Proċedura : 2018/2858(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0484/2018

Testi mressqa :

B8-0484/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.13

Testi adottati :

P8_TA(2018)0429

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 455kWORD 54k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0484/2018
17.10.2018
PE624.175v01-00
 
B8-0484/2018

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8‑0410/2018

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar it-trattament xieraq tal-annimali, l-użu tal-antimikrobiċi u l-impatt ambjentali tat-trobbija industrijali tat-tiġieġa tas-simna (2018/2858(RSP))


Anja Hazekamp, Stefan Eck, Kateřina Konečná, Patrick Le Hyaric, Dimitrios Papadimoulis, Merja Kyllönen, Stelios Kouloglou, Marisa Matias, Maria Lidia Senra Rodríguez, Paloma López Bermejo f'isem il-Grupp GUE/NGL
Keith Taylor, Thomas Waitz, Maria Heubuch, Martin Häusling, Yannick Jadot, Marco Affronte, Michèle Rivasi, Pascal Durand, Philippe Lamberts, Karima Delli, Eva Joly, Linnéa Engström, Jakop Dalunde, Margrete Auken, Sven Giegold, Ska Keller, Igor Šoltes, Florent Marcellesi, Bart Staes, Tilly Metz, Bronis Ropė, Ana Miranda, Jordi Solé, Heidi Hautala, Bodil Valero, Julia Reda, Judith Sargentini, Molly Scott Cato, Michel Reimon, Klaus Buchner, Bas Eickhout f'isem il-Grupp Verts/ALE
Karin Kadenbach, Pavel Poc, Jytte Guteland, Maria Noichl, Miriam Dalli, Jeppe Kofod, David Martin, Julie Ward, Kathleen Van Brempt, Miltiadis Kyrkos f'isem il-Grupp S&D
Eleonora Evi, Marco Zullo, Piernicola Pedicini, Rosa D’Amato, Isabella Adinolfi, Laura Agea f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-trattament xieraq tal-annimali, l-użu tal-antimikrobiċi u l-impatt ambjentali tat-trobbija industrijali tat-tiġieġa tas-simna (2018/2858(RSP))  
B8‑0484/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 98/58/KE tal-20 ta' Lulju 1998 dwar il-ħarsien ta' annimali miżmuma għal skopijiet ta' biedja(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2007/43/KE tat-28 ta' Ġunju 2007 li tistabbilixxi regoli minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam ('Direttiva dwar il-Brojlers')(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 543/2008 tas-16 ta' Ġunju 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 f'dak li jirrigwarda l-istandards għat-tqegħid fis-suq tal-laħam tat-tjur(3),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-7 ta' April 2016 dwar l-impatt tas-selezzjoni ġenetika fuq il-benesseri tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam (COM(2016)0182),

–  wara li kkunsidrat l-istudju mill-Kummissjoni tal-21 ta' Novembru 2017 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2007/43/KE u l-iżvilupp ta' indikaturi tal-benesseri,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-13 ta' April 2018 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2007/43/KE u l-effetti tagħha fuq il-benessri tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam, kif ukoll l-iżvilupp ta' indikaturi tal-benessri (COM(2018)0181),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 tal-24 ta' Settembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla(4),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 dwar Pjan ta' Azzjoni Ewropew Saħħa Waħda kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi (AMR)(5),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tad-19 ta' Diċembru 2013 dwar id-diversi metodi ta' sturdament għat-tjur (COM(2013)0915),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2017 dwar it-tħejjija tal-aħjar prattiki rigward il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla,

