-Unjoni Ewropea 2018 (TESAT 2018), Europol.

(8)

Rapport Annwali 2017 tal-RVRN, 28 ta' Marzu 2018.

(9)

http://www.eatg.org/news/we-call-on-the-authorities-to-ensure-that-justice-for-zak-kostopoulos-is-done/

(10)

Artiklu fil-Guardian tat-3 ta' Awwissu 2018 intitolat "Warning of 'dangerous acceleration' in attacks on immigrants in Italy".

(11)

Artiklu f'Le Figaro tal-20 ta' Ottubru 2017 intitolat "Poitiers : prison avec sursis pour les «identitaires» qui avaient occupé une mosquée" (aġġornat fis-7 ta' Diċembru 2017).

(12)

Artiklu f'Le Monde tal-4 ta' Settembru 2018 intitolat "Ce que révèle l'enquête sur les projets d'attentats de l'ultradroite visant des musulmans" (aġġornat fil-5 ta' Settembru 2018).

(13)

Artiklu f'Mediapart tal-9 ta' April 2018 intitolat "Forces de l'ordre liées à l'ultra-droite violente : la DGSI s'inquiète".

(14)

Artiklu f'Le Figaro tat-18 ta' Ottubru 2017 intitolat "Visé par un projet d'attentat, Mélenchon veut des sanctions contre l'Action française’" (aġġronat fid-19 ta' Otttbru 2017).

(15)

Rapport 2016 ta' SOS Racismo.

(16)

Rapport ECRI tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Kroazja (il-Ħames Ċiklu ta' Monitoraġġ), 15 ta' Mejju 2018.

(17)

Artiklu tal-blogg Atlantic Council tal-20 ta' Ġunju 2018.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Ottubru 2018Avviż legali