Proċedura : 2018/2858(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0485/2018

Testi mressqa :

B8-0485/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0429

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 511kWORD 51k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0484/2018
17.10.2018
PE624.177v01-00
 
B8-0485/2018

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8‑0410/2018

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-benesseri tal-annimali, l-użu tal-antimikrobiċi u l-impatt ambjentali tat-trobbija industrijali tat-tiġieġ tas-simna (2018/2858(RSP))


Herbert Dorfmann f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-benesseri tal-annimali, l-użu tal-antimikrobiċi u l-impatt ambjentali tat-trobbija industrijali tat-tiġieġ tas-simna (2018/2858(RSP))  
B8‑0485/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali ('Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali')(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti(2),

–  wara li kkunsidra l-Pakkett tal-UE dwar l-Iġjene tad-29 ta' April 2004, jiġifieri r-Regolamenti (KE) Nru 852/2004(3), 853/2004(4) u 854/2004(5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2007/43/KE tat-28 ta' Ġunju 2007 li tistabbilixxi regoli minimi għall-protezzjoni tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam(6),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-29 ta' Ġunju 2017 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni Saħħa Waħda Ewropew kontra r-Reżistenza Antimikrobika (RAM)" (COM(2017)0339),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/302 tal-15 ta' Frar 2017 li tistabbilixxi l-konklużjonijiet tal-aqwa tekniki disponibbli (BAT), skont id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għat-trobbija intensiva tat-tjur jew tal-ħnieżer(7),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prodotti mediċinali veterinarji, tal-10 ta' Settembru 2014 (COM(2014)0558),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Jannar 2012 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni u l-Benessri tal-Annimali 2012-2015 (COM(2012)0006),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tal-Annimali li Jinżammu għal Skopijiet ta' Biedja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-13 ta' April 2018 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2007/43/KE u l-effetti tagħha fuq il-benesseri tat-tiġieġ miżmuma għall-produzzjoni tal-laħam, kif ukoll l-iżvilupp ta' indikaturi tal-benessri (COM(2018)0181),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-benesseri tal-annimali, l-użu tal-antimikrobiċi u l-impatt ambjentali tat-trobbija industrijali tat-tiġieġ tas-simna (O-000095/2018 – B8‑0410/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-pubblikazzjoni Agricultural Outlook 2018-2027 tal-OECD-FAO tikkonferma li l-laħam tat-tjur jibqa' l-ixprun ewlieni tat-tkabbir fil-produzzjoni totali tal-laħam; filwaqt li l-ispejjeż baxxi tal-produzzjoni, il-proporzjonijiet għolja tal-konverżjoni tal-għalf u l-prezzijiet baxxi tal-prodotti kkontribwew biex it-tjur isir il-laħam li jintgħażel, kemm għall-produtturi kif ukoll għall-konsumaturi;

B.  billi skont studju riċenti, "il-konsum tal-laħam tat-tjur, bħala parti minn dieta li tinkludi ħafna ħxejjex, hija assoċjata ma' tnaqqis fir-riskju tal-iżvilupp tal-piż żejjed u l-obeżita, il-mard kardjovaskulari, u d-dijabete mellitus tat-tip 2"(8);

C.  billi s-settur Ewropew tat-tjur jibbaża l-produzzjoni tiegħu fuq il-prinċipju "mill-għalqa sal-platt"(9);

D.  billi l-Unjoni Ewropea hija rikonoxxuta bħala wieħed mill-aktar atturi impenjati u ewlenin fil-leġiżlazzjoni tal-benesseri tal-annimali(10);

E.  billi huwa importanti li l-Istati Membri u l-produtturi tal-UE jirrispettaw dawn ir-regoli u li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri jwettqu spezzjonijiet regolari f'dan il-qasam;

F.  billi t-tkabbir globali fid-domanda għal-laħam tat-tjur qed jisboq it-tkabbir fil-provvista; billi hija mbassra żieda ta' 120 % bejn l-2000 u l-2050; billi ż-żieda fil-konsum tal-laħam tat-tjur wasslet ukoll għal żieda fil-konsum tal-laħam fl-UE (is-sehem tal-laħam tat-tjur fil-konsum totali tal-laħam: 1964: 12.6 %, 2014: 31.4 %);

G.  billi l-konklużjonijiet tal-aqwa tekniki disponibbli (BAT) stabbiliti fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/302 għat-trobbija intensiva tat-tjur jew tal-ħnieżer jipprevedu tekniki u limiti stretti tal-emissjonijiet assoċjati biex jitnaqqas l-impatt ambjentali tal-produzzjoni tat-tjur, b'mod partikolari għall-emissjonijiet tal-ammonijaka fl-arja għall-produzzjoni tat-tiġieġ tas-simna(11);

H.  billi l-estimi riċenti tal-impatt ambjentali tal-produzzjoni tal-annimali juru li t-tjur jipproduċu l-inqas ammont ta' emissjonijiet ta' ammonijaka u emissjonijiet ta' gassijiet serra(12);

I.  billi l-livell tal-importazzjonijiet fl-UE huwa ogħla fis-settur tal-laħam tat-tjur milli fi kwalunkwe settur ieħor tal-laħam, u dan iwassal għal sitwazzjoni fejn 25 % tal-laħam tas-sdieri tat-tjur ikkunsmat fl-UE jiġi minn pajjiżi terzi li għandhom leġiżlazzjoni inqas stretta;

J.  billi l-biċċa l-kbira tal-laħam tat-tjur impurtat tintuża fis-servizzi tal-ikel jew ipproċessar tal-ikel, fejn l-informazzjoni dwar l-oriġini tal-laħam mhux obbligatorja;