–  wara li kkunsidra l-Istudju ta' fattibilità tal-Kummissjoni tas-26 ta' Jannar 2009 dwar l-ittikkettar tat-trattament xieraq tal-annimali u l-istabbiliment ta' Ċentru Komunitarju ta' Referenza għall-Ħarsien u t-Trattament Xieraq tal-Annimali (Parti 1: Ittikkettar tat-Trattament Xieraq tal-Annimali),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-28 ta' Ottubru 2009 dwar għażliet għall-ittikkettar tal-benessri tal-annimali u t-twaqqif ta' Netwerk ta' Ċentri ta' Referenza Ewropej għall-protezzjoni u l-benessri tal-annimali (COM(2009)0584),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2009 bit-titlu "Rapport ta' valutazzjoni tal-impatt li jakkumpanja r-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar għażliet għall-ittikkettar tal-benessri tal-annimali u t-twaqqif ta' Netwerk ta' Ċentri ta' Referenza Ewropej għall-protezzjoni u l-benessri tal-annimali" (SEC(2009)1432),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali ('Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali')(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ('Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali ')(7),

–  wara li kkunsidra l-Ewrobarometri Speċjali 270 u 450 dwar l-attitudnijiet taċ-ċittadini tal-UE lejn it-trattament xieraq tal-annimali u l-attitudnijiet tal-konsumaturi tal-UE lejn l-ittikkettar tal-prodotti tal-annimali skont il-metodu ta' produzzjoni,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet u r-rapporti xjentifiċi dwar l-implikazzjonijiet ta' saħħa u benesseri tas-selezzjoni ġenetika, it-trobbija, l-akkomodazzjoni ta' tiġieġ tas-simna u nissiela ta' tiġieġ tas-simna, kif ukoll l-indikaturi tat-trattament xieraq ibbażati fuq l-annimali u r-reżiljenza għall-istress tat-tiġieġ tas-simna ppubblikati mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) bi tweġiba għall-mistoqsijiet EFSA-Q-2012-01002(8), EFSA-Q-2012-00670(9), EFSA-Q-2011-00915(10), EFSA-Q-2009-00798(11), EFSA-Q-2009-00504(12), EFSA-Q-2009-00505(13), EFSA-Q-2009-00796(14), EFSA-Q-2009-00797(15),

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet u r-rapporti xjentifiċi dwar ir-riskji għas-saħħa pubblika konnessi mal-preżenza ta' Campylobacter spp u s-Salmonella spp.. fil-produzzjoni tal-laħam tat-tiġieġ tas-simna ippubblikati mill-EFSA bi tweġiba għall-mistoqsijiet EFSA-Q-2008-293(16), EFSA-Q-2009-00233(17), EFSA-Q-2010-00687(18), EFSA-Q-2008-416A(19), EFSA-Q-2008-416B(20), EFSA-Q-2008-469(21), EFSA-Q-2006-040(22), EFSA-Q-2006-046(23),

–  wara li kkunsidra r-rapport sommarju tal-Unjoni Ewropea dwar ir-reżistenza għall-antimikrobiċi f'batterji żoonotiċi u batterji indikaturi mill-bniedem, l-annimali u l-ikel fl-2014 u l-2016, ippubblikat mill-EFSA u miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) bi tweġiba għall-mistoqsijiet EFSA-Q-2015-00088(24), EFSA-Q-2016-00622(25),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-benesseri tal-annimali, l-użu tal-antimikrobiċi u l-impatt ambjentali tat-trobbija industrijali tat-tiġieġ tas-simna (O-000095/2018 – B8‑0410/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi kull sena jinqatlu madwar seba' biljun tiġieġa tas-simna għal għanijiet ta' ikel fl-Unjoni Ewropea(26);

B.  billi l-biċċa l-kbira tat-tiġieġ tas-simna jitrabbew f'sistemi ta' trobbija industrijali konvenzjonali, fejn jitrabbew għexieren ta' eluf(27) ta' tjur f'kundizzjonijiet ta' spazji ffullati, mingħajr aċċess għal arrikkimenti, spazju fil-beraħ jew dawl naturali, u b'konċentrazzjonijiet għoljin ta' gassijiet li jagħmlu l-ħsara; billi dawn il-kundizzjonijiet huma ta' ħsara għas-saħħa tal-annimali u tal-bniedem u jniġġsu l-ambjent;

