Proċedura : 2018/2869(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0488/2018

Testi mressqa :

B8-0488/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.12
CRE 25/10/2018 - 13.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 398kWORD 48k
17.10.2018
PE624.180v01-00
 
B8-0488/2018

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar iż-żieda fil-vjolenza neo-Faxxista fl-Ewropa (2018/2869(RSP))


Gilles Lebreton f'isem il-Grupp ENF

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar iż-żieda fil-vjolenza neo-Faxxista fl-Ewropa (2018/2869(RSP))  
B8‑0488/2018

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 10 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ottubru 2018 dwar iż-żieda fil-vjolenza neo-Faxxista fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Artikolu 10(3) tat-TUE jirrikonoxxi d-dritt ta' kull ċittadin li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni u jirrifletti d-drittijiet li huma garantiti liċ-ċittadini tal-Istati Membri fil-kostituzzjonijiet nazzjonali rispettivi tagħhom;

B.  billi din id-dispożizzjoni trid tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikolu 2 tat-TUE, li jfakkar fil-valuri komuni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha;

C.  billi fid-demokrazija l-eżerċizzju tal-politika jeskludi l-użu ta' kwalunkwe forma ta' vjolenza;

D.  billi l-vjolenza ilha żmien twil wisq tintuża u tiġi leġittimizzata minn gruppi politiċi ta' kull xejra;

E.  billi sistema ta' poter politiku li jalterna hija parti integrali mid-demokrazija u ma tistax tilleġittimizza l-użu tal-vjolenza;

1.  Jikkundanna kwalunkwe użu tal-vjolenza għal finijiet politiċi;

2.  Iqis li l-użu tal-vjolenza għal finijiet politiċi huwa suġġett importanti wisq biex jiġi sfruttat għal finijiet partiġjani u li l-ebda vjolenza politika ma tista' tiġi tollerata, irrispettivament għal liema raġuni – ideoloġika, ekonomika, soċjali, etnika, reliġjuża, ambjentali jew ta' natura oħra – tkun saret;

3.  Iwissi kontra l-fatt li t-terminu "Faxxiżmu" jintuża ta' spiss wisq biex itellef il-krettu lill-oppożizzjoni politika demokratika u jiġġustifika vjolenza inaċċettabbli; jikkundanna lill-organizzazzjonijiet li jużaw din ir-retorika u lill-forzi politiċi li jappoġġawhom;

4.  Jistieden lill-partiti politiċi Ewropej kollha jżommu milli jisfruttaw eċċessi individwali – reali jew preżunti – biex jippruvaw idgħajfu l-kredibbiltà ta' gvernijiet eletti b'mod leġittimu jew biex jiddjabolizzaw formazzjonijiet politiċi nazzjonali jew Ewropej rikonoxxuti legalment;

5.  Jissottolinja li l-fatt li wieħed jikkritika istituzzjonijiet politiċi, ideoloġiji jew reliġjonijiet ma jikkostitwix fih innifsu espressjoni ta' Faxxiżmu, ksenofobija jew diskors ta' mibegħda;

6.  Ifakkar li l-ġlieda kontra l-vjolenza politika ma tridx twassal de facto biex il-libertà tal-espressjoni tiġi abbandunata;

7.  Jinsisti fuq il-fatt li ċ-ċittadini għandhom id-dritt li jiddefendu l-ideat politiċi tagħhom permezz ta' azzjonijiet jew dimostrazzjonijiet ta' kwalunkwe tip, dment li dawn ikunu paċifiċi u li ma jikkaġunaw l-ebda ħsara lill-proprjetà jew lill-persuni;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

 

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Ottubru 2018Avviż legali