K.  billi l-Brażil(13), l-Ukrajna(14) u t-Tajlandja(15), flimkien jammontaw għal 90 % tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, kollha ġew soġġetti għal verifiki mid-DĠ SANTE tal-Kummissjoni, li wrew li jeżistu defiċjenzi sinifikanti fil-proċess tal-produzzjoni u fir-rispett lejn il-leġiżlazzjoni tal-UE;

1.  Jirrikonoxxi l-eżiti tar-rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2007/43/KE u l-influwenza tagħha fuq il-benesseri tat-tiġieġ imrobbija għall-produzzjoni tal-laħam; jindika li żewġ terzi biss mill-Istati Membri stabbilixxew sistemi ta' dan it-tip, u li l-awtoritajiet u dawk li jrabbu rnexxielhom ikejlu l-progress u jżommu l-istandards ibbażati fuq eżiti reali tal-benesseri tat-tiġieġ tas-simna permezz tal-evalwazzjoni tad-dermatite tal-kuxxinett tas-saqajn;

2.  Hu tal-fehma li spezzjonijiet regolari mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jiżguraw il-konformità tal-produtturi tat-tjur tal-UE fil-prattika mal-istandards stretti tal-UE dwar is-sikurezza tal-ikel, is-saħħa tal-annimali, l-ambjent u l-benesseri tal-annimali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li dawn l-ispezzjonijiet jitwettqu debitament fuq bażi regolari fl-UE kollha kemm hi;

3.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni dovuta tar-regoli stretti eżistenti tal-UE hija l-aktar aspett importanti f'dan il-qasam; jenfasizza li l-Parlament Ewropew se jappoġġa l-produzzjoni kompetittiva u sostenibbli tal-laħam tat-tjur fl-UE kollha kemm hi;

4.  Jirrikonoxxi l-isforzi li diġà saru mill-bdiewa favur il-benesseri tat-tiġieġ tas-simna fid-diversi Stati Membri;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni armonizzata tad-dispożizzjonijiet stipulati fid-Direttiva tal-benessri tat-tiġieġ tas-simna fl-Istati Membri kollha, fl-interessi ta' kundizzjonijiet ekwi;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni dwar it-tikkettar obbligatorju tal-oriġini ta' prodotti li jkun fihom il-laħam tat-tjur fis-servizzi tal-bejgħ bl-imnut, il-catering u s-servizzi tal-ikel, sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati;

7.  Jinnota li l-produzzjoni tal-bhejjem fuq skala kbira mhix problema mil-lat ta' sostenibbiltà u ambjent, għall-kuntrarju, sikwit tkun iktar adatta għall-ispiża tat-teknoloġiji ambjentali u b'hekk għandha inqas emissjonijiet għal kull unità minn produzzjoni iżgħar tal-bhejjem(16);

8.  Jikkunsidra li r-reżistenza antimikrobika hija problema dinjija, u jinnota li s-settur Ewropew tat-tjur u l-awtoritajiet nazzjonali qed jieħdu inizjattivi biex inaqqsu l-użu tal-antibijotiċi permezz tal-modernizzazzjoni tal-farms tat-tjur(17);

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li t-testijiet magħmula fuq il-laħam tat-tjur importat minn pajjiżi terzi jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-benesseri tal-annimali, is-sikurezza tal-ikel u l-ambjent, sabiex ikunu garantiti kundizzjonijiet ġusti u ekwi għall-produtturi tal-UE;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)

ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(3)

ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1.

(4)

ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

(5)

ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.

(6)

ĠU L 182, 12.7.2007, p. 19.

(7)

ĠU L 43, 21.2.2017, p. 231.

(8)

Marangoni F. et al., Role of poultry meat in a balanced diet aimed at maintaining health and wellbeing: an Italian consensus document, Food and Nutrition Research. 2015; 59: 10.3402/fnr.v59.27606.

(9)

Skeda informattiva tal-Parlament Ewropew dwar is-Sikurezza tal-Ikel.

(10)

Broom, D. M, Animal Welfare in the European Union, Studju għall-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew, l-Unjoni Ewropea, 2017.

(11)

ĠU L 43, 21.2.2017, p. 231 – ara t-tabella 3.2.

(12)

Willems, O.W. et al., Aspects of selection for feed efficiency in meat producing poultry, World’s Poultry Science Journal 69:77-88, Marzu 2013.

(13)

Rapport ta' Verifika tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Brażil, Iċ-ċanġa, il-laħam taż-żiemel u t-tjur - segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport ta' verifika tad-DĠ SANTE/2017-626, 25 ta' Ġunju 2018.

(14)

Rapport ta' Verifika tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Ukrajna, Laħam tat-tjur u prodotti derivati minnu, 20 ta' Lulju 2018.

(15)

Rapport ta' Verifika tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tajlandja, Laħam tat-tjur u prodotti derivati minnu, 23 ta' Awwissu 2018.

(16)

Von Witzke, H. et al., Societal benefits of modern poultry meat production in Germany and the EU, HFFA Research GmbH, il-Ġermanja, 2017.

(17)

Franza: Stqarrija għall-istampa tal-Anses tal-5 ta' Ottubru 2017 bit-titlu "Antimicrobial resistance in animal health: animal exposure to antimicrobials continued to decline in 2016".

Ir-Renju Unit: Kitba tal-British Poultry Council tal-4 ta' Ġunju 2018 bit-titlu "British poultry meat sector's drive for excellence in bird health delivers again on antibiotic stewardship".

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Ottubru 2018Avviż legali