C.  billi s-selezzjoni ġenetika tat-tiġieġ tas-simna għal tkabbir rapidu ġiet identifikata mill-EFSA bħala fattur ewlieni li jikkomprometti s-saħħa u t-trattament xieraq ta' dawn l-annimali, u hija responsabbli għal zappip, falliment kardjovaskolari u mortalità għolja;

D.  billi inqas minn 5 % tat-tiġieġ tas-simna kollha fl-UE jappartjenu għal razez li jikbru bil-mod, li huma assoċjati ma' kwalità tal-ħajja aħjar u saħħa aħjar; billi 40 % tat-tiġieġ tas-simna jinżammu f'densitajiet ta' ħażna ta' bejn 34 u 39 kg/m², u 26 % oħra jinżammu f'densitajiet ta' ħażna ta' massimu ta' 42 kg/m², filwaqt li d-densità għandha tkun ta' anqas minn 33 kg/m² skont id-Direttiva 2007/43/KE;

E.  billi, matul il-qatla, l-indikaturi tat-trattament xieraq tal-annimali previsti mid-Direttiva dwar il-Brojlers ta' spiss jintużaw b'mod insuffiċjenti u inkonsistenti madwar l-Istati Membri;

F.  billi l-miżuri robusti bbażati fuq l-annimali għat-trattament xieraq tat-tiġieġ tas-simna identifikati mill-EFSA(28) jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tat-trattament xieraq tat-tiġieġ tas-simna fir-razzett, matul it-trasport u matul il-qatla;

G.  billi l-isturdament fl-ilma b'irbit ta' annimali meta jkunu għadhom ħajjin u inverżjoni tat-tiġieġ joħloq riskji serji u evitabbli għat-trattament xieraq tal-annimali, kif ukoll riskji għas-saħħa għall-ħaddiema; billi l-parametri elettriċi permessi attwalment jistgħu jikkawżaw lil numru sinifikanti ta' annimali li jkunu storduti b'mod inkorrett(29);

H.  billi nirien fil-bini fejn jinżammu l-annimali qed isiru dejjem aktar komuni fl-Unjoni Ewropea;

I.  billi l-użu ta' sistemi ta' biedja u ta' razez tat-tiġieġ tas-simna li jippermettu livell ogħla ta’ trattament xieraq jista' jtejjeb ir-riżultati tas-saħħa u tat-trattament xieraq tal-annimali, u b'hekk jikkontribwixxi għal tnaqqis fil-ħtieġa ta' antimikrobiċi, filwaqt li jkompli jipprovdi prodotti ta' kwalità għolja;

J.  billi livell baxx ta’ trattament xieraq ikkawżat mid-densitajiet tal-ħażna għoljin(30) u mill-istress mis-sħana(31) jista' jwassal għal żbilanċi ormonali, fiżjoloġiċi u immunoloġiċi u jagħmel lit-tiġieġ tas-simna aktar suxxettibbli għall-mard;

K.  billi r-relazzjoni bejn il-kundizzjonijiet ħżiena tat-trattament xieraq tal-annimali, is-sikurezza tal-ikel u l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali hija motivazzjoni sinifikanti għal tħassib dwar it-trattament xieraq tal-annimali;

L.  billi l-preżenza ta' razez żoonotiċi ta' Campylobacter spp. u Salmonella spp. reżistenti għal diversi mediċini f'farms tat-tiġieġ tas-simna u fil-laħam tat-tiġieġ tas-simna tikkostitwixxi theddida dejjem ikbar għas-saħħa pubblika, kif irrappurtat mill-EFSA u mill-ECDC(32);

M.  billi l-prattika tal-irmondar, li tikkonsisti fit-tneħħija ta' parti mill-qatgħa qabel tmiem il-perjodu tat-trobbija sabiex jiżdied il-piż tat-tiġieġ li jifdal, hija assoċjata ma' riskju ogħla b' 25 % ta' kontaminazzjoni tal-laħam tat-tiġieġ tas-simna mill-Campylobacter spp., kif irrappurtat mill-EFSA(33);

