Proċedura : 2018/2869(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0486/2018

Testi mressqa :

B8-0486/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.12
CRE 25/10/2018 - 13.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 408kWORD 50k
17.10.2018
PE624.178v01-00
 
B8-0486/2018

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar iż-żieda fil-vjolenza neo-Faxxista fl-Ewropa (2018/2869(RSP))


Kristina Winberg f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar iż-żieda fil-vjolenza neo-Faxxista fl-Ewropa (2018/2869(RSP))  
B8-0486/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili: l-involviment tal-Ewropa b'appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, kif minqux fl-Artikolu 2 tat-TUE, l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi; billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri;

B.  billi filwaqt li ma hemm ebda definizzjoni adottata legalment ta' neo-Faxxiżmu, dan it-terminu normalment jirreferi għal fehmiet tal-lemin estrem li jinkludu n-nazzjonaliżmu estrem, fehmiet razzisti u fehmiet simili għal dawk użati mill-Partit Faxxista Nazzjonali tal-Italja bejn l-għoxrinijiet u l-erbgħinijiet tas-seklu li għadda;

C.  billi kif jinnota r-rapport 2018 tal-Europol dwar is-sitwazzjoni u t-tendenzi tat-terroriżmu fl-Unjoni Ewropea (TE-SAT), il-maġġoranza tal-attakki terroristiċi mwettqa fl-UE matul l-2017 ġew speċifikament klassifikati bħala attakki separatisti (137 minn 205); billi, madankollu, it-TE-SAT jinnota wkoll li fil-preżent fl-UE ma hemmx netwerks terroristiċi ta' dan it-tip u jistqarr b'mod ċar li f'kull kategorija terroristika ma kien hemm ebda attività rapportata bħala letali u li ħalliet impatt fuq is-soċjetà inġenerali daqs dik imwettqa mit-terroristi ġiħadisti; billi l-Kummissarju responsabbli għas-sigurtà, Sir Julian King, issottolinja t-theddida dejjem tikber tal-estremiżmu vjolenti tal-lemin u stqarr li ma jafx bi Stat Membru wieħed tal-UE li mhuwiex milqut b'xi mod jew ieħor minn dan il-fenomenu, u semma speċifikament il-massakru ta' Breivik fin-Norveġja;

D.  billi l-organizzazzjonijiet neo-Faxxisti u neo-Nazisti juru ruħhom f'diversi forom; billi l-maġġor parti tal-organizzazzjonijiet neo-Faxxisti u neo-Nazisti jinvokaw il-prinċipju tal-libertà tal-kelma; billi d-dritt għal-libertà tal-kelma mhuwiex assolut;

E.  billi fis-16 ta' Ġunju 2016 Jo Cox, Membru tal-Parlament tar-Renju Unit, ġiet brutalment assassinata f'Birstall, ir-Renju Unit;

F.  billi fil-21 ta' Settembru 2018 Eleonora Forenza, Membru tal-Parlament Ewropew, u l-assistent tagħha Antonio Perillo ġarrbu ġrieħi, waqt il-parteċipazzjoni tagħhom f'dimostrazzjoni anti-Faxxista f'Bari, l-Italja;

1.  Jikkundanna u jiddeplora bil-qawwa l-attakki terroristiċi, it-theddid, l-assassinji u l-attakki fiżiċi vjolenti li seħħew fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE minn kull organizzazzjoni jew individwu; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-vjolenza u l-estremiżmu huma preżenti fl-ispettru politiku kollu;

2.  Jinsab profondament imħasseb bil-manifestazzjonijiet kurrenti ta' Faxxiżmu, razziżmu u ksenofobija fl-Unjoni Ewropea;

3.  Huwa partikolarment inkwetat dwar kull tip ta' vjolenza mmirata lejn minoranzi nazzjonali u etniċi partikolari;

4.  Jirrikonoxxi t-tendenza preokkupanti tal-gruppi neo-Faxxisti u neo-Nazisti li jużaw il-midja soċjali u l-internet biex jorganizzaw attivitajiet u jfasslu strateġiji madwar l-Unjoni Ewropea;

5.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza kollha, inkluż l-attakk fuq Eleonora Forenza, Membru tal-Parlament Ewropew, l-assistent tagħha Antonio Perillo u oħrajn li ħadu sehem f'dimostrazzjoni anti-Faxxista f'Bari, l-Italja, fil-21 ta' Settembru 2018;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jissanzjonaw mingħajr eżitazzjoni d-delitti ta' mibegħda, partikolari l-inċitament illegali għall-vjolenza, kif stipulat fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/JHA;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jippjanaw u jipprevedu sostenn adegwat għall-vittmi ta' delitti razzisti jew ksenofobiċi u delitti ta' mibegħda, kif ukoll il-protezzjoni tax-xhieda kollha;

8.  Ifaħħar lill-gruppi komunitarji u 'l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jiġġieldu kontra l-Faxxiżmu, ir-razziżmu u l-ksenofobija;

9.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jissalvagwardjaw il-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill, u jieħdu azzjonijiet kontra organizzazzjonijiet li jxerrdu l-vjolenza fi spazji pubbliċi u jinċitawha online, billi jimponu pieni stabbiliti mid-Deċiżjoni;

10.  Jitlob li jkun hemm involviment sħiħ u f'ħinu mal-gruppi komunitarji u mal-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili sabiex jiġu miġġielda l-Faxxiżmu, ir-razziżmu u l-ksenofobija;

11.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jivverifikaw jekk il-proġetti pilota għall-integrazzjoni mill-ġdid ta' membri ta' gruppi vjolenti, l-hekk imsejħa 'programmi ta' ħruġ', humiex ta' suċċess jew le; jenfasizza li tali programmi għandhom jiġu vvalutati, u fejn ikun ippruvat li kisbu suċċess, jiġu promossi u ffinanzjati b'mod adegwat;

12.  Jenfasizza li waħda mill-prekundizzjonijiet biex tali delitti ma jseħħux fil-futur hija li dak li jkun ikun konxju minn dak li ġara fil-passat u li dan l-għarfien jiżvolġi rwol importanti fl-edukazzjoni tal-ġenerazzjonijiet iż-żgħar; jirrimarka li l-minimizzazzjoni tal-ħruxija tad-delitti Nazisti jew Komunisti hija l-ewwel pass biex jerġgħu jitqajmu l-ideat minn dik l-era;

13.  Iwissi kontra li l-patrijottiżmu jitqabbel man-nazzjonaliżmu estrem; wieħed jirrappreżenta kburija lejn in-nazzjon, u l-ieħor il-mibegħda kontra l-oħrajn kollha;

14.  Jitlob li titrawwem kultura komuni ta' kommemorazzjoni li topponi d-delitti Faxxisti tal-imgħoddi; jinsab inkwetat li Ewropej żgħażagħ li mhumiex konxji mill-istorja tal-Faxxiżmu jissugraw li jsiru indifferenti għal theddid ġdid;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

 

 

(1)

ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.

(2)

ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.

(3)

ĠU C 208, 10.6.2016, p. 25.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Ottubru 2018Avviż legali