N.  billi l-imfaqas u l-istokk ġenitur m'humiex inklużi fid-Direttiva dwar il-Brojlers u għalhekk mhumiex immonitorjati għas-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, għalkemm il-kundizzjonijiet fl-imfaqas u tal-istokk ġenitur jinfluwenzaw is-saħħa u r-rati ta' mortalità fil-farms tat-tiġieġ tas-simna;

O.  billi l-iktar Ewrobarometru speċjali reċenti dwar it-trattament xieraq tal-annimali juri li 'l fuq minn 50 % taċ-ċittadini Ewropej ifittxu informazzjoni dwar il-metodu ta' produzzjoni meta jixtru prodotti tal-annimali u jkunu lesti jħallsu aktar għal trattament xieraq tal-annimali ogħla; billi 'l fuq minn 80 % taċ-ċittadini Ewropej iridu li jissaħħaħ it-trattament xieraq tal-annimali fil-farms fl-UE;

P.  billi, skont ir-rapport tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2009 (COM(2009)0584), l-għoti ta' aktar informazzjoni lill-konsumaturi dwar kif jitrabbew l-annimali fl-irziezet iżid it-trasparenza u jista' jippromwovi livell ogħla ta’ trattament xieraq fil-prattiki tal-biedja;

Q.  billi t-terminoloġija għall-ittikkettar tal-laħam tat-tjur permessa mill-istandards attwali tal-kummerċjalizzazzjoni tat-tjur hija volontarja u ma toffrix trasparenza sħiħa lill-konsumaturi dwar il-metodu ta' produzzjoni;

R.  billi l-bdiewa tal-UE, kif ukoll l-NGOs, esprimew tħassib dwar l-impatti soċjali u ambjentali tal-importazzjonijiet ta' laħam tat-tiġieġ prodott b'mod irħis u ta' ttikkettar qarrieqi ta' laħam tat-tiġieġ ipproċessat fl-Unjoni Ewropea, iżda li joriġina minn pajjiżi terzi bħall-Ukraina;

1.  Jinsab imħasseb dwar iż-żieda ta' aġenti żoonotiċi reżistenti għal diversi mediċini li jinsabu tipikament fit-trobbija tat-tiġieġ tas-simna, bħall-Campylobacter spp., is-Salmonella spp. u l-E. coli(34);

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa politiki biex tinkoraġġixxi l-użu ta' sistemi ta' trobbija alternattivi għat-tiġieġ tas-simna, b'referenza partikolari għal dawk li jużaw razez tradizzjonali u/jew tat-tiġieġ tas-simna li jippermettu livell ogħla ta' trattament xieraq;

3.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-impatt fuq it-trattament xieraq tal-annimali tad-Direttiva dwar il-Brojlers wera l-predominanza ta' densitajiet ta' ħażna għoljin, ogħla mir-regola ġenerali ta' 33 kg/m², u ma żvela l-ebda titjib fir-rigward tal-parametri mmonitorjati, inklużi l-indikaturi tat-trattament xieraq li ħafna drabi jiġu applikati b'mod insuffiċjenti u inkonsistenti madwar l-Istati Membri;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw u jinfurzaw aħjar ir-regoli eżistenti dwar it-trattament xieraq tat-tiġieġ tas-simna;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa indikaturi robusti u vvalidati għat-trattament xieraq tat-tiġieġ tas-simna u l-istokk ġenitur, inkluża gwida għall-aħjar prattiki disponibbli għall-imfaqas, abbażi ta' opinjonijiet tal-EFSA u evidenza xjentifika u teknika assoċjata;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni telimina b'mod gradwali t-trobbija ta' razez tat-tiġieġ li jikbru malajr b'rati ta' tkabbir estremi, li tikkomprometti t-trattament xieraq tat-tiġieġ tas-simna;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw il-possibbiltajiet li jkabbru l-proporzjon ta' tjur imrobbija fil-beraħ bil-għan li kull annimal ikollu mill-inqas aċċess regolari għad-dawl naturali u li jippermettulhom juru mġiba speċifika għall-ispeċi;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-problema ta' nirien fil-bini fejn jinżammu l-annimali billi jippromwovu l-aħjar prattiki u billi jintroduċu rekwiżiti ta' sikurezza kontra n-nirien li jiggarantixxu li l-annimali jistgħu jaħarbu mill-binjiet tagħhom f'każ ta' nirien;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi regoli sabiex telimina b'mod gradwali l-irbit ta' annimali meta jkunu għadhom ħajjin u l-inverżjoni ta' tiġieġ tas-simna kif ukoll l-isturdamenti fl-ilma, u minflok tippromwovi l-użu ta' metodi ta' sturdament umani u sanitarji effettivi;

10.  Jistieden lill-EFSA tfassal opinjoni dwar il-prevalenza u l-fatturi ta' riskju għall-Campylobacter spp., is-Salmonella spp. u l-E. coli b' potenzjal żoonotiku reżistenti għall-antimikrobiċi;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal pjan direzzjonali lejn sistemi ta' trobbija tat-tiġieġ tas-simna alternattivi u fuq skala żgħira li jiggarantixxu livell ogħla ta' trattament xieraq u/jew li jużaw razez tat-tiġieġ tas-simna tradizzjonali, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lit-tnaqqis tal-prevalenza u tat-tixrid tal-aġenti żoonotiċi infettivi reżistenti għall-antimikrobiċi u t-tnaqqis fl-użu tal-antimikrobiċi li huma importanti għas-saħħa tal-bniedem, bi qbil mal-Pjan ta' Azzjoni Saħħa Waħda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi u r-regolamentazzjoni dwar il-prodotti mediċinali veterinarji;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-istandards ta' kummerċjalizzazzjoni tat-tjur u, sabiex tiżgura t-trasparenza għall-konsumaturi, tintroduċi, f'perjodu ta' żmien xieraq, ittikkettar obbligatorju tal-laħam tat-tiġieġ, il-prodotti u l-preparazzjonijiet tal-laħam skont il-metodu ta' produzzjoni (simili għas-sistema ta' ttikkettar tal-bajd), il-pajjiż ta' oriġini, it-trattament xieraq tal-annimali, l-effetti fuq is-saħħa u l-impatt ekoloġiku;

13.  Jenfasizza li żdiedu l-importazzjonijiet ta' laħam tat-tiġieġ minn pajjiżi li għandhom standards ambjentali, soċjali, ta' sikurezza tal-ikel u ta' trattament xieraq tal-annimali iktar baxxi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-laħam tat-tiġieġ, il-prodotti u l-preparazzjonijiet tal-laħam importat ikunu ġew prodotti bi qbil mal-istandards ambjentali, soċjali, ta' sikurezza tal-ikel u tat-trattament xieraq tal-annimali tal-Unjoni;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva tal-Kunsill 2007/43/KE f'perjodu ta' żmien xieraq, tintroduċi indikaturi speċifiċi dwar it-trattament xieraq tal-annimali applikabbli għall-imfaqas u għall-protezzjoni ta' min irabbi t-tiġieġ tas-simna, tispeċifika firxa sħiħa ta' indikaturi tat-trattament xieraq obbligatorji u vvalidati għall-monitoraġġ tat-trattament xieraq tat-tiġieġ individwali fil-farms (inkluż l-istokk ġenitur) u matul il-qatla, skont l-Artikolu 21(8)(e) u l-Artikolu 96(b) tar-Regolament (UE) 2017/625, u tadotta standards imtejba ambjentali u ta' trobbija (inkluż l-użu ta' razez li jippermettu livell ogħla ta’ trattament xieraq, densitajiet ta' ħażna iktar baxxi mingħajr derogi, projbizzjoni fuq l-irmondar lil hinn minn avveniment wieħed għal kull qatgħa, l-għoti ta' arrikkimenti adegwati, aċċess għal biżżejjed dawl naturali u spazju fuq il-passiġġiera, u parametri ta' kwalità tal-arja aktar stretti);

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

(1)

ĠU L 221, 8.8.1998, p. 23.

(2)

ĠU L 182, 12.7.2007, p. 19.

(3)

ĠU L 157, 17.6.2008, p. 46.

(4)

ĠU L 303, 18.11.2009, p. 1.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2018)0354.

(6)

ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(7)

ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(8)

EFSA Journal 2013;11(7):3299.

(9)

EFSA Supporting Publications 2012:EN-341.

(10)

EFSA Supporting Publications 2012:EN-295.

(11)

EFSA Journal 2010; 8(7):1670.

(12)

EFSA Journal 2010; 8 (7):1666.

(13)

EFSA Journal 2010; 8(7):1667.

(14)

Rapport tekniku mressaq lill-EFSA mill-Institut National de la Recherche Agronomique, il-Grupp tax-Xjenzi tal-Annimali ta' Wageningen UR u l-Agence Française de Sécurité Sanitaire des Aliments, "Toward an Information System on Broiler Welfare: Genetic selection Aspects", 11 ta' Mejju 2010.

(15)

EFSA Journal 2009; 7(12):1439.

(16)

EFSA Journal 2011; 9(7):2106.

(17)

EFSA Journal 2011; 9(4):2105.

(18)

EFSA Journal 2011; 9(2):2017.

(19)

EFSA Journal 2010; 8(03):1503.

(20)

EFSA Journal 2010; 8(8):1522.

(21)

EFSA Journal 2010; 8(1):1437.

(22)

Rapport tat-Task Force dwar il-Ġbir tad-Data fuq iż-Żoonosi dwar l-Analiżi tal-istħarriġ bażi dwar il-prevalenza ta' Salmonella f'qatgħat tal-brojlers tal-Gallus gallus, Parti A, The EFSA Journal (2007) 98, 1–85.

(23)

Rapport li jinkludi proposta għal skema ta' monitoraġġ armonizzata ta' reżistenza għall-antimikrobiċi fis-Salmonella fit-tjur (Gallus gallus), dundjani, u ħnieżer u Campylobacter jejuni u C. coli fit-tiġieġ tas-simna, The EFSA Journal (2007) 96, 1–46. 96, 1-46.

(24)

EFSA Journal 2016; 14(2):4380.

(25)

EFSA Journal 2018;16(2):5182.

(26)

Eurostat, statistika dwar it-tbiċċir, l-ispeċijiet kollha, skont il-pajjiż, 2014.

(27)

Germán Giner Santonja, Konstantinos Georgittzis, Bianca Maria Scalet, Paolo Montobijo, Serge Roudier, Luis Delgado Sancho, Best Available Techniques (BAT) Reference Document for the Intensive Rearing of Poultry or Pigs, 2017.

(28)

EFSA Journal 2012; 10(6):2767.

(29)

Il-Kummissjoni Ewropea, Ħarsa ġenerali lejn ir-rapport tal-awditjar tal-FVO biex jiġu evalwati l-kontrolli uffiċjali tal-benesseri tal-annimali waqt il-qatla, imwettqa fl-Istati Membri fl-2016-2015.

(30)

Özcan Cengiz, Bekir Hakan Köksal, Onur Tatlı, Eren Kuter, Umair Ahsan, Gülşen Güven, Ömer Sevim, Sacit F Bilgili, Ahmet Gökhan Önol, "Supplemental boric acid does not prevent the development of footpad dermatitis in broilers subjected to high stocking density", Poultry Science, pey337, 14 ta' Awwissu 2018.

(31)

Lara, L.J., Rostagno, M.H., "Impact of Heat Stress on Poultry Production", Animals, 2013, 3, 356-369.

(32)

EFSA Journal 2018;16(2):5182.\\tradstudiopproj\PPROJ_WF$\WF_VE\Unit Projects\@REs\Project 5\en-GB\EFSA Journal 2018;16(2):5182.

(33)

EFSA Journal 2010; 8(03):1503.

(34)

EFSA Journal 2018;16(2):5182.

 

Aġġornata l-aħħar: 25 ta' Ottubru 2018Avviż legali